ŻOMM AĠĠORNAT:

17. Inwaqqfu Ministeru għad-Drittijiet taċ-Ċittadin u tas-Soċjetà Ċivili li jiżgura li l-Gvern u s-settur pubbliku jaħdmu għaċ-ċittadin u għas-soċjetà ċivili, inkluż is-settur tal-volontarjat. Dan il-Ministeru jservi bħala one-stop-shop għal ilmenti li jsiru rigward servizzi pprovduti mill-amministrazzjoni pubblika u jara li ċ-ċittadin jieħu servizz tajjeb mill-awtorità pubblika kkonċernata fi żmien qasir. Dan il- Ministeru jaħdem mal-Ministeri l-oħra sabiex inwaqqfu s-sitwazzjoni fejn iċ-ċittadin jintbagħat minn dipartiment għal ieħor mingħajr direzzjoni. Il- Ministeru jkun ukoll il-kuntatt prinċipali mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jiżgura li dawn ikollhom rwol ċentrali fit-tfassil tal-politika fis- setturi kollha.

18. Nistabbilixxu pjattaforma ta’ eGovernment fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika li tippermetti kuntatt kontinwu bejn il- Gvern u ċ-ċittadini, tiżgura li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħtu reazzjoni għall- proposti tal-Gvern, tagħmilha possibbli għaċ-ċittadini li jipproponu l-ideat tagħhom, u jivvutaw b’mod elettroniku għal dawk l-ideat li jkunu jixtiequ li jiġu attwati mill-Gvern.

19. Inwaqqfu Fond ta’ Solidarjetà li fih jitħallas 0.5% tat-taxxa tad-dħul li tħallas kull persuna, u kull individwu jagħżel min għandu jgawdi minnhom direttament fil-formola tat-taxxa. Dawn jistgħu jkunu għaqdiet tas- soċjetà ċivili u volontarjat li jaħdmu f’diversi setturi inkluż l-oqsma soċjali, filantropiċi, għaqdiet reliġjużi, kulturali u artistiċi, għaqdiet li jħarsu l-annimali u oħrajn.

20. Nagħtu sostenn lill-organizzazzjonijiet volontarji, inkluż clubs soċjali, permezz ta’ rati speċjali fuq id-dawl u l-ilma u fuq ħlasijiet oħrajn għal servizzi pubbliċi, u nsaħħu l-prattika li nassenjaw impjegati tas-settur pubbliku sekondati magħhom skont l-iskop u d-daqs tal-organizzazzjoni.

21. Inressqu liġi li tippermetti li jsiru referenda propożittivi biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni pubblika fit-tfassil tal-politika.

22. Insaħħu l-Uffiċċju tal-Ombudsman u nirrispettaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman, filwaqt li nagħtu spjegazzjoni lill-Parlament f’każijiet fejn dan ma jkunx jista’ jseħħ.

23. Inwettqu r-riformi li għadhom pendenti skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Bonello għar-Riforma tal-Ġustizzja, u nnaqqsu drastikament it-tul tal-proċeduri fil-Qorti.

24. Inħassru l-liġijiet kollha li l-Qorti Kostituzzjonali tiddikjara li jmorru kontra l-Kostituzzjoni u dawn isiru bla effett fir-rigward ta’ kull persuna, u mhux biss tal-partijiet fil-kawża.

25. Nagħtu liċ-ċittadini Maltin li jgħixu f’pajjiżi oħra Ewropej id-dritt li jivvutaw fl-elezzjonijiet ġenerali f’Malta permezz ta’ sistema ta’ distance voting.

26. Infasslu Strateġija Nazzjonali għall- Infurzar tal-Liġijiet.