ŻOMM AĠĠORNAT:

Jien dejjem għidt li m’għandniex nibżgħu insemmgħu leħinnha kontra l-korruzzjoni. Meta jkolli l-provi jien ngħaddihom lill-Awtoritajiet li verament jistgħu jiggarantixxu li f’Malta tirrenja d-demokrazija sħiħa. Sfortunatament la l-forzi tal-ordni, partikolarment it-tmexxija tal-korp tal-pulizija trid apposta tibqa’ għamja u siekta quddiem ix-xibka t’abbużż li qed tiswielna r-reputazzjoni ta’ pajjiżna, ilbieraħ jien ġejt quddiem il-poplu Malti u Għawdxi kollu u kxift dettalji ġodda dwar kif l-iktar persuna qrib il-Prim Ministru Joseph Muscat għadda iktar minn €650,000 lill-eks Direttur Maniġerjali ta’ Allied Group Adrian Hillman bla spjegazzjoni ta’ xejn u liema flus għaddew minn kumpaniji sigrieti u strutturi finanzjarji sigrieti, fost l-oħrajn permezz ta’ banek fl-Iżvizzera, f’Ġibilità u Pilatus Bank ta’ Ta’ Xbiex.

Din hija prova oħra li se nieħu għand il-Maġistrat inkwerenti għaliex iktar minn qatt qabel huwa ċar li Joseph Muscat mhux biss nies korrotti għandu miegħu f’Kastilja iżda kriminali. Jiċħdu kemm jiċħdu bl-istqarrijiet tagħhom, il-provi huma iswed fuq l-abjad. Nibqa’ tal-punt li għahekk din l-elezzjoni bikrija li għandna quddiemna hija elezzjoni dwar il-prinċipju. Il-Gvern ta’ Muscat ried li nivvotaw daqshekk kmieni biex il-kors tal-ġustizzja ma tilħaqx tagħti verdett tagħha. Iżda ċertament il-poplu qed jifhem l-għażla ċara u fondamentali li għandu quddiemu. Anke ż-żgħażagħ wrew ilbieraħ waqt id-dibattitu fl-Università  li jimpurtahom dwar il-ġid komuni ta’ pajjiżna. Qed jgħarrfu li qed jgħixu f’pajjiż li għandu l-istrutturi istituzzjonali mhedda minn Joseph Muscat li japprova l-korruzzjoni u jibqa’ jiddefendi nies li ta’ kuljum imexxu għal buthom biss. Iż-żgħażagħ huma s-sinsla tal-futur ta’ pajjiżna u għahekk huma wkoll qed iħossuhom iktar parti kruċjali mill-Forza Nazzjonali. Illum qed nerġgħu ngħixu ż-żminijiet meta 14–il sena ilu għidna IVA għall-Malta fl-Ewropa. Illum hemm bżonn ngħidu IVA mill-ġdid għal Malta u LE għal Joseph Muscat.

Għalhekk aħna fiduċjużi, mimlijin bit-tama, li intom se tkunu minn ta’ quddiem li bħalma 13–il sena ilu, tagħtu rebħa lil min hu fuq in-naħa tas-sewwa. U dan nistennewh bir-raġun kollu, għaliex issa sar iktar ċar x’inhi d-differenza bejn il-Forza Nazzjonali tagħna u l-Gvern ta’ Muscat wara 4 snin sħaħ ta’ ħakma b’qerq u korruzzjoni.

Jien nitlobkom li bl-intelliġenza tagħkom, bil-mohh tagħkom, bir-raġuni tagħkom tifhmu għala l-pajjiż qed isejjħilna. Kulk min se jivvota għall-Forza Nazzjonali għandu jagħmel dan mhux  għax forsi dejjem ivvota lill-Partit Nazzjonalista, iżda għax il-Pajjiż hekk jixraqlu: Gvern ġdid, Gvern Sinċier, Gvern Onest, Gvern li verament ikollu l-enerġija biex jreġġa’ lura r-rupatazzjoni li tixraqilna u jippjana l-quddiem għall-ġid tal-poplu kollu.

Ħbieb tiegħi, baqalna ftit jiem ohra biex nissiġillaw ir-rebħa għas-sewwa. Jekk aħna nimxu bilgħaqal, ikollna fiduċja fina nfusna, nkunu leali lejn il-prinċipji li nemmnu fihom, IVA se nergġħu nreġġgħu dan il-pajjiż fuq saqajh. Jien nħeġġeġ lil dawk il-Laburisti Maltin u Għawdxin li dan il-Gvern ta’ Muscat tradihom u caħadhom biex ma jibżgħux jersqu lejn il-Forza Nazzjonali u flimkien immexxu Gvern tan-Nazzjon kollu. Iseħħ hekk biss jekk fit-3 ta’ Ġunju INT tagħżel MALTA.