ŻOMM AĠĠORNAT:

FLIMKIEN GĦAL PAJJIŻNA

Għalkemm dan ser ikun Kunsill Ġenerali li jeżamina r-rapporti ta’ ħidma tal-Partit u tad-diversi fergħat tiegħu, it-tema li tajna lil dan il-Kunsill Ġenerali tħares ’il barra mill-ħitan tal-Partit.

Jien ma rridx li nkunu introverti; anzi, għandna nħarsu madwarna u lejn l-orizzont bi kburija u b’ottimiżmu. Il-Partit Nazzjonalista għalhekk imwaqqaf: biex ikun għodda fejjieda għal pajjiżna, fil-futur kif kien fil- passat.

FLIMKIEN

Aħna Nazzjonalisti għax nemmnu li aħna m’aħniex kollezzjoni ta’ nies fuq blata; aħna poplu wieħed, nazzjon wieħed, soċjetà waħda.

Wieħed mill-perikli li bħala soċjetà qed niffaċċjaw hu li ma nibqgħux ‘flimkien’ imma niġu fi stat fejn il-ħafna jsiru ‘qaddejja’ ta’ nies li jabbużaw mill-pożizzjoni ta’ poter tagħhom biex jaħtfu l-istituzzjonijiet u l-ġid li noħolqu flimkien.
 Aktar kemm inkunu flimkien – fl-għarfien ta’ min aħna, fl-għarfien tal-isfidi, fl-għarfien tal-kontribut li nistgħu nagħtu lil pajjiżna – aktar inkabbru ċ-ċans li ngħixu aħjar u li dawk li jiġu warajna jgħidu huma wkoll ‘dan pajjiżna’.

Anke fil-Partit Nazzjonalista, dejjem konna Partit miftuħ li jiġbor fih qawsalla ta’ ideat u ħsibijiet, madwar viżjoni ta’ poplu ambizzjuż li jgħix ħajja ta’ kwalità fid-dinjità sħiħa tal-bniedem, fil-libertà, fit-tolleranza, fid-djalogu, fid-demokrazija u fl-ugwaljanza taħt il-liġi.

Il-valuri jġegħluna naħdmu flimkien.

GĦAL

Il-Partit Nazzjonalista dejjem kellu nies ġenerużi li daħlu fil-politika għal ħaddieħor, biex jibnu nazzjon modern u Ewropew li jgħix tajjeb fil-libertà u fis-solidarjetà.

Meta għamilna lil Malta nazzjon sovran, dan m’għamilniehx għalina imma għall-Maltin u l-Għawdxin. Meta daħħalna lil pajjiżna fl-Unjoni Ewropea u tajnieh l-ewro, lanqas dak m’għamilna għalina imma għan-nies, għal kulħadd.

Is-soċjetà tagħna evolviet u qed tkompli tevolvi l-ħin kollu, b’ġenerazzjonijiet ġodda jixirqilhom opportunitajiet aqwa. Għalhekk, anke mill-oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista jrid jagħti l-kontribut tiegħu favur il- progress mibni fuq dak li hu ta’ ġid u fuq dak li jħares id- drittijiet u l-interessi tal-poplu kollu.

PAJJIŻNA

Hemm storja sħiħa tal-kontribut tal-Partit Nazzjonalista u tan-nies tiegħu għal pajjiżna. Bin-nuqqasijiet u l-iżbalji kollha, il-ġid kollu li għandna llum nafuh lil dawk li emmnu u middew għonqhom biex jirbħu l-isfidi ħalli nazzjon tant żgħir ikun tassew sovran, tassew modern u tassew Ewropew.

Dak li għandha Malta llum mhux xi monopolju tal-Partit Nazzjonalista. U għalhekk irridu nirrikonoxxu l-kontribut ta’ ħaddieħor ukoll. Fl-istess waqt nifirħu bir-rebħa tar-raġuni u tal-valuri tagħna. Sabiħ tara lil min iddieħaq bis-sħubija fl-Ewropa jiddandan bil-mantell Ewropew.

Fi kważi 15-il sena Malta ttrasformat ruħha. Iffaċċjat u rebħet kriżijiet dinjin. U llum qed ingawdu l-frott ta’ dak li għamilna flimkien f’pajjiżna.

Pajjiżna mhux il-ġebel imma aħna l-bnedmin li ngħixu fuq din il- gżira bħal f’dar; aħna li fil-kultura li nilqgħu u nagħtu merħba rridu nassiguraw kwalità ta’ ħajja għal kulħadd u naħsbu bis-serjetà fiż- żgħażagħ u l-ġenerazzjonijiet futuri.

Dan il-Kunsill Ġenerali qed jara kif il-Partit Nazzjonalista se nsaħħuh biex flimkien naħdmu għal pajjiżna aħna u noħolqu s-soċjetà li naspiraw għaliha, waħda li jimpurtaha minn kulħadd.

 

Adrian Delia
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista

pn.org.mt

Screenshot_2019-02-19_at_10.58.53.png

Għafas hawn biex tniżżel id-dokument uffiċjali tal-Kunsill Ġenerali Frar 2019