ŻOMM AĠĠORNAT:

83. Inwaqqfu struttura li tagħmel life plans għall-ġenituri biex jidħlu fi ftehim mal-Gvern dwar l-ippjanar tal-futur tat-tfal b’diżabilità għal meta l-ġenituri ma jkunux jistgħu jieħdu ħsieb it-tfal aktar jew meta jiġu neqsin. Dawn il-life plans ikunu jinkludu l-formazzjoni ta’ trusts li jkunu jistgħu jinbidlu skont iċ-ċirkostanzi tal-ġenituri u tat-tfal. Dawn it-trusts jistabbilixxu l-kontribuzzjoni tal-Gvern u tal-familja matul il-ħajja tat-tfal b’diżabilità. B’dan il-mod, il-ġenituri jserrħu moħħhom li t-tfal tagħhom ikun hemm min jieħu ħsiebhom u li jkollhom riżorsi biżżejjed biex jgħixu ħajja indipendenti.

84. Naraw li jkun hemm aktar djar residenzjali fil-komunità għall-persuni b’diżabilità.

85. Nirrevedu s-sistema tal-pensjonijiet għall-persuni b’diżabilità u ntemmu l-użu tal-Barthel Index:

a) Persuni li jkollhom diżabilità gravi jew gravi ħafna u li ma jkunux jistgħux jaħdmu minħabba l-kundizzjoni tagħhom, ikunu intitolati għall-paga minima nazzjonali;

b) Persuni li jkollhom diżabilità gravi jew gravi ħafna u li jkunu jistgħu jaħdmu, ikunu intitolati għall- pensjoni sħiħa tad-diżabilità;

ċ) Kull min ikollu xi parti minn ġismu maqtugħa jew li ma jkunx jista’ jħaddem dirgħajh jew riġlejh, ikun intitolat għall-pensjoni tad-diżabilità.

86. Inżidu ċ-children’s allowance speċjali għall-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità gravi, minn €20 għal €25 fil-ġimgħa.

87. Nagħtu l-opportunità lit-tfal b’diżabilità li jattendu summer schools ma’ tfal. B’hekk intaffu l-piż lill-ġenituri tagħhom u lil min jieħu ħsiebhom ħalli jkunu jistgħu jkomplu jaħdmu full-time, jekk ikunu jridu, b’moħħhom mistrieħ li wliedhom ikunu f’ambjent sikur, indukrati minn ħaddiema kwalifikati.

88. Tfal b’diżabilità mit-twelid ma jkollhomx għalfejn jerġgħu jiltilgħu bord.

89. Nissussidjaw digital hearing aids lil dawk kollha li jbatu minn nuqqas akut ta’ smigħ, u ntejbu s-servizz għal spares u sostituzzjoni tal-hearing aids fl-Isptar Mater Dei billi ndaħħlu servizz bil-vouchers.

90. Ninvestu fil-guide u s-service dogs kif ukoll f’min iħarriġhom.

91. Nibnu firxa ta’ ftehimiet ma’ għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu ma’ persuni b’diżabilità ħalli ngħinuhom jipprovdu servizz aqwa. Niżguraw li l-istandards jinżammu tajbin bla ma nindaħlu b’mod dirett jew b’xi mod innaqqsu l-awtonomija tal-NGOs.

92. Ngħinu aktar lill-ġenituri ta’ tfal u lill-adulti b’diżabilità li jkollhom bżonn tibdil fid-djar tagħhom biex jagħmilha aktar faċli li jkomplu jgħixu fil-komunità. Dan nagħmluh billi nżidu l-massimu tal-assi biex jikkwalifikaw għall-iskema eżistenti, minn €30,000 għal €40,000.