ŻOMM AĠĠORNAT:

Dħalna fl-aħħar ġimgħa tal-kampanja elettorali. Insellem li min diġa għamel dmiru u vvota lbieraħ. Grazzi ukoll tal-għajnuna u s-somma sabiha miġbura waqt il-maratona ġbir ta’ fondi. Stenbaħna l-Ħadd filgħodu b’diversi artikli fuq il-gazzetti. Insellem lis-Sur Philip Rizzo, l-eks CEO tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada li se jingħaqad mal-Forza Nazzjonali bil-vot tiegħu nhar is-Sibt li ġej.

Infatti għalina l-ikbar poll hu nhar is-Sibt li ġej. Iżda jekk inti ndeċiż x’se tagħmel, nitolbok tiżen is-sitwazzjoni ta’ pajjiżna, il-mument kruċjali li ninsabu bih u dlonk tintebaħ kemm teħtieġ il-bidla. Hemm bżonn bidla biex Malta terġa tmur lura għat-triq tas-sewwa, tal-onesta’ u tas-serħan il-moħħ. Aħna lkoll jixraqilna mill-ġdid il-ġid, ġustizzja u liberta. Il-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed kontinwita’ ekonomika iżda se jara li l-ġid jitqassam iktar b’mod gust u jilħaq is-saffi kollha tas-soċjeta’. Il-Partit Nazzjonalista se jiżgura ġustizzja. Ma jistax ikun li jkollna Istituzzjonijiet bħall-pulizija li jibqgħu iċċassati u ma jiħdux azzjoni quddiem il-każi ta’ korruzzjoni. Grazzi lill-mezzi tax-xandir serji f’pajjiżna li llum rrappurtaw f’jgħidu r-rapporti tal-FIAU li ppubblikajt waqt id-dibattitu f’Xarabank. Aqrawh wieħed mir-rapporti investigattivi tal-FIAU li jagħti sekwenza tal-flus li għaddew minn Keith Schembri għal Brian Tonna mill-kumpaniji sigrieti. Ir-rapport jgħid ċar u tond li għandu jkun hemm investigazzjoni ulterjuri mill-pulizija u dawn baqgġħu ma għamlu xejn. Kif jista’ jkun Joseph Muscat jgħajjarna giddibin quddiem il-fatti miktuba iswed fuq l-abjad. Tgħid kif ppunta subajh lejn il-maġistrat, jipponta ukoll lejn l-uffiċċjali li nvestigaw u kitbu r-rapporti tal-FIAU? Jew se jgħid li qabbadthom jien jiktbu hekk?! Iva se nagħmlu ġustizzja għax il-pajjiż mhux ghax il-pajjiż hekk jixraqlu biss iżda għax hekk irid il-poplu. Jekk issir il-ġustizzja verament niżguraw pajjiż liberu fejn il-Gvern iservik u mhux jisserva bik; fejn l-istituzzjonijiet jagħmlu xogħlhom bla xkiel.

Ejjew inkomplu nkabbru l-Forza Nazzjonali. Illum f’Ta’ Sliema nkomplu nsemmgħu leħinna favur pajjiżna. Flimkien Nagħżlu Malta.