ŻOMM AĠĠORNAT:

NAGĦMLU L-AMBJENT ELEMENT EWLIENI TAL-PAJJIŻ LI JIXIRQILNA


239. Nagħtu lill-ambjent rikonoxximent u ħarsien kostituzzjonali. Inpoġġuh fil-qalba tal-proċess ta’ kull deċiżjoni li nieħdu biex niżguraw li l-policies tagħna f’kull settur ikunu xprunati mill-għan ewlieni li ntejbu s-sostenibilità u l-kwalità tal-ħajja għal kulħadd.

240. Infasslu strateġija nazzjonali maqbula minn kulħadd għal kwalità aqwa tal- ħajja, b’viżjoni u miri li jaslu sas-sena 2050 u b’mod li jagħmel il-kunsens wiesa’ favur l-ambjent wieħed li jorbot il-gvernijiet kollha. Agenda 2050 tindirizza l-aspetti ambjentali b’mod serju, sħiħ u li jkun ibbażat fuq l-evidenza. Dan ikun jagħmel parti mill-patt li lesti nagħmlu maċ- ċittadini kollha, inklużi s-soċjetà ċivili u l-partiti politiċi.

241. Niżguraw li l-mudell ekonomiku tagħna jqis l-ambjent bħala prijorità u ma jikkonsidrax aktar lill-ambjent bħala għadu tat-tkabbir ekonomiku, anzi bħala element li jibni ekonomija attraenti u sostenibbli għat-tul. Il-ħarsien ambjentali jagħtina opportunitajiet ġodda u jagħmel il-wirt ambjentali tagħna mhux biss element tal-kwalità aqwa tal-ħajja imma wkoll kontributur importanti għas-suċċess ekonomiku tagħna.