ŻOMM AĠĠORNAT:

IL-KULTURA SSEDDAQ L-IDENTITA` TAGĦNA


228. Naħtru Ministru responsabbli speċifikament għall-kultura.

229. Naħdmu mill-ewwel biex nassiguraw li niksbu suċċess kbir bil-Valletta 2018. Din l-attività trid tkun vetrina tal-belt kapitali tagħna u wkoll ta’ pajjiżna. Nassiguraw li noħolqu wirt soċjo-kulturali li jibqa’ għat-tul taż-żmien minn dan il-proġett li jrid jgħinna niżviluppaw viżjoni kulturali biex naslu għall-mument meta Malta tospita l-Kapitali Ewropea tal-Kultura għat-tieni darba fis-sena 2031.

230. Ninvestu fl-infrastruttura kulturali tagħna li matul iż-żmien għandha tinkludi teatru nazzjonali ġdid, mużew tal-arti kontemporanja u moderna u ċentru tal-arkitettura u d-disinn. Insostnu s-setturi kulturali u kreattivi biex nassiguraw li dawn igawdu stabbiltà u kontinwità.

231. Niflu l-qafas legali preżenti u neliminaw l-idea burokratika li kollox iħares minn fuq għal isfel, biex hekk noħolqu ambjent fejn il-Gvern u l-entitajiet kulturali jaħdmu flimkien.

232. Nagħrfu li l-aċċess għall-kultura huwa dritt universali. Nagħtu d-dritt lil kull min hu rreġistrat bħala student f’pajjiżna, kull min għandu l-Karta Anzjan u lil dawk li għandhom xi diżabilità, li jżuru s-siti tal-Heritage Malta u l-mużewijiet mingħajr ħlas.

233. Insaħħu l-wirt kulturali bħala aspett importanti tal-identità tagħna u ninvestu fis-Sovrintendenza tal- Wirt Kulturali biex nassiguraw li din tkun tista’ taqdi tajjeb il-funzjonijiet tagħha.

234. Ninvestu fit-tiġdid ta’ lokalitajiet urbani mil-lat kulturali, l-aktar fir- riġenerazzjoni kulturali tal-Cottonera Lines u fl-inħawi tan-Nofsinhar tal- Port il-Kbir.