ŻOMM AĠĠORNAT:

Bosta minnkom raw id-dibattitu fuq Xarabank ilbieraħ. Kont onest, ippreżentajt il-fatti, u tkellimt f’ismek dwar affarijiet serji li Joseph Muscat ma jridx jgħidhomlok, anzi jrid inessihom.

Ħaddiehor prova jħammeġ, b’gidba wara l-ohra u jmaqdar dak kollu li b’serjeta’ qed nipproponu f’isem il-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Aħna, f’kull ma nagħmlu qed nuru r-rispett tagħna lejn il-poplu billi ngħidulu l-verità kollha kif inhi. Għaliex din hija l-politika li rrid nagħmel jien: politika mibnija fuq il-verità.

Il-verita’ hi miktuba fir-rapporti tal-FIAU li jien ippubblikajt għax ma flaħtx nara lill-Prim Ministru jibqa' jigdbilkom b'mod daqshekk sfaċċat. Issa kulħadd jista’ jaqra b’għajnejh u jiddeċiedi min qed jgħid il-verita’. L-FIAU ma ċaħdu l-ebda virgola li fir-rapport iżda qalu li l-investigazzjoni mhix konklussiva. U ngħid jien għala mhix konklussiva? X’qed jistennew l-Istituzzjonijiet biex jieħdu azzjoni. Għalhekk aħna nikkritikaw il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Awditur Ġenerali għax dawn kienu fid-dmir li jieħdu azzjoni fuq rapport li ilum ix-xhur f’idejhom.

Dawn ir-rapporti tistgħu tarawhom hawn:

  1. IR-RAPPORT TAL-FIAU LI JIKXEF IL-KORRUZZJONI TA' KEITH SCHEMBRI MILL-BEJGĦ TAL-PASSAPORTI
  2. IR-RAPPORT TAL-FIAU DWAR PILATUS BANK
  3. IR-RAPPORT TAL-FIAU DWAR IL-PAGAMENTI LI GĦADDEW MINN KEITH SCHEMBRI LIL ADRIAN HILLMAN
  4. DOKUMENTI TA' WĦUD MILL-PAGAMENTI LI KEITH SCHEMBRI GĦADDA LIL ADRIAN HILLMAN


Jien qed nitlob il-fiduċja tagħkom għax m’għandix interess nigdeb lill-poplu iżda għandi interess wieħed biss: li nergħu nagħtu Gvern tan-nies lin-nies.

Id-deċiżjoni tat-3 ta' Ġunju hija deċiżjoni kruċjali.

Hija deċiżjoni bejn klikka korrotta u opportunita' sabiex naqilbu l-folja u nibdew politika ġdida.

Hemm bżonn niktbu paġna ġdida fl-istorja ta' pajjiżna u bżonn Gvern li joffri stabbilità vera.

Għandi fiduċja li l-poplu Malti qed jara x'qed jiġri u jaf x'se jagħżel.

Għandi fiduċja f'ħafna Maltin u Għawdxin li jridu jgħixu ħajja b'moħħhom mistrieħ.

Għandi fiduċja li flimkien miegħi, se nagħżlu lil Malta.