ŻOMM AĠĠORNAT:

L-AGRIKOLTURA


296. Nattwaw sistema ġusta għall- klassifikazzjoni tal-bdiewa u r-raħħala, ibbażata kemm fuq id-dħul tagħhom kif ukoll fuq l-ammont ta’ raba’ maħdum biex tkun tista’ tingħata għajnuna effettiva. B’dan il-mod, is-settur ikun qiegħed jingħata l-għajnuna biex ikun jista’ jiġi fuq saqajh u jkompli jikber tul is-snin.

297. Nassiguraw trasparenza sħiħa fil-katina tal-provvista tal-prodotti agrikoli, mill-għalqa sa fuq il-mejda, bl-applikazzjoni ta’ monitoraġġ tal- prezzijiet tul il-katina tal-provvista kollha, biex jiġu salvagwardati l-interessi tal-bdiewa, tal-pitkala, tal-bejjiegħa, u fl-aħħar mill-aħħar, tal-konsumatur. B’hekk, tal-ewwel ikollhom qligħ ġust għal ħidmithom waqt li l-konsumatur ikollu għażla ta’ prodotti agrikoli tal-aqwa kwalità bi prezzijiet tajbin.

298. Niffaċilitaw it-trasferiment ta’ art agrikola bejn bdiewa żgħażagħ, bdiewa attivi u bdiewa li jkunu lesti jittrasferixxu r-raba’ tagħhom biex tiġi kkonsolidata l-art agrikola.

299. Neżentaw applikazzjonijiet għal strutturi agrikoli mill-ħlasijiet tal- ippjanar tal-iżvilupp.

300. Nagħtu rata sussidjata għall-qbiela u ċ-ċens fuq l-irziezet u strutturi oħra agrikoli li huma mibnijin fuq art tal- gvern.

301. Inneħħu t-taxxa tas-suċċessjoni fuq art u strutturi agrikoli, kif ukoll fuq irziezet li jintirtu fil-familja.

302. Nistudjaw il-problema li, minħabba l-insularità ta’ pajjiżna, ir-raħħala tagħna qed iħabbtu wiċċhom ma’ prezzijiet ogħla għax-xiri ta’ ġwież minn barra l-pajjiż, sabiex tinstab soluzzjoni li tħalli r-raħħala tagħna jikkompetu ma’ raħħala tal-Unjoni Ewropea abbażi ta’ kundizzjonijiet ġusti.

303. Noħolqu strateġija nazzjonali biex l-iskart agrikolu f’diversi forom jingħata valur ħalli jiġi ttrasformat f’riżorsi alternattivi, bħal f’fertilizzant organiku u f’enerġija rinnovabbli.

304. Nistudjaw metodi kif strutturi b’integrated PV panels jikkumplimentaw skopijiet agrikoli ġenwini biex jinkoraġġixxu l-bdiewa u r-raħħala ħalli jkunu attivi f’dawn il-mudelli agrikoli innovattivi.

305. Noħolqu skema sabiex is-settur agrikolu u s-settur turistiku jibbenefikaw mill-potenzjal ta’ xulxin.

306. Inniedu kampanja nazzjonali marbuta ma’ labelling ta’ prodotti bħall-frott, il-ħalib, il-ħaxix, il-laħam, kemm impurtati kif ukoll lokali, biex filwaqt li jinqatgħu l-abbużi, il-konsumatur ikollu s-serħan tal-moħħ mill-prodotti li jkun qed jixtri.