ŻOMM AĠĠORNAT:

FLIMKIEN BISS NAFFAĊĊJAW

L-ISFIDI GĦAL PAJJIŻNA

Fit-tnejn u sittin sena li ilu jaħdem il-proġett tal-UE ġabar fi ħdanu 28 Stat Membru, b’aktar minn 500 miljun popolazzjoni, biex sar wieħed mill-akbar swieq fid-dinja, u ggarantixxa l-paċi fl-Ewropa għal dawn is-snin kollha. Is-sigriet dejjem kien ħidma flimkien f’għaqda li tirrispetta u tivvalorizza d-diversità.

 

Il-viżjoni Ewropea u l-pjan fit-tul li kellu l-Partit Nazzjonalista wasslu b’suċċess għal sħubija fl-Unjoni Ewropea 15-il sena ilu. Dakinhar mhux kulħadd kien magħna anzi għal ħafna mumenti konna mfixxkla u mxekkla min-negattiviżmu tal-Partit Laburista, iżda llum kulħadd jirrikonoxxi li din is-sħubija kienet ta’ benefiċċju kbir għal pajjiżna. Dan mhux biss għaliex Gvern Nazzjonalista ġab xejn anqas minn €2 biljun lejn pajjiżna u għaliex tħares fejn tħares tara sal-lum proġetti kbar iffinanzjati minn dawn il-fondi iżda wkoll għaliex is-sħubija għadha tagħti serħan tal-moħħ li meta jittieħdu deċiżjonijiet kbar li jaffettwaw lil pajjiżna aħna se nibqgħu nkunu mall-mejda tad-deċiżjonijiet.

 

Il-PN jaf li l-Ewropa u pajjiżna għadhom jaffaċċjaw sfidi kbar u jkun żball jekk naljenaw rasna u naħsbu li l-kisbiet li qed ingawdu huma garantiti għal uliedna u wlied uliedna. F’pajjiżna stess il-Gvern Laburista dgħajjef l-istituzzjonijiet li fuqhom il-poplu jistrieħ għall-ġustizzja, il-kontabilità, it-trasparenza u l-governanza tajba. B’għemilu qed inawwar il-kredibilità ta’ pajjiżna u jherri s-sisien tad-demokrazija u l-libertà. Fuq livell Ewropew qed naffaċċjaw sfidi u riskji mhux żgħar. Il-fenomenu tal-immigrazzjoni, id-diffikultajiet fil-governanza istituzzjonali tal-UE u l-qawmien f’ħafna pajjiżi ta’ movimenti estremi populisti tal-lemin u x-xellug qed jattakkaw u jheddu l-fiduċja tal-popli fl-Unjoni Ewropea.

 

Waqt li qed iseħħ dan kollu, qed naraw żviluppi teknoloġiċi u bidliet fil-klima u l-ambjent li bħalhom l-umanità qatt ma rat fl-istorja tagħha. Ir-rivoluzzjoni teknoloġika u diġitali qed tbiddel l-ekonomija, id-dinja tax-xogħol, il-politika, il-midja, ix-xjenza, b’impatt fuq il-ġejjieni tal-bniedem. Dawn huma sfidi li se jkunu magħna u mal-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Dan kollu jġib miegħu inċertezzi u riskji, imma wkoll opportunitajiet, ta’ livell kompletament ġdid għall-bnedmin. L-ebda pajjiż waħdu ma jista’ jsib tarf dawn l-isfidi. Bilfors irridu naħdmu flimkien ma’ pajjiżi oħra fi ħdan l-Unjoni Ewropea biex l-isfidi nibdluhom f’opportunitajiet. Din is-sitwazzjoni tħeġġiġna aktar nimpenjaw ruħna u naħdmu flimkien bħala Maltin u Ghawdxin u bħala Ewropej biex inkunu fl-aħjar qagħda possibbli li naffaċċjaw kull sitwazzjoni u noħorġu minnha rebbiħin.

 

Adrian Delia
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista

pn.org.mt

 

Manifest_Elettorali_MEP_2019.png

 

Għafas hawn biex tniżżel id-dokument uffiċjali tal-Kunsill Ġenerali April 2019