ŻOMM AĠĠORNAT:

TMEXXIJA MEDIKA AQWA FAVUR IL-PAZJENTI U L-ĦADDIEMA

 

200. Noffru tax breaks u ħlas lura lil dawk il-persuni jew kumpaniji li jagħżlu li jkollhom polza tas-saħħa medika.

201. Ninfurzaw bis-sħiħ id-drittijiet minquxin fiċ-Charter tad-Drittijiet tal-Pazjent billi nintroduċu l-liġijiet meħtieġa biex ninfurzaw dawn id-drittijiet. Dawn jinkludu d-dritt li pazjent ifittex awtorizzazzjoni minn qabel biex jieħu kura f’xi istituzzjoni ta’ kura f’Malta jew f’xi pajjiż ieħor Ewropew, jekk din il-kura ma tkunx ingħatatlu wara żmien stabbilit.

202. Nagħtu mediċini b’riċetta tat-tabib b’xejn li dawk kollha li jgħixu bil- pensjoni biss minħabba l-età jew xi diżabilità.

203. Nagħtu mediċini b’riċetta tat-tabib b’xejn ukoll lil dawk kollha li jsofru minn mard kroniku bħad-dijabete,l-ekżema u l-osteoporożi, li mhumiex irreġistrati bħala diżabilità fiżika jew dgħufija konjittiva.

204. Nagħtu prijorità aqwa lill-ħaddiema f’dan il-qasam biex niżguraw li jkun hemm dejjem biżżejjed ħaddiema fis- settur biex jilqgħu għall-bżonnijiet tal- pajjiż fil-qasam tal-kura. Nirrikonoxxu l-kontribut importanti tal-ħaddiema mhux professjonisti, bħall-carers, l-assistenti tas-saħħa, u n-nursing aides, billi noffrulhom skemi ta’ boroż ta’ studju u tax rebates biex ikomplu jitħarrġu u jiżviluppaw. Nagħtuhom allowances speċjali regolari marbutin mal-qadi tad-dmirijiet tagħhom. Professjonisti fil-qasam tal-kura anċillari jerġgħu jingħataw it-titlu tal-professjoni tagħhom, bħal pereżempju, Fiżjoterapisti, Occupational Therapists, eċċ.
Niżviluppaw qafas legali li jaħseb għar-rwoli anċillari fil-professjoni tas-saħħa u n-nursing.

205. Nagħmlu ftehimiet mal-għaqdiet volontarji, partikolarment dawk fis-saħħa mentali u fil-qasam tal-kura fil-komunità, biex nappoġġjaw ix-xogħol li jagħmlu u nsostnu xogħolhom b’mod attiv. Niżguraw li l-istandards jinżammu, mingħajr l-ebda interferenza jew indħil fl-awtonomija tal-NGOs infushom.

206. Infasslu ftehim kollaborattiv mas- settur privat, sptarijiet, kliniċi, prattiċi privati u anke koperattivi, biex innaqqsu l-istennija u nħaffu l-piż minn fuq is-servizz pubbliku tas- saħħa.

207. Nibdew programm ta’ tkabbir u tisbiħ taċ-Ċimiterju tal-Addolorata u ċimiterji oħrajn biex niżguraw li dawn il-postijiet ikollhom id-dinjità u r-rispett li jixirqilhom. Nonoraw kull konvenju fuq l-oqbra bil-prezz oriġinali ta’ €5,000, u noħorġu offerti biex niżguraw il-manutenzjoni xierqa taċ-ċimiterji kollha.