ŻOMM AĠĠORNAT:

1. Naħtru minnufih Kummissarju tal-Pulizija ġdid u jingħata bidu għal investigazzjoni tal-każi ta’ korruzzjoni li twassal biex titwettaq ġustizzja.

2. Nippubblikaw liġi biex jinħatar Maġistrat Speċjali Investigattiv dwar il-Korruzzjoni, bit-tir li din il-liġi tgħaddi din is-sena stess. Il-Maġistrat ikun membru tal-ġudikatura iżda b’funzjoni speċjali li jinvestiga rapporti u jwettaq prosekuzzjoni dwar każi ta’ korruzzjoni anki fuq inizjattiva tiegħu stess. Il-Maġistrat ikollu l-istaff biex ikun jista’ jaqdi l-funzjonijiet tiegħu bl-aktar mod effettiv u b’awtonomija sħiħa.

3. Naħtru Kummissarju dwar Standards fil-Ħajja Pubblika biex ikun jista’ jikkontrolla l-imġiba tal-politiċi. Il-Membri Parlamentari jingħataw l-għażla li jkunu full-time filwaqt li titneħħa l-prattika li daħħal il-Gvern Laburista li Membri Parlamentari jew qraba tagħhom jew soċji f’negozju magħhom jinħatru biex imexxu bordijiet pubbliċi.

4. Nippubblikaw Kodiċi tal-Etika ġdid tal-Ministri li fih jerġgħu jiddaħħlu l-obbligi li Ministru ma jkunx jista’ jagħmel prattika privata u li jiddikjara d-dħul tal-konjuġi tiegħu/tagħha. Ministri ma jitħallewx jimpjegaw fis- segretarjat tagħhom jew f’positions of trust membri tal-familja tagħhom jew soċji fin-negozju magħhom. Ikun hemm limitu stabbilit ta’ kemm il-Ministri jista’ jkollhom positions of trust.

5. Waqt li nibnu fuq ix-xogħol tal- Kummissjoni Bonello maħtura mill-Partit Nazzjonalista, naħtru kummissjoni nazzjonali li tistudja l-finanzjament u n-nefqa tal-partiti politiċi u kif dawn jistgħu jkunu aktar trasparenti u jevitaw kunflitti ta’ interess, inkluż għandux jidħol finanzjament pubbliku tal-partiti u kontroll effettiv fuq in-nefqa tagħhom.

6. Naħtru Konvenzjoni Kostituzzjonali biex tibda proċess ta’ bidla fil-Kostituzzjoni sabiex jissaħħu l-istrutturi u l-organi tal-Istat, inkluż l-indipendenza tagħhom mill-Gvern tal-ġurnata. Fost l-oħrajn, tiddaħħal regola li l-ħatriet fl-ogħla karigi tal-Istat isiru b’żewġ terzi fil-Parlament. Sabiex ma niġux f’pożizzjoni li dawn il-karigi jibqgħu vojta għax ma jkunx intlaħaq vot ta’ żewġ terzi fil- Parlament wara darbtejn, it-tielet vot ikun b’maġġoranza sempliċi sabiex il-ħatra tkun tista’ ssir.

“Intejbu u niżguraw li l-istituzzjonijiet tagħna jiffunzjonaw tajjeb u b’mod verament indipendenti”