ŻOMM AĠĠORNAT:

Dan hu l-aħħar weekend tal-Kampanja qabel is-Sibt tal-ġimgħa d-dieħla nivvutaw fl-elezzjoni ġenerali bikrija. Irnexxielna nwasslu żewġ messaġġi importanti: Neħtieġu tindifa fis-sistema politika mill-qiegħ u nagħtu lura Gvern tan-nies lin-nies.  Joseph Muscat ilu kampanja sħiħa jiddefendi dak li mhux difensibbli, jaħrab ix-xandiriet jew l-intervisti politiċi fejn iħoss li mhux jilgħab home u jkompli jġib lilu nnifsu l-ewwel qabel il-ġid Nazzjonali. Iva trid taqa’ f’livell assurd u prużuntuż biex tgħid li l-istorja ta’ Egrant kienet ivvintata mill-Kremlin. Ir-Russja ċaħdet dan u mhux għax kien hemm għalfejn jagħmlu. Anke l-akkolti ta’ Muscat jafu dan u issa qed idawruha li Muscat qal hekk għax ġie mistoqsi mill-Ġurnalisti. L-Ebda PM serju ma jitkellem b’dan il-mod iżda Joseph Muscat qed jiggranfa ma kollox biex jaħbi l-involviment tiegħu fix-xibka ta’ korruzzjoni li ħakmet il-pajjiżna. Ma nistax ma nistagħġibx bi kliem Muscat ilbieraħ filgħaxija meta ppunta subajħ lejn il-Maġistrat inkwerenti. Bħallikieku mhux hu sejjaħ elezzjoni bikrija flok warrab u stenna l-eżitu bla tfixkil tal-investigazzjonijiet kollha li għaddejjin. Imma dan Muscat ma ridux għax għajjat elezzjoni bikrija biex jipprova jkompli jiggranfa mal-poter biex jgħatti l-korruzzjoni. Kif tista’ tafda Gvern bi tmexxija bħal din fejn minn banda jgħidlek li jiddispjaċih tal-iżbalji li għamel u mbagħad iħalli mas-saqajn l-istess nies li daħluna fi sqaq. Il-poplu jaf li dan l-isqaq noħorġu minnu biss jekk fit-3 ta’ Ġunju nagħżlu Malta.

Quddiem dan kollu, il-Partit Nazzjonalista huwa ppreparat sew biex jkompli jagħti spinta l-quddiem lill-pajjiżna. Għandna proposti konkreti u fattibli li ma jinsew lil ħadd. Se ngħinu l-faxex kollha tas-soċjeta’, se noħolqu 30,000 impjieg ta’ kwalita’ mas-settur privat, se nagħtu nifs lill-ambjent b’deċiżjonijiet b’saħħithom dwar iż-Żonqor u l-Whiterocks, se nsaħħu l-edukazzjoni u nkomplu niggarantixxu saħħa b’xejn.

Iżda kif tafu l-akbar proposta f’dan kollu hija li l-elezzjoni tat-3 ta’ Ġunju se tkun deċiżjoni għall-ġejjieni ta’ Malta. Għaldaqstant inkompli inħeġġiġkom biex tgħinu l-Partit għada billi tieħdu sehem u tikkontribwixxu waqt il-maratona ġbir ta’ fondi.

Ejjew flimkien nuru li bejn il-klikka ta’ Muscat u l-futur ta’ pajjiżna, in-nies ħa jmorru bi ħġrahom sabiex flimkien jgħaddu messaġġ ċar li jgħid “Jien Nagħżel Malta”.