ŻOMM AĠĠORNAT:

Kellna ġimgħa oħra ta’ kampanja mill-aqwa. Grazzi lill-eluf ta’ nies li ngħaqdu magħna lbieraħ f’Ħaż-Żebbuġ.  Kif għidt ilbieraħ dan hu mument li pajjiżna qed jgħajtilna biex nerġgħu ngħidu IVA. Ngħidu IVA għall-Malta onesta u LE għall-klikka korrotta li qed tħammar wiċċ Malta.

Il-Partit l-ieħor qed jgħid lill-partitarji tiegħu li mhux il-waqt li jagħtu tbeżbiża lil dan il-Gvern korrott. Filwaqt li jammetti l-ħniżrijiet li saru, Joseph Muscat qalilhom li se jieħu passi dwar il-governanza u dwar l-ambjent b’mod partikolari. Iżda min se jemmnu? L-ewwel kasbru l-liġijiet, għawġuhom kif riedu biex dak li kien minn dejjem ħażin ġabuh tajjeb u għamluh apposta biex igawdu huma u tal-klikka.

Dan hu l-mument ħbieb tiegħi li nerġgħu ngħidu IVA għalina u għal uliedna. Ejja nieħdu l-unika ċans li verament ngħixu l-ħolma Ewropeja u vvutajna għaliha 13 –il sena ilu u fl-aħħar 4 snin rajniha qed tisfaxxa. Kif qed tisfaxxa? Huwa allarmanti r-rapport fil-gazzetti lbieraħ li qal li bank ewlieni Ġermaniż - Commerzbank AG - mhux se jibda jaċċetta dikjarazzjonijiet ta’ kumpaniji ta’ awditjar Maltin, l-aktar minħabba l-applikazzjonijiet tar-regolamenti kontra l-ħasil ta’ flus. Ara kif ġabuna! Għalhekk din mhix elezzjoni normali; għalhekk qed ngħidu li hija elezzjoni li rridu nagħżlu bejn il-klikka korrotta u l-ġid ta’ Malta.

Għandi fiduċja kbira li l-Forza Nazzjonali li wellidna, IVA se terġa’ tagħżel Malta.

U x’qed jagħmlu biex jippruvaw jgħattu s-sewwa magħruf. Il-partit l-ieħor issa infexx f’dagħdiha ta’ gideb kemm fuqi u kemm fuq diversi kandidati tal-Partit Nazzjonalista. Minn hawn inserraħ għal darb’oħra ras kulhadd li mhux vera li Gvern Nazzjonalista ġdid imiss il-kaċċa; mhux vera li mal-PN l-ekonomija tmur lura; mhux vera li naqtgħu s-servizz tal-IVF fl-isptarijiet pubbliċi; mhux vera li se nżidu t-taxxa. Dawn huma kollha qlajjiet biex ibeżżgħu, biex jifirduna iżda aħna tal-Forza Nazzjonali se ngħidulhom LE għal dan il-qerq u b’vuċi waħda fit-3 ta’ Ġunju se ngħajtu IVA għal Malta.

Dawn il-jiem li ġejjin se jkunu  kruċjali. Inħeġġkom tkomplu tiltaqgħu man-nies u tfehmu l-messaġġ. Kull vot jgħodd. U jgħodd ħafna iktar meta fit-3 ta’ Ġunju Nagħżlu Malta.