ŻOMM AĠĠORNAT:

EDUKAZZJONI AVANZATA u OGĦLA GĦAL ĦILIET AQWA

219. Nibdew diskussjonijiet dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg tal- għalliema fil-livell post-sekondarju bil-għan li nwettqu l-prinċipju ta’ paga ugwali għall-istess xogħol, u niffinanzjaw taħrig professjonali u sostanzjali kontinwu, inkluż taħriġ barra minn Malta.

220. Nagħtu lill-istudenti u lill-edukaturi fl-MCAST spazji moderni għat-tagħlim u nagħmlu arranġamenti għal opportunitajiet ta’ placements barra minn Malta. Nagħtu appoġġ għal taħriġ professjonali kontinwu lill-edukaturi. Nipprovdu aktar riżorsi għat-tagħlim u nġibu f’konklużjoni l-proċess li jwassal sabiex gradwati fl-inġinerija jingħataw il-warrant.

221. L-Istitut għall-Istudji Turistiċi nżommuh f’San Ġiljan, fil-qalba tas-settur turistiku Malti. Nagħtu faċilitajiet moderni lill-edukaturi, lill-istudenti u lill-istaff fl- amministrazzjoni; nagħtu appoġġ għal taħriġ speċjalizzat tal-edukaturi; u nfasslu rabtiet aqwa mal-industrija.

222. Nagħtu lill-Università ta’ Malta awtonomija sħiħa amministrattiva u akkademika f’Att dwar l-Università ta’ Malta filwaqt li:


             a) nirrikonoxxu ’l-Università bħala inkubatur għal knowledge-based start-ups;

             b) inlestu l-kostruzzjoni tal-Post- Doctoral Research Centre;

             ċ) niffaċilitaw l-estensjoni tal- Fakultà tal-Inġinerija u l-Fakultà tax-Xjenza;

             d) nibdew l-iżvilupp tas-Sustainable- Living Complex li fi ħdanu se jkun hemm il-Fakultà tal-Edukazzjoni, il-Fakultà għall-                        Ambjent Mibni flimkien ma’ istituti, ċentri u faċilitajiet oħra;

             e) nimmodernizzaw il-faċilitajiet sportivi fl-Università; u

             f) nibnu sound stage għall-iSchool for Performing Arts u l-Institute of Digital Games.

 

223. Nassiguraw li fl-impenn tagħna li nżidu l-kontribut lejn ir-riċerka, it- teknoloġija, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (RTDI) minn 0.6% għal 3% tal- prodott domestiku gross, nagħmlu żieda sostanzjali fl-għajnuna finanzjarja għal studenti li jkunu qed jagħmlu Ph.D.

224. Niġġeneraw aktar investiment privat fl-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni avanzata u ogħla billi nwaqqfu skema ta’ boroż ta’ studju għal studenti Maltin li jsegwu studji f’dawn l-istituzzjonijiet privati mwaqqfa f’Malta. Nibdew diskussjonijiet mal- amministraturi sabiex insibu metodu kif nagħtu appoġġ għal investiment li jistabbilixxi istituti ta’ riċerka.

225. Nipprovdu inċentivi sinjifikanti għar- riċerka li tiffoka fuq benefiċċji soċjali, edukattivi, ta’ saħħa, serħan il-moħħ u ekonomiċi għall-komunità. Inżidu sa €1 miljun fis-sena l-fond RTDI imwaqqaf fl-Università ta’ Malta. Inwaqqfu fond ġdid b’€5 miljuni fis-sena għal riċerka fit-teknoloġija u fix-xjenzi fiżiċi, applikati u soċjali.

226. Ninvestu fl-edukazzjoni mhux formali billi noħolqu makerspaces (hubs tat-teknologija fejn in-nies ikunu jistgħu jiltaqgħu u jkunu kreattivi flimkien) fl-ibliet u fl-irħula madwar il-pajjiż. Dawn jipprovdu għażla ta’ ħiliet għall-ħajja, bħal dawk diġitali, lill-komunità. Dan iwassal għal tisħiħ fl-opportunitajiet għall-intrapriżi, l-għaqdiet, il-kunsilli tal-iskejjel u l-kunsilli lokali, fost oħrajn, sabiex jinvestu u jagħtu appoġġ lill-komunità lokali.

227. Nikkonkludu l-proċess ta’ rikonoxximent taċ-ċertifikazzjoni tal-LSM għal dawk li kienu kisbu dan iċ-ċertifikat.