ŻOMM AĠĠORNAT:

‘Irrid soċjetà li jimpurtaha fejn ma nibqgħux niskużaw kollox għax l-ekonomija tal-pajjiż sejra tajjeb. Huma n-negozji li joħolqu l-ġid iżda l-Gvern qed joħloq il-faqar, fejn il-ġid mhux qed jasal għand kulħadd.’, hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt intervista fuq Radio 101.

Adrian Delia qal li l-Ministru Carmelo Abela jrid iġorr ir-responsabbilità politika tad-deċiżjoni li jqabbad ħaddiema tal-Gvern biex iwettqu xogħlijiet fid-dar tiegħu, għaliex Ministru m’għandu qatt iqabbad ħaddiema tal-Gvern biex jagħmlulu x-xogħol. Huwa qal li huwa inaċċettabbli li l-Ministru Abela ma jpoġġix lilu nnifsu għall-iskrutinju ta’ inkjesta indipendenti u minflok saret inkjesta interna li mhi indipendenti xejn.

 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll fuq il-ġiti li għamel il-Ministru Chris Cardona bit-taxxi tan-nies. Adrian Delia qal li mhux aċċettabbli li Ministru ma jippreżentax l-irċevuti kollha, tant li l-Awditur Ġenerali qal li ma jistax jinvestiga għax m’għandux id-dokumentazzjoni kollha f’idejh. Dr Delia qal li fil-każijiet tal-Ministri Abela u Cardona u taċ-Chief of Staff Keith Schembri, l-Prim Ministru baqa’ sieket u baqa’ jgħattilhom.

 

Dr Delia qal li fil-Parlament staqsa lil Joseph Muscat dwar ir-rapporti fil-midja indipendenti fejn ġie allegat li ċ-Chief of Staff Keith Schembri rċieva $430,000, ħamest ijiem wara ż-żjara fl-Ażerbajġan. Fil-Parlament Joseph Muscat iddefenda lil Keith Schembri u qal li dawn l-allegazzjoni tal-midja kienet ‘storja mimlija invenzjonijiet’. Adrian Delia qal li fid-dawl ta’ aktar allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Keith Schembri fil-midja, in-nies qed jistennew li jsiru jafu l-verità u għalhekk staqsa jekk Joseph Muscat hux se jibqa’ jgħid li dawn huma biss stejjer mimlija bl-invenzjonijiet.

 

Adrian Delia qal li jrid soċjetà li jimpurtaha mill-ħarsien tar-reputazzjoni tal-pajjiż, liema reputazzjoni ħadmu għaliha n-nies matul is-snin. Huwa qal li mhux aċċettabbli li f’pajjiż demokratiku u Ewropew, awtoritajiet finanzjarji bħalma huma l-FIAU u l-MFSA jispiċċaw investigati mill-Awtorità Bankarja Ewropea u ħadd ma jerfa’ r-responsabbilità politika. Dan hekk kif l-MFSA tinsab investigata wara l-ħruġ tal-liċenzja lill-bank Pilatus, li l-eks chairman tiegħu Ali Sadr jinsab akkużat fl-Istati Uniti b’konnessjoni mal-ħasil tal-flus. Dr Delia staqsa għalfejn Joseph Muscat għadu jipproteġi lil Keith Schembri u Konrad Mizzi minflok jieħu d-deċiżjonijiet biex iħares ir-reputazzjoni tal-pajjiż.

 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li n-nuqqasijiet li wasslu biex l-Awtorità Bankarja Ewropea tinvestiga l-awtoritajiet Maltin saru taħt il-Ministru Edward Scicluna, li taħtu ngħatat ukoll il-liċenzja lill-bank Pilatus biex ikun jista’ jaħdem minn Malta. Dr Delia qal li waqt id-diskussjoni fil-Parlament dwar ir-rapport tal-Parlament Ewropew huwa appella biex jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex jiġi mħarsa s-settur bankarju u s-settur tas-servizzi finanzjarji u biex f’Malta jiġu attirati banek ta’ kwalità u serjetà u mhux bank li huwa mifni b’allegazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus.

 

Adrian Delia qal li filwaqt li l-Ministri mhux qed iġorru r-responsabbilità politika, in-nies qed jirċievu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma aktar spiss u aktar għoljin. Dan għaliex il-Gvern qed tħaddem ħażin is-sistema tal-ħruġ tal-kontijiet u l-ARMS qed joħorġu kontijiet aktar spiss. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista għaddej bl-eżerċizzju li jiskrutinja l-kontijiet li n-nies qed iġibu magħhom fid-Dar Ċentrali.

 

Dr Delia qal li għall-korruzzjoni jispiċċaw iħallsu n-nies u filwaqt li Joseph Muscat jgħid li dan huwa l-aqwa żmien, id-dejn tal-Gvern żdied kemm ilu l-Gvern Laburista. Dan meta mill-istatistika jirriżulta li bejn l-2013 u l-aħħar tal-2017, id-dejn tal-Gvern żdied b’aktar minn €480 miljun. Adrian Delia qal li filwaqt li l-Gvern jiftaħar bis-surplus, il-ġid mit-tkabbir ekonomiku mhux qed jasal għand kulħadd tant mill-istatistika ħareġ biċ-ċar kif wieħed minn kull għaxra mhux waqgħu lura fil-pagamenti tal-kirjiet tad-djar jew tal-loans mal-bank għar-residenzi tagħhom.

 

10.06.2018