ŻOMM AĠĠORNAT:

RIFORMA U TIĠDID

Governanza Tajba Għal Demokrazija b'Saħħitha

 

Adrian_Delia.jpg

Il-ħajja ta’ nazzjon hija ġrajja mingħajr waqfien, ġrajja li fiha mumenti sbieħ u mumenti ta’ sfida. Bħalissa għaddejjin minn l-iktar mumenti diffiċli mill-Indipendenza, minn mindu ħadna rajna f’idejna.

Quddiemna għandna sitwazzjoni bla preċident. Kwadru ta’ swied il-qalb li jiġbor fih assassinju ta’ ġurnalista, attentat ta’ frame up u cover up bl-involviment tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, klikka ta’ kriminali b’konnessjonijiet politiċi li aġixxiet b’impunità, Gvern li kiser il-kostituzzjoni, awtoritajiet li mhux qed jagħmlu jew mhux qed jitħallew jagħmlu xogħolhom sew, poplu nkwetat u mnikket u ekonomija li qed tinġibed lura mill-piż tas-sitwazzjoni.

Huwa f’dan l-isfond li l-Partit Nazzjonalista qiegħed isejjaħ l-ogħla organu tiegħu, l-Kunsill Ġenerali. Mhux qed inlaqqgħu dan il-Kunsill biex neżaminaw is-sitwazzjoni politika. Qegħdin insejħu dan il-Kunsill għaliex irridu nressqu għall-kunsiderazzjoni tal-kunsillieri tagħna proposti li jekk jiġu implimentati għandhom jassiguraw li dak li seħħ f’pajjiżna ma jiġri qatt aktar.

Aħna għandna l-obbligu li nagħmlu dan il-pass, li noħorġu b’soluzzjonijiet li huma fl-interess ta’ pajjiżna, tal-ġenerazzjonijiet tal-lum u t’għada. Aħna poġġejna f’keffa l-poteri li għandu l-Gvern, partikolarment il-Prim Ministru u fil-keffa l-oħra poġġejna l-poteri li suppost għandhom istituzzjonijiet oħra tal-pajjiż. Sibna żbilanċ kbir u qed nipproponu kif dan l-iżbilanċ jista’ jiġi ndirizzat. Rajna wkoll li f’pajjiżna hemm bżonn li tissaħħaħ il-vuċi tas-soċjetà ċivili u tal-media indipendenti u qed ngħidu kif dan jista’ jsir. Rajna li l-mekkaniżmi li suppost jiġġieldu l-korruzzjoni mhumiex b’saħħithom biżżejjed u allura qed ngħidu kif dawn jistgħu jingħataw iżjed saħħa. Ħarisna lejn l-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna, l-Parlament u sibnih dgħajjef biex iwettaq il-funzjoni tiegħu ta’ skrutinju fuq il-Gvern. Dan mhux aċċettabbli f’demokrazija. Il-poplu ta vuċi lir-rappreżentanti tiegħu u l-ebda gvern m’għandu d-dritt li jsikket dik il-vuċi, kif għamel dan il-Gvern.

Il-Partit Nazzjonalista kien il-partit li ġab l-ikbar bidliet politiċi f’pajjiżna. Pajjiżna qed jerġa’ isejjaħ lil dan il-partit f’din is-siegħa ta’ prova. Dan id-dokument huwa wieħed mill-azzjonijiet li qed nieħdu biex inwieġbu għal din is-sejħa. Qed inkunu radikali għaliex hekk għandu bżonn pajjiżna. Pajjiżna spiċċa f’sitwazzjoni li kważi hi rrimedjabbli. F’dan il-mument kritiku hemm bżonn ta’ interventi kbar li jidħlu fil-fond kif issir il-politika f’pajjiżna, fil-mod kif jiġi ggvernat pajjiżna.

Dawn il-proposti qed inġibuhom għall-kunsiderazzjoni tal-Kunsill Ġenerali fiż-żmien meta l-Partit Nazzjonalista qiegħed jaħdem fuq bidliet interni kbar li wkoll ’il quddiem se jinġiebu għall-kunsiderazzjoni tal-kunsillieri tal-partit. Imma dan il-mument jitlob li l-attenzjoni tagħna tkun fuq pajjiżna. Irridu nħarsu ’l quddiem filwaqt li nżommu għajnejna fuq il-preżent. Irridu naħdmu għas-soluzzjonijiet fit-tul filwaqt li nassiguraw li l-ġustizzja sseħħ mingħajr biża’ jew favur illum qabel għada. U hekk se nagħmlu.

 

Adrian Delia

Kap tal-Partit Nazzjonalista

 

 

 

Clyde_Puli.jpg

 

Pajjiżna għaddej minn żmien diffiċli, minn kriżi li l-għeruq tagħha joħorġu mill-kuruturi ta’ Kastilja. L-ogħla uffiċċju eżekuttiv ta’ pajjiżna, l-uffiċċju li suppost iħares is-saltna tad-dritt, l-uffiċċju li suppost jassigura li pajjiżna jimxi u jitmexxa b’mod serju u onest kien il-post fejn inħadmu ‘patti mxajtna’, fejn infetħu kumpaniji sigrieti, fejn saru tentattivi biex assassinju jibqa’ mistur.

 

Fl-isfond ta’ dawn il-ġrajjiet serjissimi, ħareġ ċar li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna ma kinux robusti biżżejjed. Ħareġ ċar li hemm bżonn ta’ bidliet radikali sabiex jiġi assigurat li pajjiżna ma jerġax jgħaddi minn dak li għaddej minnu bħalissa. 

 

Il-Partit Nazzjonalista fehem dan il-bżonn. Ħares bir-reqqa lejn id-defiċjenzi. Studja sew x’kienu l-kawżi li wasslu għal kriżi Kostituzzjonali u għat-tkissir tas-saltna tad-dritt. Imma ma waqafniex hemm. Fejn rajna li hemm nuqqasijiet offrejna proposti għal soluzzjonijiet. Filwaqt li nemmnu li t-tluq ta’ Joseph Muscat minn Prim Ministru huwa biss l-ewwel pass u immedjat li għandu jsir, daqstant ieħor nemmnu li t-triq għal fejqan teħtieġ ħafna aktar minn hekk.

 

Qed noħorġu b’dawn is-soluzzjonijiet issa avolja mill-Oppożizzjoni għaliex pajjiżna ma jistax jistenna. Għaliex nemmnu li l-Gvern, anke jekk se jkun imexxi minn Prim Ministru ġdid qajla se jkollu ħajra jibdel jew jirranġa l-problemi li ħoloq huwa stess.

 

U allura rridu nkunu aħna li għal darb’oħra nixxprunaw il-bidliet li hemm bżonn, bidliet li jnaqqsu s-saħħa tal-Prim Ministru li f’pajjiżna spiċċa b’wisq poteri f’idejh. Il-bidliet li qed nipproponu huma kbar, anke radikali f’ħafna aspetti.

 

Il-proposti tagħna ġew diskussi u maqbula mill-Grupp Parlamentari u mill-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. Issa qed nippreżentawhom lill-Kunsill Ġenerali, ħalli l-ogħla organu tal-partit jixtarrhom, jiddiskutihom u japprovahom. Wara dan il-pass, tibda l-fażi biex dawn il-proposti ma jibqgħux biss ideat u proposti fi ħdan il-Partit Nazzjonalista imma jsiru ideat b’appoġġ wiesgħa fil-pajjiż u parti oħra mill-mixja ta’ nazzjon.

 

Clyde Puli

Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista

 

Dokument_Cover.jpg

Għafas hawn biex tniżżel id-dokument uffiċjali tal-Kunsill Ġenerali Diċembru 2019