ŻOMM AĠĠORNAT:

11. Insewwu r-reputazzjoni internazzjonali ta’ Malta bħala stat Ewropew u demokratiku b’rispett sħiħ għas- saltna tad-dritt. Issir enfasi fuq ir-rwol ta’ Malta bħala ċentru finanzjarju rispettabbli u ta’ min jafdah.

12. Nagħlqu l-presidenza Ewropea ta’ Malta b’mod dinjituż, u nagħmluha ċara li aħna msieħba kredibbli u fdati. Nippromwovu l-interessi ta’ pajjiżna fl-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea u naraw li niksbu ftehim finanzjarju li bih Malta tgawdi kif jixraq fit-taħditiet dwar il-Qafas Finanzjarju tal-Unjoni Ewropea għall-2021-27.

13. L'hinn mill-UE, insaħħu r-relazzjonijiet tagħna mal-pajjiżi ġirien fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani, kif ukoll mal-Istati Uniti, il-Kanada, iċ-Ċina, ir-Russja, imsieħba ewlenin oħrajn u organizzazzjonijiet internazzjonali.

14. Niddedikaw attenzjoni u miżuri speċjali biex ir-rabtiet tal-poplu Malti u Għawdxi ma’ ħutna l-Maltin u l-Għawdxin li jgħixu barra l-pajjiż jibqgħu ħajjin u jagħtu frott f’kull qasam possibbli, speċjalment fejn jidħlu l-oqsma tal-ilsien Malti, tal-kultura, ċittadinanza u r-relazzjonijiet bilaterali u kummerċjali bejn pajjiżna u l-pajjiżi li fihom jgħixu dawn il-Maltin u Għawdxin.

15. Indaħħlu l-obbligu li l-Ambaxxaturi kollha jgħaddu minn smigħ quddiem il-Kumitat dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Parlament u jirrispondu kwalunkwe mistoqsija li ssirilhom mill-Kumitat.

16. Il-Korp Diplomatiku jiġi meqjus bħala servizz professjonali taħt il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku b’kodiċi ta’ etika speċifiku għall- membri tiegħu.