ŻOMM AĠĠORNAT:

NINDIRIZZAW B’MOD SERJU L-PROBLEMA TAT-TRAFFIKU: SISTEMA TA’ METRO


281. Nindirizzaw il-problema tal-mobilità maħluqa mit-traffiku fit-toroq tagħna. Għalhekk, immedjetament, nibdew naħdmu biex nibnu sistema alternattiva tat-trasport pubbliku. Din tkun sistema ta’ metro li taħdem sew fuq l-art kif ukoll taħt l-art, skont il-lokalità. Din tkun sistema aktar nadifa, eħfef fil-veloċità, waqt li ssebbaħ u ssaħħaħ it-trasport pubbliku f’pajjiżna. Din is-sistema tkun taqdi ċ-ċentri urbani ewlenin, kif ukoll tgħaqqad iż-żewġ gżejjer ta’ Malta u Għawdex flimkien.

282. Infasslu Pjan Nazzjonali għall- Infrastruttura fuq medda ta’ numru ta’ snin. B’hekk, is-sistema tal-metro tkun parti minn investiment aktar wiesa’ u qawwi li tassew joħloq sistema tat-trasport imħallta mifruxa fuq network bil-metro, bix-xarabank, bit-trasport ċirkulari fil-lokal, bid- dgħajjes, bir-rota u bil-passaġġi għall-pubbliku.

283. Il-Pjan Nazzjonali għall-Infrastruttura jkun ikopri l-bini u l-manutenzjoni tat-toroq arterjali u residenzjali u jġib it-toroq tal-pajjiż għal-livell li hu mistenni minn pajjiż modern.

284. Nimplimentaw immedjetament din is-sistema ppubblikata fid-dokument tagħna ‘Innaqqsu l-Konġestjoni tat-Traffiku – Il-Miżuri Immedjati’ biex hekk nindirizzaw il-konġestjoni qawwija tat-traffiku li tant tħabbatna fit-toroq tagħna, u li taffettwalna ħażin saħħitna u l-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, minbarra li taffettwa u tiswa ħafna flus għall-ekonomija tagħna.

285. Nagħmlu b’xejn it-trasport tal- iskejjel għall-istudenti kollha u wkoll għall-għalliema. Hekk inkunu qed inwarrbu d-diskriminazzjoni ma’ dawk li jattendu l-iskejjel tal-Knisja jew indipendenti. B’dan il-mod inkunu qed innaqqsu b’mod sostanzjali n-numru ta’ karozzi privati fit-toroq tagħna fl- agħar ħinijiet għat-traffiku.

286. Nipprovdu t-trasport pubbliku mingħajr ħlas għal kull min għandu l-Karta Anzjan u għal dawk bl- Istudent Card. Indaħħlu inċentivi finanzjarji għal kategoriji partikolari li jużaw it-trasport pubbliku bħal, pereżempju, skemi għall-impjegati u għal min iħaddem, eż. flexitime, garanzija li l-ħaddiem jitwassal lura d-dar bla ħlas, skemi tat-trasport pubbliku, pooling tal-karozzi u
l-vannijiet, pjani tal-ivvjaġġar għall- ħaddiema, u skedi tax-xogħol li jikkumplimentaw lil xulxin.

287. Bħala parti mit-titjib fil-kwalità al-infrastruttura, ninvestu fit-titjib tal-kundizzjonijiet għal dawk li jużaw ir-rota u wkoll għal dawk li jimxu. Nieħdu ħsieb il-bankini u naraw li jitħawlu siġar biex jipprovdu d-dell. Nipprovdu bankijiet fuq il-bankini u fil-passaġġi biex wieħed, speċjalment min hu anzjan, isib fejn jistrieħ waqt li jkun miexi. Noħolqu wkoll passaġġi għar-roti u toroq li jkunu partikolarment sikuri għat-trasport tat-tfal tal-iskola. Naraw ukoll li noħolqu iżjed inċentivi għal min juża r-rota.

288. Indaħħlu skema ġdida biex titnaqqas il-liċenzja tal-karozza b’mod proporzjonali għal dawk il-karozzi li jintużaw biss fi tmiem il-ġimgħa. B’hekk, liċenzja li tiswa €700 fis- sena tista’ tinżel għal €100 jekk dik il-karozza tkun tintuża biss nhar ta’ Ħadd.

289. Nestendu l-iskont ta’ 40% fuq it- taxxa tar-reġistrazzjoni tal-karozzi li jintużaw biss nhar ta’ Ħadd mhux biss għal karozzi ta’ valur għoli, imma għal kull karozza biex hekk dak li jkun jinċentiva ruħu juża l-karozza tiegħu fi tmiem il-ġimgħa biss u jinqeda
bit-trasport pubbliku fil-ġranet tax- xogħol.

290. Ninkoraġġixxu l-użu ta’ skema tal- assigurazzjoni pay-as-you-drive. Din l-iskema tgħin lil sid il-karozza jirċievi lura ċertu ħlas jekk ma jużax il-karozza tiegħu ta’ spiss.

291. Ninkoraġġixxu lis-sidien ta’ karozzi antiki biex jiskrappjawhom u nagħtuhom voucher ta’ €2,000. Dan il-voucher ikunu jistgħu jużawh bħala skont fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozza l-ġdida, sakemm din il-karozza ma jkollhiex aktar żmien minn erba’ snin. Din l-iskema tagħmilha eħfef għal dawk li għandhom karozza qadima biex jibagħtuha għall-iskrapp minħabba li din tkun ingħatat valur tajjeb ta’ €2,000. Din l-iskema tagħmilha attraenti għas-sidien biex ma jitilqux il-karozza qadima tagħhom fit-triq. Ukoll, b’din l-iskema, jonqos in-numru ta’ karozzi qodma mit-toroq.