ŻOMM AĠĠORNAT:

NIFS AĦJAR B’ARJA AKTAR NADIFA


268. Naġġornaw u nħaddmu l-Pjan għall- Kwalità Aħjar tal-Arja. Nagħmlu studju fuq l-apparat u l-vetturi tal-Gvern biex niżguraw li dawn jitħaddmu skont l-istandards stabbiliti dwar id-dħaħen u l-ħsejjes. Nimplimentaw strateġija biex jinbidlu l-vetturi tad-dipartimenti tal-Gvern għal oħrajn li jaħdmu bl-elettriku. Infasslu pjan ta’ ħames snin biex nistabbilixxu postijiet madwar il-pajjiż imnejn il-pubbliku jkun jista’ jiċċarġja l-karozza elettrika tiegħu b’enerġija mix-xemx u mingħajr ħlas.

269. Indaħħlu liġi kontra l-użu ta’ apparat li jipproduċi ħsejjes qawwijin wisq jew li jarmi minnu dħaħen u sustanzi perikolużi fis-siti tal-kostruzzjoni. Noffru inċentivi fiskali lill-kumpaniji fl-industrija tal-bini biex ngħinuhom itejbu l-istandards ambjentali tagħhom, l-aktar fejn jidħlu l-vetturi u l-apparat li jużaw fix-xogħol tagħhom.

270. Innaqqsu t-tniġġis fl-arja u l-ħsejjes billi nimplimentaw in-Noise Prevention and Control (Framework) Regulations, anki billi naraw li l-bord imwaqqaf apposta biex jikkontrolla l-ħsejjes (Noise Control Board) jiffunzjona tajjeb.

271. Nintroduċu mezzi, wara li jkunu saru l-konsultazzjonijiet mal-industrija, biex nevitaw il-ħela tal-ġebla. Nidentifikaw sit fejn ikunu jistgħu jittieħdu materjali u elementi li jiżżarmaw mill-bini ħalli dawn ikunu jistgħu jintużaw f’siti oħra.