ŻOMM AĠĠORNAT:

L-EWWEL PRIJORITAJIET BIEX NIKKONSOLIDAW L-EKONOMIJA


155. Il-konsolidazzjoni tas-setturi tas- servizzi finanzjarji tkun prijorità immedjata:

             a) Inwaqqfu immedjatament High-Level Expert Group, bil-parteċipazzjoni tal-istakeholders, sabiex jeżamina
                 s-sitwazzjoni fis-settur, u jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar x’għandu jsir.

             b) Il-Kummissjoni tintalab ukoll tħejji strateġija nazzjonali dwar is-settur tas-servizzi finanzjarji li tkun tista’ titwettaq fuq                    perjodu ta’ ħames snin.

             ċ) L-awtoritajiet regolatorji f’dan il-qasam – l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA), il-Financial Intelligence                        Analysis Unit (FIAU) u Finance Malta – isiru independenti sabiex joperaw ħielsa minn kull indħil politiku.

             d) Nagħmlu enfasi fuq l-importanza tal-innovazzjoni fil-qafas regolatorju tas-settur.

156. Naraw li nżommu l-linja nazzjonali tal-ajru Maltija għax nemmnu li pajjiżna għandu bżonn linja nazzjonali biex iżomm l-aċċessibilità minn u lejn Malta. Dan nagħmluh b’investiment lokali u soluzzjonijiet ġusti għall-ħaddiema.

157. Nilħqu nefqa ta’ 3% tal-Prodott Domestiku Gross fir-riċerka u l-innovazzjoni f’Malta fuq medda ta’ ħames snin, u nżidu b’10% kull sena l-impenn pubbliku favur proġetti u inizjattivi ta’ riċerka, teknoloġija, żvilupp u innovazzjoni. Dan flimkien ma’ żieda f’investimenti oħrajn fil- qasam tal-edukazzjoni għolja.

158. Ngħinu lis-settur privat jagħmel upgrading tal-infrastruttura tat- telekommunikazzjoni għal ultra high speed internet f’Malta u għal investiment akbar fil-konnettività tagħna permezz ta’ proġetti ta’ international connectivity cables li jgħaqqdu lil Malta ma’ internet backbones separati kemm mal- Ewropa kif ukoll mal-Afrika.

159. Niżviluppaw bis-serjetà l-industrija tal-loġistika b’mod li nintegraw u nisfruttaw il-potenzjal tas-setturi marittimi, tal-avjazzjoni, kummerċ, finanzjament tal-kummerċ, risk management, assigurazzjoni, supply chain management, ċertifikazzjoni u teknoloġija tad-distribuzzjoni.

160. Nikkonsolidaw u nwessgħu l-pożizzjoni ta’ Malta bħala nazzjon marittimu ta’ reputazzjoni internazzjonali u noħolqu klima fejn kull tip ta’ servizz marbut mas-setturi marittimi mhux biss jiġi offrut minn Malta imma neħduh għal-livell li jmiss.

161. Naraw li Malta ssir l-ewwel pajjiż fejn is-servizzi tal-Gvern lin-negozju (G2B) jingħataw kompletament b’mod diġitali. Naraw b’mod partikolari li kull xiri mill-Gvern (public procurement) isir b’mod diġitali biex naċċertaw li jkun hemm trasparenza sħiħa u ġustizzja, u naraw li l-ħlasijiet għal kulma jixtri l-Gvern isiru f’temp ta’ 30 ġurnata.

162. Naraw li 25% tax-xiri mill-Gvern isir mingħand negozji żgħar ħafna (micro) u negozji żgħar li jimpjegaw anqas minn 50 ruħ; dan biex niżguraw li ż-żgħir ikollu sehem akbar fl-ekonomija.

163. Nattakkaw bis-saħħa l-kummerċ illegali, inkluż dawk li jidħlu u joħorġu mill-pajjiż bla ma jirreġistraw u jħallsu t-taxxi hawn Malta.