ŻOMM AĠĠORNAT:

ID-9 ĠURNATA: ISSA L-MUMENT

L-atmosfera fid-Dar Ċentrali hija nkredibbli. Naf li ħafna minnkom taqraw dan il-blogg u ssegwuna fil-kumdità  tadarkom, iżda n-numru kbir ta’ nies li qed jiġu jgħinuna u jappoġġjaw lill-Forza Nazzjonali jimlini bil-kuraġġ li l-poplu se jirrispondi bi ħġaru għas-sejħa favur pajjiżna.


Grazzi kbira lil kull min ta sehmu waqt il-maratona ġbir tafondi lbieraħ għax b’hekk se nkomplu nwasslu l-messaġġ tagħna. Il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista huwa bbażat fuq ix-xewqat tagħkom. Infatti lbieraħ fuq dan is-sit bdejna inizjattiva interattiva fejn kulħadd jippreżenta l-ideat tiegħu u jivvota fuq ideat oħrajn u jagħti raġunijiet għaliex jaqbel jew ma jaqbilx magħhom. B’dan il-mod mhux se naqtgħu il-kuntatt wiċċ mbwiċċ magħkom iżda bis-saħħa tal-komunikazzjoni moderna se nsaħħu dak li nemmnu fiħ u dak li se nwettqu ladarba ttuna l-fiduċja fit-3 ta’ Ġunju.


Ilbieraħ kienet ġurnata impenjattiva ħafna. Komplejna nuru l-pjani friski u kredibbli tagħna billi għamilna patt kif se ngħinu eluf tafamilji li taħt dan il-Gvern bdew imissu l-faqar. Qed inwegħdu li nibnu djar għal housing soċjali. Fl-aħħar erbasnin lanqas ġebla ġdida waħda ma tpoġġiet għall-ħousing soċjali, u dan minkejja ħafna wegħdiet u xinxilli mill-partit l-ieħor.


Komplu segwuna għax il-proposti tagħna ma jiqfux hawn. Se nżommu l-iskema għall-first time buyers, se nergħu inraħħsu l-kirjiet socjali għal kif kienu qabel mgħollihom Joseph Muscat. Se nżidu s-sussidju għal min jikri mill-privat. Il-lista taproposti li se jagħmlu d-differenza fil-bwiet tan-nies hija twila. Il-Forza Nazzjonali qed twiegħed dan kollu iżda tinsewx li dan kollu jistajsir bis-saħħa tal-fiduċja tagħhom. Il-fiduċja tagħkom insarrfuha fiktar ġid u t-tmiem tal-klikka li kielet minn fuq dahrna bil-kontijiet moħbija fil-Panama. Kuraġġ!!


IT-8 ĠURNATA: ĠID FI BWIET IL-ĦADDIEMA

Qed nieħu gost nikteb dawn il-kelmtejn kważi l-ewwel ħaġa kull filgħaxija. Kampanja Elettorali kif tafu m’hix faċli iżda li qed naqsam dawn il-mumenti mill-aqwa magħkom huwa ta’ sodisfazzjon u sens ta’ kburija li jien Malti. Jgħidu x’jgħidu l-oħrajn, jgħawġu kemm jgħawġu l-kliem, jien determinat u konvint li l-poplu se jivvota għall-bidla vera li hawn bżonn biex ikollna Gvern verament tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Kif tabilħaqq jixirqilna Gvern ta’ kulħadd, fl-aħħar jiem komplejna nħabbru numru ieħor ta’ proposti kkalkulati li minnhom se jgawdu eluf kbar ta’ ħaddiema. Fost dawn:

  1. Se nxejnu d-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel (gender pay gap);
  2. Se nżidu sostanzjalment il-possibilità ta’ teleworking għall-ħaddiema tal-Gvern u nħeġġu l-privat jagħmel l-istess;
  3. Tal-inqas nofs il-membri tal-bordijiet pubbliċi kollha jkunu komposti minn membri nisa;
  4. Ser nipprovdu LSAs għal tfal b’diżabilità waqt is-Summer Schools u programmi oħra matul ix-xhur tas-sajf meta ma jkollhomx skola;
  5. Se ngħinu ħaddiema li jkunu telqu mix-xogħol għal xi żmien minħabba kundizzjoni ta’ mard.
  6. Se niġġieldu l-prekarjat inkluż li nwaqqfu l-iskema li l-GWU qed tagħmel profitt minna minn fuq 600 ħaddiem/a. Dawn il-flus ngħadduhom lill-ħaddiema nfushom.

Il-poplu se jgawdi minn dawn il-proposti u se niżguraw li l-ekonomija tkompli tikber u l-ġid jitqassam u jinħass minn ħafna iktar nies. Filwaqt li nkomplu nfehmu n-nies dwar dan kollu, kulħadd qed jintebaħ li l-oħrajn għadhom sal-lum iħammru wiċċ pajjiżna. Joseph Muscat għadu jirreżesti u ma jridx jindirizza l-Parlament Ewropew dwar il-leaks Panama Papers. Waqt il-laqgħa sabiħa li kellna ż-Żejtun qsamt magħkom li iktar ma jkompli jaħbi u jgħid li ma jridx jidher quddiem il-PANA Committee, iktar qed jagħmel ħsara lil pajjiżna. Dan ma nistgħux nieqfu nfehmuh lill-Poplu. Il-Partit Nazzjonalista mhux qed ikun negattiv iżda qed jgħid is-sewwa magħruf. U intom żgur taqblu miegħi li “s-sewwa jirbaħ żgur”, għajta li Joseph Muscat kkuppjaha 4 snin ilu iżda llum ma jistax jerġa’ jużaha. Is-sewwa huwa l-leħen tal-Forza Nazzjonali li ta’ kuljum qed issejħilna nagħżlu Malta.


IS-7 ĠURNATA: IL-FAMILJA FIĊ-ĊENTRU TAL-POLITIKA ONESTA!

It-tieni ġimgħa tal-kampanja bdejniha b’iktar proposti kredibbli u fattibbli. Ilbieraħ filgħodu spjegajna ftit mill-proposti tagħna favur il-familja u kif se nagħmlu biex insaħħu kull tip ta’ familja f’pajjiżna.

  • Se nestendu s-servizz ta’ child care għal kull tifel u tifla u mhux biss jekk il-ġenituri jaħdmu bilfors.
  • Se nżidu ċ-children’s allowance minn €450 għal €550 għal kull tifel u tifla. F’każ ta’ familji fuq paga minima, iċ-children’s allowance jitla’ b’€200 għal kull tifel u tifla.
  • Se naħdmu biex inżidu l-leave tal-maternità  minn 18 għal 22 ġimgħa - bl-erba’ ġimgħat miżjuda jiġu ssussidjati mill-Gvern u ndaħħlu 4 ġimgħat leave tal-paternità  għax nemmnu li anke l-missier għandu jkun aktar preżenti fl-ewwel jiem tat-twelid tat-tfal.
  • Is-Sick Leave tal-ħaddiema ikun jista’ jintuża mhux biss meta timrad int, imma anke meta jimirdu t-tfal.
  • Trasport tal-iskola b’xejn għat-tfal tal-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti.

Hemm min ikkritikana għax mhux noħorġu l-proposti tagħna. Inwegħdkom li l-proposti tagħna se jkunu iswed fuq l-abjad. Il-Partit Nazzjonalista ma jridx ikun Gvern li jaħseb għal ħames snin biss bħalma hu ffissat il-Partit Laburista. Muscat diġa qalulna li jridu biss jiggvernaw għal ħames snin oħra biss. Dan biex ikomplu jgħattu xturhom mill-korruzzjoni. Mhux vera li għandhom għal qalbhom il-poplu. Qed iwegħdu kull ma jiġi għal ħalqhom. Basta jippruvaw inessu il-korruzzjoni li iktar ma tibqa’ pjaga, iktar il-pajjiż imur lura. Il-Partit Nazzjonalista għalhekk se jkompli jwassal il-messaġġ li din l-elezzjoni mhix elezzjoni tal-proposti biss iżda ta’ prinċipju. Iva, l-Partit Nazzjonalista se jkollu Programm Elettorali li se jilħaq lill-kulħadd – il-familji tagħna, iż-żgħażagħ tagħna, l-anzjani tagħna. Iżda l-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed xi ħaġa iktar importanti li Muscat falla bil-kbir u jistħu jsemmuha. Il-Partit Nazzjonalista jikxef u jxejjen il-korruzzjoni. Joseph Muscat jimlik bil-wegħdiet iżda jibqa’ jiddefendi l-korruzzjoni. Jipprova jagħmi lil kulħadd bil-wegħdiet bħal li jneħħi l-wires mit-toroq iżda ma jistax ineħħi l-korruzzjoni għax jibqa’ jiddefendi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri.

Filwaqt li għaddejjin bil-proposti u nfehmu l-messaġġ tagħna, illum ħriġna fatt li d-dokumenti tal-voti li se jitqassmu dalwaqt m’għandhomx security features li jiżguraw li d-dettalji tal-istess dokument ma jistgħux jitbagħbsu. Hija tal-mistħija kif id-dokument tal-vot jekk tigirfu b’idejk, tħassar il-linka; jew jekk taqbad tajjara bi spirtu, tista’ tħassar kull ma hemm fid-dokument tal-vot. Din hija inkredibbli. Turija ta’ kemm verament iridu jimminaw id-demokrazija ta’ pajjiżna.

Ħbieb tiegħi, qed tifhmu kemm din mhix elezzjoni normali? L-oħrajn qed jagħmlu minn kollox biex jigranfaw ma’ kollox biex jibqgħu kkakmati mal-poter li lanqas kellhom ħila jżommuh għal ħames snin. Jien mhux se nħalli li pajjiżi jkompli jsib il-qiegħ. Fit-3 ta’ Ġunju ejja nagħżlu lil Malta.




IS-6 ĠURNATA: MA NAQTGĦU QALBNA QATT

Il-Partit Nazzjonalista lest biex jiggverna. Ngħid dan ħbieb tiegħi b’sens ta’ umiltà u konvint li ftit tal-ġranet oħra Malta se jkollha Gvern li jreġġa lura pajjiż demokratiku sħiħ. Ngħid grazzi lill-eluf ta’ Maltin u Għawdxin li ġew bi ħġarhom Ħal-Balzan u wrew kemm il-Forza Nazzjonali hija mimlija ħajja, mimlija ħeġġa u mimlija entużjażmu.

Minn hawn nirringrazzja lil kull min qed jgħin biex inwasslu l-messaġġ tagħna. Grazzi kbira tal-ħidma kbira li qed twettqu, lilkom il-volontiera tagħna. Ilkoll nafu li l-ġlieda tagħna kontra l-korruzzjoni mhix ġlieda għan-Nazzjonalisti iżda ġlieda għall-Poplu Malti u Għawdxi kollu. Qed nissieltu għal uliedna u ulied uliedna li rridu ngħaddulhom pajjiż b’saħħtu li jixirqilhom.

Għalhekk fil-ġranet li ġejjin se nkunu qed inressqu iktar proposti fuq kif se mmexxu dan il-pajjiż. Iżda l-poplu jifhem li din hi s-siegħa fejn flimkien ningħaqdu u ngħidu l-ewwel u qabel kollox: LE għall-Korruzzjoni!

M’aħniex inkunu negattivi. Il-Partit Nazzjonalista konvint li s-siegħa tal-prova hija l-għażla ċara bejn il-Gvern korrot ta’ Joseph Muscat u l-futur ta’ pajjiżna.

Il-baħar ta’ nies f’Ħal Balzan jimlini bit-tama u bil-kuraġġ li nkomplu għaddejjin u ma naqtgħux qalbna. Kif kważi lħaqnihom, persważ li bis-saħħa tal-onestà tagħkom, ngħadduhom.

Għalhekk komplu ngħaqdu magħna u issa nħeġġiġkom biex nhar il-Ħadd tkunu magħna għal Mass Meeting ieħor f’Ħaż-Żebbuġ. Sadanittant, għada tibda ġimgħa oħra ta’ ħidma sabiex inwassalu l-messaġġ tagħna. Il-ġimgħa t-tajba.


Il-5 ĠURNATA: IL-MESSAĠĠ QED JASAL.

Kważi għaddiet l-ewwel ġimgħa ta' kampanja elettorali. Il-poplu qed jifhem kemm din hi elezzjoni mhux bħall-oħrajn. Din hi elezzjoni bikrija għax il-Gvern fnietu l-korruzzjoni. Il-poplu qallu le! Il-poplu qallu ma jistax jibqa' jiggverna. U fit-3 ta' Ġunju il-poplu se jgħid le lill-Gvern korrott ta' Joseph Muscat u jagħżel lill-Malta tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Il-poplu ma jinsiex li tliet ijiem wara li wegħduna Malta tagħna lkoll marru jiftħu l-kontijiet fil-Panana biex jaħbu flushom. Il-poplu ma jinsiex li ħamrullna wiċċna mal-erbat irjieħ tad-dinja. Il-poplu ma jinsiex li wegħdu l-meritokrazija u ffangaw huma biss. Il-Forza Nazzjonali għalhekk qed tikber u tissaħħah għax Gvern Nazzjonalista ġdid mhux se jkun tal-klikka li tradietna iżda ta' kull wieħed u waħda minnkom li taħdmu bi bżulija u tridu pajjiż onest għal uliedna u ulied uliedna.

Ħbieb tiegħi, ingħaqdu magħna fil-jiem li ġejjin. Kunu parti minn din il-bidla meħtieġa. Diġà wrejna kif se nsaħħu l-Istituzzjonijiet li mminaw fl-aħħar erba' snin. Il-fiduċja tagħkom se tfisser li nkomplu nibnu fuq it-tajjeb li ksibna bħala poplu u nwarrbu darba għal dejjem dak li ma jixirqilniex.

Fit-3 ta' Ġunju, pajjiżna jista' jerġa' jikseb direzzjoni kredibbli. Għandi fiduċja li l-Forza Nazzjonali se tqum għal din is-sejħa sinċiera, u bħali tagħżel Malta.


IR-4 ĠURNATA: GOVERNANZA TAJBA, EKONOMIJA AĦJAR.

Dalwaqt nippublikaw il-manifest elettorali sħiħ. Żgur aħjar mil-Labour meta se niżguraw Governanza tajba. Kif? Ilbieraħ ħabbarna ħames proposti dwar dan.

  • Se naħtru Kummissarju tal-Pulizija ġdid b’mod temporanju mill-ewwel sakemm ikun ikkonfermat jew jinħatar xi ħadd ieħor b’żewġ terzi fil-Parlament.
  • Naħtru Maġistrat speċjali li jinvestiga l-korruzzjoni
  • Naħtru Kummissarju tal-Istandards fil-ħajja pubblika.
  • Nfasslu u nimplimentaw Kodiċi tal-Etika ġdid għall-Ministri u Membri Parlamentari
  • Nibdlu l-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna, wara studju serju u konsultazzjoni wiegħsa

Il-poplu japprezza li l-pajjiż ikun serju jekk min imexxih jagħti eżempju u jkun kontabbli tad-deċiżjonijiet li jieħu. Il-Partit Nazzjonalista se jilleġiżla favur iktar governanza tajba għax b’hekk biss nagħmlu qabża fil-kwalita’ li tibda tinħass fis-setturi kollha. Għalhekk b’governanza tajba, ntejbu l-ekonomija. Irid ikollok sisien sodi ta’ governanza biex verament il-ġid jinfirex sew. Għalhekk il-poplu qed jifhem li ma jistax ikollok Gvern li l-ogħla tmexxija tiegħu hija mifnija b’każijiet ta’ korruzzjoni. Dan qed inaqqar ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u se jkompli jnaqqar l-oqsma ekonomiċi kollha li tant ilna naħdmu għalihom.

Ilbieraħ, Kristina u jien, għalaqna l-ġurnata billi żorna l-ħafna żgħażagħ li ltaqgħu bi ħġarhom fil-każin Nazzjonalista tal-Mosta. L-entużjażmu tagħhom jimlina b’iktar kuraġġ li l-għan tal-Forza Nazzjonali qed jinftiehem u iktar nies qed jagħmluh tagħhom. It-3 ta’ Ġunju iktar qed joqrob, u l-għażla favur Malta ukoll.



IT-3 ĠURNATA: IL-VERITA' MA TMERIHIEX

Illum ippreżentajna ħames proposti għal Għawdex. Fil-qosor, dawn huma:

  1. Għawdex rikonoxxut bħala gżira reġjun, bil-potenzjal ta’ €250 miljun minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropea
  2. L-Isptar ta’ Għawdex jingħata lura lill-Għawdxin
  3. €10,000 għall-familji li jagħżlu li jgħixu f’Għawdex
  4. Fast ferry bejn Malta u Għawdex
  5. Link permanenti bejn Malta u Għawdex

Illum ukoll seħħew żviluppi straordinarji.  Maġistrat inkwerenti ordna li hemm biżżejjed provi biex tibda investigazzjoni kriminali kontra c-Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri dwar reati kriminali ta’ tixħim u ta’ ħasil tal-flus. Kif nistgħu nagħlqu għajnejna quddiem dan kollu? Kif jista’ jkun li Joseph Muscat irid jibqa’ kkakmat mal-poter? Jista’ jkollna Prim Ministru li jkompli jgħatti u jiddefendi persuni investigat kriminalment? Dażgur li le.

Inti li int ġenwin, onest, taf li Malta ma jixraqilix din it-tip ta’ tmexxija korrotta. Għalhekk il-Forza Nazzjonali li qed nsaħħu kuljum se tagħżel Malta: għax pajjiżna ma jixraqlux ħames snin ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Il-Forza Nazzjonali hija lesta sabiex tmexxi lil dan il-pajjiż il-quddiem u tnaddaf darba għal dejjem it-tebgħa kbira tal-korruzzjoni li daħħalna fija Joseph Muscat. Kun kburi bħali u għid le għal korruzzjoni u għażel Malta.


IT-2 ĠURNATA: PROPOSTI GĦAL GĦAWDEX.

Għawdex huwa għal qalbna. Sa mill-bidu tal-kampanja elettorali ridt inkun viċin l-Għawdxin u nwasslu messaġġ li l-Partit Nazzjonalista għandu proposti konkreti għal Għawdex li se jagħtuh dimensjoni ġdida u b’saħħitha li Għawdex qatt ma kellu.

B’sens ta’ kburija u għall-ewwel darba fl-istorja, Il-Partit Nazzjonalista se jkollu manifest elettorali speċifikament għall-Għawdex. Daqshekk hu għal qalbna Għawdex! Se jkun manifest li se nintrabtu li nwettquh sa mill-ewwel jum ta’ Gvern Nazzjonalista ġdid. Il-fiduċja tagħkom f’din il-Forza Nazzjonali ser tfisser li se niddikkjaraw lil Għawdex bħala gżira reġjun fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Dan ifisser li b’wiċċna bil-quddiem immorru quddiem l-Unjoni Ewropeja u nitolbu fondi għal żvilupp reġjonali ta’ Għawdex ta’ €250m. Biex tonqos it-trend li diversi koppji żgħażagħ Għawdxin jinżlu jgħixu u jissetiljaw Malta, aħna nimpenjaw ruħna li kull familja Għawdxija li tagħżel tibqa’ tgħix Għawdex jew minn Malta terġa tirritorna lura Għawdex, nagħtuha inċentiv finanzjarju ta’ €10,000.

Fil-jiem li ġejjin kompli segwu iktar proposti elettorali għal Għawdex. Dan kollu jista’ jseħħ bis-saħħa tiegħek jekk tissieħeb mal-għajta tal-Forza Nazzjonali u fit-3 ta’ Ġunju tagħżel is-sewwa...  Tagħżel Malta.


L-1 ĠURNATA: JIEN NAGĦŻEL MALTA.

Ħafna minnkom stenbħu għax-xogħol, l-għada ta’ festa pubblika. F’Jum il-Ħaddiem ħadt gost li l-Forza Nazzjonali li qed ngħaqqdu, kompliet tikber u tissaħħaħ waqt il-Mass Meeting f’San Ġiljan. L-Atmosfera kienet mill-aqwa, ħadna gost!

Iż-żgħażagħ vera jafu jieħdu pjacir. Vera qed jifmhu tassew għalfejn din l-elezzjoni ġenerali hija kruċjali għal futur tagħhom.  Min hawn nawgura lill-istudenti kollha li bħalissa qed jippreparaw għall-eżamijiet.

Gvern Laburista ma tax każ tal-istudenti, għax f’nofs l-eżamijiet sejjaħ elezzjoni bikrija għax il-korruzzjoni tal-klikka tiegħu fnietu u l-poplu xeba’ b’dawn it-teatrini. Il-bierah wassalt dan il-messaġġ waqt ir-rally fid-Dar Ċentrali. Il-poplu ma jridx Malta instabbli, mifnija bil-korruzzjoni. Sakemm jibqa’ Joseph Muscat u l-klikka tiegħu bil-kontijiet il-Panama, Malta tibqa’ korrotta. La jien, la int u l-ebda Malti ta’ rieda tajba ma jixraqlu hekk. Is-soluzzjoni u l-għażla hi sempliċi. Ejja nagħżlu lil Malta vera li tant inħobbu. Jekk nagħżlu Malta, inkunu qed nagħżlu pajjiż sabiħ, fejn niġu trattati indaqs, pagi u pensjonijiet tajbin u kwalita’ ta’ ħajja aħjar.


Inżommkom aġġornati għalfejn Jien Nagħżel Malta