ŻOMM AĠĠORNAT:

Kif qed taraw din hija kampanja elettorali intensiva ħafna. Madankollu xorta qed insib ċans immur dik il-ġirja u ftit eżerċizzju l-ewwel ħaġa filgħodu. Mgħaġġla kemm hi mgħaġġla l-ħajja dik in-nofs siegħa għalina u għal saħħitna żgur li nistgħu insibuha. Dan lili jgħini biex matul il-jum inkompli bil-missjoni tagħna li nwasslu l-messaġġ fundamentali quddiemna. Fl-aħħar jumejn erġajt kelli nkun jien li mmur għand il-Maġistrat biex inkompli nikxef l-għemil ħażin tan-nies viċin il-Prim Ministru. Joseph Muscat tant jaf li għandna raġun li issa ħbiehom lis-super candidate Konrad Mizzi u c-chief of staff Keith Schembri matul dil-kampanja. Hu mingħalih li qed jipprova jkompli jaħbi billi jgħid li qed naħlu l-ħin tal-Maġistrat, iżda l-verità hi li din l-informazzjoni missu wasal għaliha u investigaha l-Kummissarju tal-Pulizija meta kellu l-ewwel l-informazzjoni xhur ilu. Dan m’għamlux għax b’Joseph Muscat fit-tmexxija l-ewwel l-interessi tal-klikka ta’ Kastilja u mbagħad l-interess Nazzjonali.

Il-Forza Nazzjonali biss tista’ tirranġa din is-sitwazzjoni u għalhekk nibqgħu konvinti li din hi elezzjoni li tħoll u torbot il-prinċipji tagħna. Iżda mhux biss, qed nuru biċ-ċar li dan huwa partit li bilfors għandu riċetta aqwa minn ta’ ħaddieħor għax barra li se nikkonsolidaw l-ekonomija se nnaddfu r-reputazzjoni ħażina li għamlilna Muscat fl-aħħar 4 snin.

Diġa’ spjegajna ħafna mill-proposta fejn se ngħinu lil kull faxxa tas-soċjetà ħalli l-ġid verament jinħass mill-faxex kollha. Se ngħinu lin-negozji żgħar billi nnaqsulhom it-taxxa, billi qed nintrabtu li 25% tax-xiri mill-Gvern jkun mingħandhom u mingħand kumpaniji li jħaddmu inqas minn 50 ruħ - biex niżguraw li ż-żgħir ikollu sehem akbar fl-ekonomija. Lill-familji se ngħinuhom b’iktar servizzi ta’ child care centres b’xejn, u niżguraw pagi l-istess għall-istess xogħol. Għal Għawdex għandna 100 proposta waqt li qed nintrabtu li verament nibżgħu għall-ambjent billi ma niżviluppawx iż-Żonqor u lanqas il-White Rocks. Minn hawn nixtieq ukoll nagħmilha ċara li l-Partit Nazzjonalista huwa favur iktar drittijiet ċivili u għalhekk bħala Prim Ministru se niżgura żwieġ għall-koppji tal-istess sess.

Intant, nħeġġiġkom mill-ġdid tingħaqdu bi ħgarkom magħna għada għall-Mass meeting f’Ħaż Żabbar. Narakom!!