ŻOMM AĠĠORNAT:

APPOĠĠ GĦAN-NEGOZJU

170. Nagħtu lin-negozji żgħar u s-self-employed għadd ta’ inċentivi sostanzjali ta’ tnaqqis fit-taxxa tad- dħul biex innaqqsulhom għal 10% biss it-taxxa fuq l-ewwel €50,000 profitt operattiv. Dan ifisser li jħallsu €5,000 biss fuq l-ewwel €50,000 qligħ. Dan japplika għal kull tip ta’ negozju, minn ħanut għal servizzi, inklużi s-self-employed kollha.

171. Inżidu l-kapital tal-Malta Development Bank bi €360 miljun biex dawn jintużaw bħala garanziji fuq self lin-negozji u start-ups Maltin. B’hekk ikunu jistgħu jinvestu ħalli jikbru billi jkunu aktar innovattivi, aktar produttivi, aktar effiċjenti u jimirħu fis-swieq barranin. Dawn il-garanziji fuq self ikunu jvarjaw bejn €25,000 u €250,000 u jkunu mħaddmin b’sistema miftuħa u trasparenti bbażata fuq il-mertu u d-diliġenza xierqa.

172. Inneħħu t-taxxa tas-sisa mdaħħla fl-2016 fuq għadd ta’ prodotti kożmetiċi tal-iġjene, biex b’hekk inneħħu għal kollox waħda mill-aktar taxxi inġusti imposti mill-Gvern Laburista.

173. Inkabbru l-programmi eżistenti tal-micro-invest, inżidu l-massimu tal-investiment megħjun minn dawn il-programmi, u nipprovdu soluzzjonijiet apposta għal industriji partikolari.

174. Inneħħu l-income tax għal tliet snin (sa massimu ta’ €40,000 taxxa fis-sena għall-ewwel tliet snin) lin-negozji lokali u barranin li jibdew joperaw f’Malta f’oqsma speċifiċi tal-innovazzjoni u li jissieħbu ma’ universitajiet Maltin jew istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja.

175. Nifhmu li l-iskadenza għal ċerti kirjiet kummerċjali li tagħlaq fl- 2018/2028 hija uġigħ ta’ ras għal ħafna negozjanti. Aħna nidħlu f’diskussjonijiet, inkluż mal-għaqdiet rappreżentattivi, biex tinstab soluzzjoni ekwa u ġusta li tindirizza din il-kwistjoni.

176. Nattiraw venture capital għal investiment fil-qasam tal- innovazzjoni billi nnaqsu t-taxxa fuq il-qligħ kapitali fuq dan l-investiment permezz ta’ mekkaniżmu ta’ kreditu ta’ taxxa.

177. Inwaqqfu Business Angel Fund immirat biex jipprovdi kofinanzjament daqs kemm jinvestu l-investituri informali (business angels).

178. Inneħħu t-taxxa fuq it-trasferiment mal-wirt ta’ negozju fil-familja, kemm jekk ikunu ishma kif ukoll jekk tkun propjeta’ immobbli.

179. Innaqqsu r-rata tat-taxxa fuq il- profitt li jkun investit mill-ġdid fil-kumpanija għal 15% (suġġett għal numru ta’ kundizzjonijiet tal- investiment).

180. Nagħmlu reviżjoni tas-sistema tal-multi u interessi mħaddma mid- Dipartiment tat-Taxxi Interni biex, filwaqt li nassiguraw li jservu ta’ deterrent għal min idum biex iħallas it-taxxa dovuta, min-naħa l-oħra nagħmluha aktar faċli li persuna tirregolarizza ruħha mingħajr multi u interessi esagerati u mingħajr ma tispiċċa l-ħabs.