ŻOMM AĠĠORNAT:

Wasalna nofs triq tal-kampanja elettorali. Id-differenza bejn il-Forza Nazzjonali u l-partit tal-klikka ta’ Muscat hija ċara. Aħna nippubblikaw il-proposti, nisimgħu l-ideat u nitkellmu man-nies b’mod ġenwin u ħaddieħor jiftaħ website b’ismi kollha fakenews u jipprova jnewwaħ li qed joħonqulu l-libertà  tal-espressjoni meta din twaqqfet. Apparti li l-materjal huwa għal kollox qarrieqi, qalu li hija website satirika, meta lanqas kellhom id-diċenza juru min kitibha jew ħoloqha. Dan kollu iżda, ma xejjen xejn mill-vera aħbarijiet tal-bieraħ. Il-Magistrat reġa kompla jinvestiga fil-Pilatus Bank kemm dwar it-tranżazzjonijiet bejn Keith Schembri u Brian Tonna u anke dwar il-kumpanija Egrant u l-involviment tal-Prim Ministru. Apparti hekk ilbieraħ kompliet tixhed il-whistleblower dwar il-każ imma allajbierek għall-PBS dan mhux żvilupp li tajjeb ikun jaf bih il-poplu għax ma rrappurtaw xejn! Dawn huma l-istess nies li newħu dwar id-dritt tal-espressjoni għax għalqulhom il-website fakenews taparsi f’ismi!! Lanqas jistħu!

Lil hinn minn dan kollu, il-Forza Nazzjonali tibqa’ pożittiva fil-messaġġ tagħha. Wara t-3 ta’ Ġunju se mmexxu Gvern li jibni fuq it-tajjeb li hawn bħalissa u jxejjen il-klikka ta’ korruzzjoni li nifdet il-qalb u r-ruħ ta’ pajjżna. Se nagħmlu dan billi lill-familji u l-ħaddiema ntuhom vera ekonomija għan-nies. Għandna pjan ċar kif nqassmu l-ġid ma’ kulħadd u mhux ‘roadmap’ li tħaxxen biss il-bwiet tal-klikka. Aħna qed nintrabtu biex:

  1. Innaqqsu l-income tax għall-ħaddiema li jaqilgħu sa €20,000
  2. Innaqqsu l-income tax fuq xogħol part-time għal 10%
  3. Innaqqsu l-income tax għas-self employed u negozji zgħar għal 10%
  4. Inneħħu t-taxxa tas-sisa li daħħal Joseph Muscat
  5. Inżidu l-kapital ta’ garanziji mill-Malta Development Bank
  6. Innaqqsu t-taxxa fuq profitti ri-investiti
  7. Noffru eżenzjoni ta' taxxa għal negozji innovattivi

Din hi l-Forza Nazzjonali li qed immexxu. Dan hu li jrid il-poplu. Komplu waslu l-ideat u l-opinjonijiet tagħkom permezz ta’ dan is-sit http://forzanazzjonali.com/vuci. Wara t-3 ta’ Ġunju l-ideat isiru realtà għax flimkien se Ngħażlu Malta.