ŻOMM AĠĠORNAT:

Il-Partit Nazzjonalista lest biex jiggverna. Ngħid dan ħbieb tiegħi b’sens ta’ umiltà u konvint li ftit tal-ġranet oħra Malta se jkollha Gvern li jreġġa lura pajjiż demokratiku sħiħ. Ngħid grazzi lill-eluf ta’ Maltin u Għawdxin li ġew bi ħġarhom Ħal-Balzan u wrew kemm il-Forza Nazzjonali hija mimlija ħajja, mimlija ħeġġa u mimlija entużjażmu.

Minn hawn nirringrazzja lil kull min qed jgħin biex inwasslu l-messaġġ tagħna. Grazzi kbira tal-ħidma kbira li qed twettqu, lilkom il-volontiera tagħna. Ilkoll nafu li l-ġlieda tagħna kontra l-korruzzjoni mhix ġlieda għan-Nazzjonalisti iżda ġlieda għall-Poplu Malti u Għawdxi kollu. Qed nissieltu għal uliedna u ulied uliedna li rridu ngħaddulhom pajjiż b’saħħtu li jixirqilhom.

Għalhekk fil-ġranet li ġejjin se nkunu qed inressqu iktar proposti fuq kif se mmexxu dan il-pajjiż. Iżda l-poplu jifhem li din hi s-siegħa fejn flimkien ningħaqdu u ngħidu l-ewwel u qabel kollox: LE għall-Korruzzjoni!

M’aħniex inkunu negattivi. Il-Partit Nazzjonalista konvint li s-siegħa tal-prova hija l-għażla ċara bejn il-Gvern korrot ta’ Joseph Muscat u l-futur ta’ pajjiżna.

Il-baħar ta’ nies f’Ħal Balzan jimlini bit-tama u bil-kuraġġ li nkomplu għaddejjin u ma naqtgħux qalbna. Kif kważi lħaqnihom, persważ li bis-saħħa tal-onestà tagħkom, ngħadduhom.

Għalhekk komplu ngħaqdu magħna u issa nħeġġiġkom biex nhar il-Ħadd tkunu magħna għal Mass Meeting ieħor f’Ħaż-Żebbuġ. Sadanittant, għada tibda ġimgħa oħra ta’ ħidma sabiex inwassalu l-messaġġ tagħna. Il-ġimgħa t-tajba.