ŻOMM AĠĠORNAT:

65. Il-Pensjoni Minima Nazzjonali tiżdied għal-livell tal-Paga Minima Nazzjonali. Dan ifisser li din il-pensjoni tiżdied minn €147.23 (għal persuna miżżewġa) jew €131.47 (persuna waħedha), għal €169.76 fil-ġimgħa.

66. Il-Pensjoni tal-Età tiżdied għal 60% tad-dħul medjan. Skont l-aħħar ċifri dan ifisser li din il-pensjoni titla’ għal €155.00 fil-ġimgħa.

67. Biex inħajru l-anzjani jkomplu jgħixu fid-dar u fil-komunità tagħhom, inżidu bil-qawwi l-allowance mogħti fis-sena lil kull anzjan ta’ ’l fuq minn 75 sena li jibqa’ jgħix f’daru, minn €300 għal €500. Fil-każ ta’ koppja, l-allowance tibqa’ tingħata kemm lir-raġel kif ukoll lill-mara.

68. Lil dawk kollha li għandhom xi bolol (kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Nazzjonali) mhux imħallsin b’mod li dan jaffetwa l-pensjoni tagħhom, nagħtuhom iċ-ċans iħallsu d-differenza biex igawdu l-pensjoni sħiħa.

69. Il-pensjoni minima nazzjonali nibdew inħallsuha sħiħa lill-pensjonanti mhux miżżewġin daqs dik li titħallas lill- pensjonanti miżżewġin.

70. Intejbu l-inċentivi sew għall-ħaddiema kif ukoll għal min iħaddem biex jinvestu fi skemi ta’ pensjonijiet privati bħal personal savings plans u occupational retirement schemes.

71. Nagħtu lir-romol id-dritt li jieħdu l-pensjoni sħiħa li kellhom żwieġhom.

72. Neżentaw il-pensjonijiet kollha mit- taxxa tad-dħul.

73. Nindirizzaw l-inġustizzja tal-pensjoni tas-servizz b’mod gradwali skont l-età tal-pensjonant, billi fil-kalkolu tal- pensjoni tal-irtirar ma nikkalkolawx:

a) Il-pensjoni tas-servizz kollha għall- pensjonanti li jkollhom ’il fuq minn 80 sena;

b) Mhux inqas minn 80% tal-pensjoni tas-servizz għall-pensjonanti li jkollhom minn 75 sa 79 sena;

ċ) Mhux inqas minn 60% tal-pensjoni tas-servizz għall-pensjonanti li jkollhom minn 70 sa 74 sena;

d) Mhux inqas minn 40% tal-pensjoni tas-servizz għall-pensjonanti li jkollhom minn 66 sa 69 sena;

e) Mhux inqas minn 20% tal-pensjoni tas-servizz għall-pensjonanti li jkollhom inqas minn 65 sena.