ŻOMM AĠĠORNAT:

Ġid għal Kulħadd f'Soċjetà li Jimpurtaha

INFASSLU PJAN GĦAL PAJJIŻNA

Il-Partit Nazzjonalista iddiskuta bil-fatti oġġettivi l-qagħda ta’ pajjiżna llum mhux b’xi nostalġija għal passat li għadda imma biex iħares lejn il-ġejjieni.

PJAN SERJU GĦAL PAJJIŻNA; PJAN LI JKUN JIBDA MILL-FATTI

Dan qed nagħmluh biex inkunu alternattiva għall-Gvern u fis-snin li ġejjin inkunu nistgħu nfasslu pjan serju għal pajjiżna; pjan li jkun jibda mill-fatti. Dan il-pjan ikollu l-għan li mmexxu s-soċjetà tagħna ħalli jkun jimpurtaha minn kull wieħed u waħda minna, tara li toħloq kwalità tal-ħajja aqwa, u twassal il-ġid għand kulħadd.

IL-GVERN LABURISTA MA JISTAX JIBQA’ JAĦRAB MILL-EFFETTI TAL-POLITIKA TIEGĦU

Qed nippubblikaw dan id-dokument għall-Kunsilli Ġenerali fi żmien meta l-Gvern Laburista ma jistax jibqa’ jaħrab mill-effetti tal-politika tiegħu. Il-Gvern Laburista qed inaqqar is-sostenibbiltà tal-ekonomija tagħna b’theddidiet għall-ambjent u għar-reputazzjoni ta’ Malta. U qed iġib diżugwaljanza u bidla demografika li ma qiesx sew l-effetti tagħha.

PROBLEMI LI QED IĦOSS KULĦADD

Il-politika tal-Gvern Laburista qed tikkawża problemi li qed iħoss kulħadd, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli: kirjiet u prezzijiet tal-propjetà esaġerati, problemi ambjentali, traffiku ġġammjat, problemi ta’ pparkjar u infrastruttura li mhix tlaħħaq.

PRESSJONI ’L ISFEL FUQ IL-PAGI U PRESSJONI ’L FUQ FIL-PREZZIJIET

Il-politika tal-Gvern Laburista qed tpoġġi lill-ħaddiema f’morsa li min-naħa waħda tagħmel pressjoni ’l isfel fuq il-pagi u, min-naħa l-oħra, tagħmel pressjoni ’l fuq fil-prezzijiet. Fl-istess waqt, il-politika tal-Gvern qed tagħmilha dejjem aktar diffiċli li l-familji medji jixtru d-dar tagħhom.

INSEDDQU L-PAGI U L-KWALITÀ TAL-ĦAJJA

F’dan il-Kunsill Ġenerali u f’dan id-dokument, aħna, min-naħa tagħna, qed nippreżentaw għażla oħra li tiffoka fuq pagi u livell tal-għajxien aqwa għall-ħaddiema tagħna. Irridu nfasslu pjan għat-tul għal ekonomija ta’ kwalità li toħloq impjiegi ta’ livell b’pagi tajbin għall-ħaddiema tagħna għax tinvesti għall-futur u għax ikollha politika moderna ta’ immigrazzjoni intelliġenti li sseddaq id-dħul u l-kwalità tal-ħajja.

Adrian Delia
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista

pn.org.mt

 

Kunsill Generali

Għafas hawn biex tnizzel id-dokument ufficjali tal-Kunsill Generali 2018