ŻOMM AĠĠORNAT:
IL-21 ĠURNATA: L-IMPENN TAGĦNA
Illejla napprovaw il-programm elettorali. Diġa’ ilna xhur sħaħ nippreżentaw il-proposti tagħna li rridu nwettqu flimkien. Ilbieraħ spjegajna l-impenji tagħna biex niżguraw kura aqwa tas-saħħa b’xejn. Qed nintrabtu ma seba’ investimenti ewlenin:
- Nibnu Ċentru għas-Saħħa Mentali ġdid qrib l-Isptar Mater Dei
- Nagħtu lura l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex lill-Għawdxin
- Malta ssir ċentru ta’ eċċellenza fil-ġlieda kontra d-dijabete’
- Programm ta’ monitoraġġ u screening dwar l-obeżità, il-kanċer, il-mard respiratorju u dak kardjovaskulari
- Kemoterapija b’xejn lil dawk morda bil-kanċer
- Klinika one-stop-shop għal dawk li jsofru mill-fibromyalgia
- Il-valur tal-voucher ta’ dawk li huma coeliac jiżdied minn €50 għal €150
Dan mhux biss għax fil-qasam tas-saħħa se ntejbu s-servizz għall-pazjenti u l-ħaddiema f’dan is-settur billi nagħtu:
- Tax-breaks u ħlas lura lil persuni u kumpaniji li jkollhom polza tas-saħħa medika
- Mediċini b’xejn lill-pensjonanti u persuni b’diżabilità
- Mediċini b’xejn lil dawk li jsofru mid-dijabete’, l-ekżema u l-ostjoporożi
- Allowances speċjali regolari lill-ħaddiema fis-settur tas-saħħa
- Ftehim mal-għaqdiet volontarji, b’mod speċjali fis-saħħa mentali u fil-qasam tal-kura fil-komunità
- Ftehim kollaborattiv mas-settur privat, sptarijiet, kliniċi, prattiċi privati u anke koperattivi
- Programm ta’ tkabbir u tisbiħ taċ-Ċimiterju tal-Addolorata u ċimiterji oħra: il-prezz tal-oqbra jibqa’ ta’ €5,000
Dawn kollha flimkien mad-diversi proposti f’kull qasam se napprovawhom illejla waqt il-Kunsill Ġenerali. Dan hu mod ċar li l-Forza Nazzjonali għandha pjan serju u qed twiegħed affarijiet li jistgħu jitwettqu. Ħaddieħor qed jgħid li żamm kelmtu mal-poplu iżda ħadd mhu jemmnu. Li ma jgħidx ħaddieħor hu li wettaq diversi affarijiet ‘jintnu’ minn wara dahar il-poplu. Il-Forza Nazzjonali ma tidħakx bin-nies u dak li qed ngħidu se nwettquh u dak li ma ngħidux ma nagħmluhx.