ŻOMM AĠĠORNAT:

Inkitbu bosta manifesti. Mill-Indipendenza ’l hawn esperjenzajna l-alternanza tal-poter minn partit kbir wieħed għal partit kbir ieħor. It-tnejn għamlu l-ġid fi żmienhom u t-tnejn kellhom il-mumenti ħżiena tagħhom.

Li żgur naqsithom it-tnejn meta l-aktar li ġew bżonnha hija l-forza u l-ħeġġa biex, waqt li jiggvernaw, kontinwament jiġġeddu u jżommu l-interess tan-nies kollha l-ewwel, f’kull deċiżjoni li jieħdu.

Il-Partit Demokratiku għalhekk inħoloq. Se jkun l-assigurazzjoni biex il-viżjoni għal pajjiżna, hekk kif imsejsa fil-manifest, titwettaq kollha kemm hi u li f’kull ħin jinżamm sħiħ il-pedament b’saħħtu ta’ tmexxija bil-għaqal, responsabbli u trasparenti bil-parteċipazzjoni kontinwa tas-soċjetà ċivili.

Il-Partit Demokratiku jemmen, fuq kollox, li hija l-edukazzjoni li toħroġ l-aħjar f’kull wieħed u waħda minna, iċ-ċavetta tas- suċċess sħiħ tal-poplu tagħna. Edukazzjoni li tqanqal il-kreattività, l-innovazzjoni fil- ħsieb u r-rieda li nkunu aħna, kull wieħed u waħda minna, l-aġenti biex noħolqu x-xogħol dinjituż għalina u għall-oħrajn.

Minn poplu passiv, imtaqqal b’sistema edukattiva li trażżnu milli jaħseb, se nwettqu trasformazzjoni f’poplu mrawwem biex jaħseb b’moħħu, jiddibatti, jikkritka u jsib hu s-soluzzjonijiet meħtieġa għall-iżvilupp sostenibbli ta’ gżejjer li r-riżors tagħhom huwa aħna lkoll.

Il-Partit Demokratiku jemmen li l-egħżeż ħaġa li għandu l-bniedem hija saħħtu, u jorbot is-saħħa ta’ kull ċittadin mhux biss mal-kwalità tal-ambjent fiżiku li jiddependi wkoll fuq deċiżjonijiet politiċi, imma wkoll mal-kwalità tal-ħajja li kull wieħed minna jkollu jgħix biex jassigura l-għajxien tiegħu.

Għalina tal-Partit Demokratiku, it-tqassim tal-ġid bil-għaqal jibqa’ fuq quddiem nett tal-għanijiet tagħna fil-proposti li ssibu f’dan il-programm.

B’dan il-programm qed nagħtu tifsila tal-pajjiż li rridu ngħixu fih.

It-tifsila mhix biżżejjed. Il-kontribut ta’ kulħadd se jkun meħtieġ fiż-żmien li ġej biex inpoġġu l-bżulija u l-integrità tagħna lkoll għad-dispożizzjoni ta’ pajjiżna, biex fil-ħames snin li ġejjin inlibbsu mill-ġdid il-libsa tas-suċċess u l-kredibilità lill-pajjiż tagħna.

 

Marlene_signature.jpeg

Kap tal-Partit Demokratiku

 

“Dan huwa programm imfassal minn nies li għalihom l-interess nazzjonali jiġi l-ewwel. Lesti li flimkien magħkom ipoġġu fil-prattika l-politika u l-governanza”