ŻOMM AĠĠORNAT:

INĦARSU L-WIRT NATURALI u L-BIJODIVERSITA` TAGĦNA


242. Nagħtu z-zona tal-White Rocks lura lill-pubbliku billi nagħmluha Park Nazzjonali protett minn kull żvilupp, u nibdlu l-parti mibnija f’ekopark fejn il-familji jkunu jistgħu jirrikreaw irwieħhom flimkien.

243. Inwaqqfu struttura nazzjonali ġdida għall-immaniġjar tas-siti ta’ valur naturali, Natura Malta, li tħares kull zona naturali protetta, u nidentifikaw zoni ġodda x’nipproteġu.

244. Inżidu n-numru ta’ Żoni Marittimi Protetti, u nestendu dawk eżistenti biex inħarsu l-ħajja fil-baħar u nagħtu spinta lin-niċċa turistika importanti tal-għadis.

245. Inwaqqfu l-ewwel eko-mużew ta’ taħt il-baħar fil-Mediterran, bil-għan li nattiraw aktar turiżmu tal-għadis u nkattru l-ħajja fil-baħar.

246. Nipproteġu l-ambjent taħt il-baħar b’kontrolli aktar stretti fuq l-iskart iġġenerat mill-fish farms, u naraw li dawn jitressqu aktar ’il barra mix- xatt mingħajr aktar dewmien.

247. Nintroduċu gwardjani ambjentali li r-rwol tagħhom prinċipalment ikun li jedukaw lill-pubbliku u li jiżguraw li kulħadd iħares il-wirt ambjentali tagħna.

248. Inniedu pjan nazzjonali għall- protezzjoni tal-widien, bħalma hu Wied Għomor, bil-għan ewlieni li nirriabilitaw is-sistema tal-widien tagħna, nirrispettaw u nżommu ħajja l-bijodiversità tan-natura li tgħix fihom, u jkunu mħarsin għall-pjaċir ta’ kulħadd.