ŻOMM AĠĠORNAT:

ID-DIREZZJONI EKONOMIKA

151. Nibdew naħdmu minnufih biex nerġgħu nibnu r-reputazzjoni ta’ Malta bħala pajjiż ta’ fiduċja, stmat, sikur u ġust.

152. Nikkonsolidaw il-pożizzjoni tas-setturi tas-servizzi finanzjarji, il-gaming, l-avjazzjoni, il-farmaċewtika, ix-xjenzi tal-ħajja, il-manifattura avanzata u l-loġistika. Fejn meħtieġ, lesti li nirrevedu l-qafas regolatorju, nagħtu sens ta’ direzzjoni ġdida, nindirizzaw ir-riskji li qed jiffaċċjaw dawn is-setturi, insaħħu l-preżenza tagħhom f’Malta, intejbu l-valur miżjud u l-aktar importanti, inwasslu għal żidiet fil-pagi tal-ħaddiema.

153. Inwaqqfu Kunsill Ekonomiku bħala bord konsultattiv li jagħti pariri lill-Prim Ministru dwar is-sostenibilità fit-tul tal-ekonomija, dwar l-opportunitajiet u r-riskji marbuta ma’ ċerti policies u ċerti setturi. Il-Kunsill Ekonomiku jkun magħmul minn nies ta’ stima u imparzjalità, u jkollu r-riżorsi kollha meħtieġa biex iwettaq xogħlu.

154. Naħtru Mibgħut Speċjali għall-Brexit sabiex jara li pajjiżna jilqa’ għal kull effett ħażin li jista’ jkun hemm bit-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u, aktar minn hekk, jara li nidentifikaw u nisfruttaw bla aktar dewmien l-opportunitajiet li jista’ jkun hemm għal Malta.