ŻOMM AĠĠORNAT:

INRODDU LURA L-KREDIBBILTA` LILL-AWTORITAJIET AMBJENTALI


249. Niżguraw li l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) u l-Awtorità tar-Riżorsi u l-Ambjent (ERA) jiksbu awtonomija ġdida biex ikunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet b’mod ħieles minn kull indħil politiku li tappan il-ħidma tagħhom taħt il-Gvern Laburista. Naraw li għaqdiet volontarji ambjentali jaħtru rappreżentanti tagħhom fil-bordijiet fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet ambjentali.

250. Il-protezzjoni tal-ambjent tkun element fil-proċess tal-ippjanar ukoll, wara li dan iddgħajjef b’mod intenzjonali u ċiniku mill-Gvern Laburista. Nirranġaw id-defiċjenzi li nħolqu bil-qasma tal-MEPA u niżguraw li l-ERA tgawdi r-riżorsi meħtieġa biex taqdi d-dmirijiet tagħha.

251. Infasslu Pjan Strateġiku għall- Ambjent u l-Iżvilupp li jkun ċar u razzjonali u li jbiddel dak li sar bl-addoċċ dan l-aħħar li ma jħarisx fil-bogħod u li sar bil-għan li jaqdi biss lil min għamlu. Pjan strateġiku ġdid ikun koerenti, trasparenti u jħares
fit-tul biex jelimina kull ambigwità u inċertezza.

252. Inwaqqfu kull żvilupp illegali u nqawwu r-riżorsi li bihom l-awtoritajiet relevanti jkunu jistgħu jagħmlu infurzar effettiv. Infasslu App li tagħmilha eħfef għall-pubbliku li jirraporta kull rimi li jsir bl-addoċċ, u kull żvilupp ħażin jew kull attività illegali oħra.