ŻOMM AĠĠORNAT:

Meta erba’ snin ilu sirt Kap tal-Partit Nazzjonalista, ridt li nagħmel lill-Partit Nazzjonalista mill-ġdid partit tan-nies. Xammart il-kmiem u ħdimt biex nagħmel propju dan billi erġajt mort fl-għeruq biex nibnu politika min-nies u għan-nies.

Ridt li l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jkun qrib in-nies, għall-ġid ta’ pajjiżna. Biddilna l-istrutturi fil-Partit Nazzjonalista biex jirrappreżentaw tassew lis-soċjetà li qed ngħixu fiha. Ftaħna lill-Partit Nazzjonalista, ħaddanna nies minn kull qasam tas- soċjetà tagħna, minn kull età, kull sess, kull kulur, kull tip ta’ xogħol. Fuq kollox, bdejna naħdmu fuq viżjoni ġdida tagħna għal Malta biex negħlbu l-medjokrità darba għal dejjem.

Il-viżjoni tiegħi għal Malta hi waħda ta’ pajjiż li jitmexxa b’mod onest, nadif u ġenwin. Hu għalhekk li qed inwiegħed li l-karigi għoljin kollha tal-pajjiż – mill-President sal-Kummissarju tal-Pulizija – ma jinħatrux aktar mill-Prim Ministru imma mill-Parlament b’maġġoranza ta’ żewġ terzi. Irrid nenfasizza li t-tmexxija nadifa u onesta trid tkun parti mill-Kostituzzjoni tagħna ħalli jkollna min isus fuq il-Prim Ministru u l-Gvern, bla biża’ jew favuri. Irridu wkoll istituzzjonijiet stabbli ħalli mhux kull darba li jinbidel il-Gvern jinqaleb kollox.

Hu għalhekk ukoll li ftaħt lill-Partit Nazzjonalista għall-possibilità li jaħdem ma’ partiti oħrajn. Jien sodisfatt li għamilna ftehim mal-Partit Demokratiku. Hu b’hekk ukoll li jkollna Gvern li jkun hemm min isus fuqu u jien ma nibża’ xejn minn dan, anzi rrid li jkun hekk. Il-wegħdi li qed nagħmel huma konkreti u nibdew inwettquhom hekk kif Forza Nazzjonali tkun eletta fil-gvern.

Għandna pjani ġodda u interessanti għall- pajjiż; pjani bbażati fuq proposti li bihom nagħtu bidu ġdid lil pajjiżna f’ħafna oqsma. Irrid pajjiż li jirrispetta l-ġustizzja soċjali, jistinka ħalli kulħadd igawdi kwalità aqwa tal-ħajja, u jara li kulħadd igawdi mil- ħolqien tal-ġid. Nistiednek taqra dan il- programm elettorali u tingħaqad magħna fil-ħeġġa biex inwettquh.

Madankollu, inżommu f’moħħna li din l-elezzjoni mhix tellieqa tal-proposti. Forza Nazzjonali tagħtina l-opportunità li ningħaqdu flimkien biex innaddfu s-sistema politika tagħna darba għal dejjem ħalli niddedikaw l-enerġiji kollha tagħna ħalli nagħmlu lil Malta pajjiż tassew aħjar.

Dan hu għaliex jien nagħżel Malta, u nħeġġek tagħmel hekk int ukoll.

 

simonsignature.jpeg

Kap, Partit Nazzjonalista

“Forza Nazzjonali tagħtina l-opportunità li ningħaqdu flimkien u niddedikaw l-enerġiji kollha tagħna ħalli nagħmlu lil Malta pajjiż tassew aħjar”