ŻOMM AĠĠORNAT:

INĦARSU Ż-ŻONI BARRA L-IŻVILUPP (ODZ)


261. Naffermaw li aħna kommessi li nipproteġu l-inħawi li huma barra z-zona tal-iżvilupp (ODZ) u li nsalvaw iż-Żonqor mill-iżvilupp billi niddiskutu mal-American University of Malta biex insibulhom sit alternattiv.

262. Inneħħu d-diskrezzjoni li bħalissa għandhom il-Prim Ministru u l-Gvern biex jawtorizzaw żvilupp fuq art ODZ. Minflok, nagħtu l-aħħar kelma lill-Parlament biex il-proċess ikun verament trasparenti u ħieles minn kull abbuż u, b’hekk, l-approvazzjoni tingħata biss jekk ikun hemm approvazzjoni b’kunsens wiesa’.

Proġetti kbar ta’ importanza nazzjonali proposti kemm mis- settur pubbliku kif ukoll mis-settur privat u li jkunu rakkomandati għall-approvazzjoni mill-PA, ikollhom bżonn ta’ vot favorevoli ta’ żewġ terzi fil-Parlament. Bħal fil-każ tal-ħatriet pubbliċi, jekk din l-approvazzjoni ma tintlaħaqx wara żewġ votazzjonijiet, maġġoranza sempliċi tkun biżżejjed fit-tielet vot biex dan il-proġett ikun approvat. Dan ifisser li l-Gvern tal- ġurnata jkollu jġorr ir-responsabbiltà politika jekk jiddeċiedi li jkompli bil- proġett.

263. Niżguraw li art pubblika fl-ODZ tingħata valur ekonomiku tal-inqas daqs il-valur tal-istess art kieku kienet f’zona ewlenija tal-bini. B’hekk neliminaw l-inċentiv li għandu l-Gvern bħalissa li jċedi l-art għal skopijiet spekulattivi.

264. Ma nħallux li ssir reklamazzjoni tal- art għal skopijiet spekulattivi.

265. Nistabbilixxu politika b’viżjoni għall- pajsaġġ (landscape) li jkun ikkurat u miżmum tajjeb, u li tfittex li tgħaqqad flimkien iz-zoni ODZ waqt li tistudja dawk l-iżviluppi li jistgħu jgħarrqu l-pajsaġġ.