ŻOMM AĠĠORNAT:

54. Inwaqqfu response team speċjalizzat magħmul minn professjonisti mill- oqsma tal-ħidma soċjali, saħħa, psikoloġija u mill-Pulizija, li jkunu lesti f’kull ħin biex jgħinu vittmi ta’ vjolenza domestika mill-ewwel billi jevalwaw ir-riskji, jagħmlu rapporti u jgħinu lill- vittmi jieħdu servizzi. Barra minn hekk, intejbu s-sensittività ta’ dawk li jagħtu l-ewwel għajnuna f’każi ta’ vjolenza sesswali billi nżidu t-taħriġ lil aktar uffiċjali, u niżguraw li x-shifts ikunu kkordinati aħjar ħalli s-servizz ikun disponibbli kullimkien.

55. Intejbu l-ambjent fil-Qorti biex niżguraw li l-vittmi ta’ abbuż u min ikun għamel ir-reat ma jistennewx barra l-awla ħdejn xulxin, speċjalment meta jista’ jkun għad baqa’ kwistjonijiet ta’ sigurtà u/jew abbuż psikoloġiku. Fl-istess ħin, nirrevedu l-proċess ġudizzjarju bil-ħsieb li jitqassar iż-żmien ta’ proċeduri tal-każijiet tal-familja, li hu sors ta’ frustrazzjoni u stress emozzjonali fuq il-vittma tal-abbuż.

56. Niżguraw li min iwettaq atti ta’ vjolenza jkun ordnat li jfittex l-għajnuna. Hemm servizzi li qed jingħataw f’dan il-qasam imma l-aċċess għalihom għandu jkun awtomatiku.

57. Inżidu r-riżorsi għall-assistenza legali b’xejn biex niżguraw li l-vittmi ta’ vjolenza jsibu avukati mħarrġa disponibbli biex jassistuhom matul il-proċess legali, u nintroduċu miżuri effettivi għall-protezzjoni ta’ dawk li jaħdmu fid-Domestic Violence Unit, Shelter u Child Protection biex dawk li jaħdmu fuq quddiem nett fil-protezzjoni tal-vittmi jkunu sikuri waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

58. Inżidu sostanzjalment is-sanzjonijiet kontra l-vjolenza domestika kif ukoll fil-każijiet meta l-manteniment u l-obbligazzjonijiet ta’ kustodja ma jkunux rispettati.

59. Naraw li ladarba l-paternità tkun żgurata, il-manteniment finanzjarju jingħata mingħajr dewmien.