ŻOMM AĠĠORNAT:

113. Nemendaw il-Kostituzzjoni biex il-Kummissarju tal-Pulizija jinħatar b’vot ta’ żewġ terzi fil-Parlament.

114. Niżguraw kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar għall-uffiċjali tal-Pulizija, fosthom li nistabbilixxu l-istandard ta’ 40 siegħa xogħol fil-ġimgħa, bis- sigħat addizzjonali mħallsin bir-rata tas-sahra.

115. Nonoraw kull ftehim li sar mill-Gvern dwar il-ħlas tal-arretrati tas-sahra.

116. Nindirizzaw l-inġustizzji li sofrew membri tal-Korp tal-Pulizija biex niżguraw il-meritokrazija u nneħħu d-diskriminazzjoni fil-Korp.

117. Nintroduċu aġġustament tal-għoli tal-ħajja lil kull membru rtirat tal- Korp tal-Pulizija li jirċievi l-pensjoni tas-servizz.

118. Nagħmlu l-emendi amministrattivi meħtieġa biex niżguraw li kull xogħol extra minn kull membru tal-Korp tal-Pulizija jitħallas fi żmien xahrejn, bl-ewwel €10,000 dħul minn dan ix-xogħol extra jkun intaxxat bir-rata fissa ta’ 10%.

119. L-ispecial allowance, li preżentement tingħata lil xi taqsimiet biss tal-Korp, nestenduha għall-membri kollha, ikunu fejn ikunu stazzjonati, anke fl- għases jew f’taqsimiet oħrajn.

120. Nirrevedu x-shifts u r-rosters tax-xogħol u nintroduċu aktar miżuri favur il-familja biex naraw li l-membri tal-Korp igawdu bilanċ bejn ix-xogħol u l-familji u nżidu wkoll ir- rekluti nisa.

121. Inżidu l-preżenza tal-Pulizija fit-toroq biex inħarsu s-sigurtà l-aktar f’żoni partikolari fosthom Paceville, is- Swieqi, Pembroke, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar u l-Marsa, minħabba l-isfidi partikolari li dawn il-lokalitajiet qed jiffaċċjaw.

122. Nagħtu prijorità lill-ħidma kontra d-droga u ninvestu aktar fl-Iskwadra kontra d-Droga biex din tkun aktar effettiva.

123. Nimmodernizzaw l-għases ħalli l-faċilitajiet fihom ikunu tajbin biżżejjed biex il-pubbliku jkun jista’ jinqeda aħjar, kif ukoll biex intejbu d-dinjità u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membri tal-Korp.

124. Inżidu l-istallazzjoni ta’ CCTV fejn meħtieġ u ninvestu f’apparat aħjar, bħal body cameras, tablets, drones, GPS u crime alert app. B’hekk intejbu s-sigurtà tal-membri tal-Korp u nżidu l-kapaċità tal-Korp li jiġġieled il-kriminalità b’mod effettiv.

125. Intejbu l-iżvilupp professjonali u nerġgħu ndaħħlu l-meritokrazija fil-Korp. Nintroduċu scholarships full-time u part-time biex ngħinu lill-membri tal-Korp jagħmlu korsijiet undergraduate u postgraduate. Tal- inqas, kull uffiċjal fis-servizz ikollu l-opportunità li jieħu taħriġ darba fis-sena biex niżguraw li l-membri tal-Korp jibqgħu dejjem aġġornati mal-aħħar żviluppi f’dan il-qasam.

126. Inżommu l-membri tal-Korp li hemm bħalissa part-time, u nirreklutaw aktar.