ŻOMM AĠĠORNAT:

60. Innaqqsu t-taxxa tad-dħul għal massimu ta’ 10% għal kull min jaqla’ paga ta’ mhux aktar minn €20,000 fis-sena. Dan ifisser illi:

a) Kull min illum jaqla’ €20,000, jibda jħallas taxxa totali ta’ €1,090 minflok €2,275 li jħallas illum, u b’hekk jibda jiffranka €1,185 fis- sena.

b) Kull min jaqla’ €15,000 jibda jħallas €590 fis-sena flok €935 li jħallas illum, u b’hekk jibda jiffranka €345 fis-sena.

ċ) Kull min diġà ma jħallasx taxxa jibqa’ ma jħallas xejn.

d) Din il-miżura tiġi tiswa €44 miljun u minnha jgawdu 121,000 ruħ.

e) Innaqqsu t-taxxa tad-dħul fuq ix- xogħol part time għal massimu ta’ 10%. Din il-miżura tiġi tiswa €3.8 miljun u minnha jgawdu 5,500 self employed part time u 23,000 ħaddiem part time.

61. Nirrispettaw il-ftehim milħuq dan l-aħħar bejn l-imsieħba soċjali dwar il-paga minima, ftehim li nqisuh bħala l-ewwel pass lejn paga aktar diċenti għall-ħaddiema.

62. Inwettqu l-prinċipju tal-istess ħlas għall-istess xogħol, u nsaħħu l-miżuri biex dan jidħol ukoll fis-settur privat.

63. Intemmu l-prekarjat li qed iseħħ fl-iskema tal-GWU, fejn il-GWU qed tagħmel aktar minn miljun u nofs ewro profitt fis-sena minn fuq dahar 600 ħaddiem. Din l-iskema tibda titħaddem mill-Jobsplus filwaqt li l-profitt li qiegħda tagħmel illum il-GWU jitħallas direttament lill- ħaddiema. Dan jissarraf f’żieda fil-paga ta’ dawn il-ħaddiema ta’ aktar minn €200 fix-xahar.

64. Nagħmlu skema ta’ għajnuna għall- ħaddiema li jkunu telqu mix-xogħol għal xi żmien minħabba mard, bħal kanċer, multiple sclerosis, dijabete qawwija, mard tal-qalb jew mard mentali. L-iskema tkun tinkludi sapport professjonali apposta, inkluż re-training u għajnuna psikoloġika, għajnuna permezz ta’ kreditu ta’ bolol u sapport lill-employers sabiex iżommu lill-ħaddiema fuq il-kotba tagħhom u ma jitilfux l-esperjenza ta’ dawk il-ħaddiema.