ŻOMM AĠĠORNAT:

KURA AQWA TAS-SAĦĦA

187. Insibu post adegwat viċin l-Isptar Mater Dei biex nibnu Ċentru għas-Saħħa Mentali ġdid, bħalma bnejna ċ-Ċentru tal-Onkoloġija, biex ma nibqgħux nużaw l-Isptar Monte Carmeli. Nagħtu appoġġ akbar lill- professjonisti, lill-ħaddiema u lill- qraba fil-qasam tas-saħħa mentali, inkluż aċċess aħjar għal servizzi ta’ kura temporanja u tim ta’ intervent waqt kriżi li jkun imħarreġ u attrezzat 24 siegħa kuljum. Niżguraw li tingħata attenzjoni xierqa lill-qraba f’dawk li huma pariri u appoġġ.

188. Nagħtu lura lill-Għawdxin l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Nagħtu lura lill-pubbliku wkoll servizzi oħrajn li għaddew għand il-privat minn wara dahar kulħadd, bħad-dermatoloġija u l-prostetika. Dawk il-persuni li telqu l-impjieg pubbliku biex jingħaqdu ma’ VGH jingħataw l-opportunità li jidħlu lura fis-servizz.

189. Niżguraw li Malta ssir ċentru ta’ eċċellenza fil-ġlieda kontra d-dijabete, kundizzjoni li tolqot aktar minn 10% tal-popolazzjoni tagħna. L-istrippi tal-monitoraġġ taz-zokkor, u l-mediċini kollha, inkluża l-insulina, nagħtuhom b’xejn lill-pazjenti kollha tad-dijabete tat-tip 2, bħal dawk li għandhom il-kundizzjoni tat-tip 1. Wara konsultazzjoni mal-pazjenti u l-professjonijiet mediċi, naraw kif inhu l-aħjar mod biex nintroduċu l-pompi tal-insulina u l-monitoraġġ kontinwu taz-zokkor. Nistudjaw kemm hemm ħaddiema fid-dipartiment tad-dijabete – li hu żgħir wisq biex ilaħħaq mat-talbiet li jkollu – biex inkabbru s-servizzi tal-edukazzjoni u l-prevenzjoni. Nagħtu wkoll lill-pazjenti l-possibilità li jagħżlu l-vouchers b’xejn minflok apparat b’xejn.

190. Nindirizzaw, lil hinn mill-isptarijiet tagħna, l-erba’ kawżi ewlenin tal- mard u l-imwiet f’pajjiżna, minbarra d-dijabete, biex inkunu nistgħu noffru l-ħarsien u l-kura fid-djar stess, qrib il-komunità fejn tgħix. L-obeżità, il-kanċer, il-mard respiratorju u dak kardjovaskulari jkunu fil-mira ta’ programm ta’ monitoraġġ u screening biex noffru prevenzjoni u appoġġ fil-komunità, u niżguraw li jkopru d-dixxiplini kollha fil-qasam tal-kura, bħal esperti tad-dieta, podoloġisti, psikoloġisti u konsulenti.

 191. Inwaqqfu l-prattika xejn dinjituża li morda bil-kanċer ikollhom imorru jittallbu għall-kemoterapija għand il-Community Chest Fund. Għalhekk, lil dawk li huma morda bil-kanċer nagħtuhom il-kemoterapija li jkollhom bżonn b’xejn.

192. Nipprovdu klinika one-stop-shop u multi-dixxiplinari għal dawk li jsofru minn kundizzjonijiet bħall-fibromyalgia, ME, MS, chronic fatigue syndrome u diżabbiltajiet oħra inviżibbli. Is-servizz li qed jingħata bħalissa għal dawn il-kundizzjonijiet hu inadegwat għat-talba li qed ikun hemm.

193. Nindirizzaw l-effett soċjali tal-uġigħ, li dejjem qed jikber. Minħabba nuqqas ta’ riżorsi, is-servizzi li qed jingħataw mill-Klinika tal-Uġigħ fl-Isptar Mater Dei qed jirriżultaw f’waiting list twila. Ninvestu f’aktar ħaddiema multi-dixxiplinari, f’kuri tradizzjonali u alternattivi, kliniċi aħjar u servizz fil-komunità aħjar, minbarra fil-Mater Dei.

194. Nindirizzaw l-awtiżmu, partikolarment biex intejbu s-servizzi taċ-Child Development Assessment Unit (CDAU). B’hekk nagħmlu s-servizzi aktar aċċessibbli għall-familji kollha li qed jiffaċċjaw l-isfida ta’ din id-diżabilità moħbija. Naħdmu id f’id mal-familji, l-esperti u l-għaqdiet volontarji f’dan il-qasam.

195. Nipprovdu l-medikazzjoni neċessarja b’xejn lill-koppji li jkunu se jagħmlu l-proċedura tal-IVF.

196. Inżidu l-valur tal-voucher għal dawk li jsofru mill-kundizzjoni tas-celiac minn €50 għal €150. Nistudjaw ukoll il-possibilità li nintroduċu sistemi simili għal dawk li jsofru minn mard kroniku ieħor li jkollu bżonn ħarsien speċjali, kemm jekk ikun wieħed ta’ dieta kif ukoll ta’ apparat jew bżonnijiet oħrajn.

197. Innaqqsu l-ħin tal-ipproċessar fid- Dipartiment tal-Emerġenza. Nagħrfu li hemm problema fis-sistema tal- ħruġ, li hi r-riżultat ta’ numru ta’ eżamijiet mediċi li xi pazjenti jkollhom jagħmlu qabel ma jiddaħħlu jew qabel ma jintbagħtu lura d-dar. Inżidu n-numru ta’ units għad-deċiżjonijiet kliniċi biex inħallu lill-ħaddiema mediċi jikkonċentraw fuq il-bżonnijiet tal- pazjenti kritiċi.

198. Nistabbilixxu klinika fid-Dipartiment tas-Saħħa Nazzjonali għall-ħtiġiet tal- ġeneru, bin-nies imħarrġa meħtieġa u nipprovdu t-terapija ormonali u l-operazzjonijiet għall-persuni trans. Nassiguraw li jkollna f’idejna l-aktar medikazzjoni riċenti għall-persuni milqutin mill-HIV.

199. Nintroduċu l-Pre-Exposure Prophylaxis (PrEP) u l-Post-Exposure Prophylaxis (PEP). Nassiguraw li dawn is-servizzi jkunu aċċessibbli għal kulħadd u li jingħataw mingħajr ħlas.