ŻOMM AĠĠORNAT:

NIPPRODUĊU, NIXTRU U NUŻAW L-ENERĠIJA AKTAR BIL-GĦAQAL

272. B’effett immedjat, innaqqsu l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel b’5 ċenteżmi fil-litru. Nintrabtu li dawn il- prezzijiet inżommuhom taħt il-medja tal-UE tul il-leġiżlatura.

273. Nixtru l-elettriku mill-orħos sors kif jaqbel lill-poplu Malti u Għawdxi. L-orħos sors bħalissa hu l-interconnector ma’ Sqallija. Dak li niffrankaw fix-xiri tal- elettriku ngħadduh direttament lill-konsumatur f’inċentivi ġodda biex nipproduċu enerġija nadifa u billi nnaqqsu l-kontijiet tal-elettriku.

274. Malajr kemm jista’ jkun, inneħħu t-tanker tal-LNG minn Marsaxlokk u nibdew naħdmu mill-ewwel fuq il-pipeline tal-gass minn Sqallija, kif kien diġà ppjanat mill-Gvern Nazzjonalista ta’ qabel. B’hekk nassiguraw li Malta tkun imqabbda man-network Ewropew tal-gass.

275. Inwettqu l-obbligu li Malta hi marbuta bih li, sas-sena 2020, 10% tal-enerġija li nużaw inkunu qed niġġenerawha minn sorsi alternattivi. Dan il-pjan ikun jinkludi strateġiji biex nużaw il-qawwa tax-xemx fid-djar u wkoll fil-binjiet kummerċjali. Nagħtu grants biex wieħed ikun jista’ jinvesti fl-enerġija alternattiva. Nagħtu, fejn ikun meħtieġ, feed-in tariffs vantaġġjużi lill-konsumaturi. Fuq il-bjut tal-binjiet pubbliċi u fiz-zoni industrijali, inwaħħlu pannelli solari.