ŻOMM AĠĠORNAT:

IT-TURIŻMU

181. Nagħtu tax credits ta’ 50% fuq l-ispejjeż kapitali lil dawk l-individwi jew kumpaniji li jikkonvertu l-propjetajiet residenzjali fiċ-ċentri antiki tal-irħula u l-ibliet tagħna f’postijiet ta’ akkomodazzjoni turistika.

182. Waqt li nħeġġu lill-intraprendituri biex ikomplu jinvestu f’akkomodazzjoni 5-star u jħarsu lejn investimenti 6-star, inniedu skemi ta’ grants maħsuba biex jgħinu fl-upgrade minn 3- għal 4-star, u fit-titjib ta’ faċilitajiet 4-star diġà eżistenti, sabiex ebda settur fil-qasam tal-akkomodazzjoni ma jaqa’ lura.

183. Nikkummissjonaw carrying capacity study sabiex, mingħajr ma nagħtu x’nifhmu li rridu b’xi mod nillimitaw in-numru tat-turisti li jżuru pajjiżna, nidentifikaw il-ħtiġiet ta’ investiment speċifiku, partikolarment fl-infrastruttura ta’ pajjiżna u fl-appell turistiku fix-shoulder months, biex nimmassimizzaw il-potenzjal tagħna, u nkun attrezzati għall-volum ta’ turisti li jżuruna.

184. Ninvestu – anki bl-użu tal-fondi Ewropej – fi proġetti infrastrutturali u ta’ tisbiħ b’risq il-prodott turistiku ta’ pajjiżna. Dawn il-proġetti jkunu jorbtu mal-ħtiġiet ta’ ċerti zoni turistiċi.

185. Ngħinu l-operaturi fil-livelli kollha biex dawn isaħħu l-preżenza tagħhom bl-aktar mod effettiv fuq l-internet. Nallokaw riżorsi għat-tiftix ta’ swieq ġodda waqt li nsostnu u nżidu l-marketing għas-swieq eżistenti. Fejn jirriżulta li jkun vijabbli, nallokaw budgets ġodda għas-swieq identifikati, biex niżviluppaw il- preżenza u l-kuntatti ta’ pajjiżna ma’ dawn is-swieq.

186. Ninkoraġġixxu dawk in-niċeċ li jkunu relattivament ġodda u li jġibu turiżmu ta’ kwalità tul is-sena kollha. F’dawn in-niċeċ ninkludu: it-tiġijiet ta’ koppji barranin f’pajjiżna, it-turiżmu għall-attivitajiet sportivi, it-turiżmu reliġjuż u kulturali, u t-turiżmu għal skopijiet mediċi. Ma’ dawn, naturalment, ma nistgħux ma norbtux it-tisħiħ fis- settur tal-konferenzi.