ŻOMM AĠĠORNAT:

Gvern li tnikker flok ippjana u indirizza l-problemi li ħoloq hu stess

Il-Partit Nazzjonalista jawgura lill-eluf ta’ studenti li rritornaw lura l-iskola għal sena skolastika ġdida. Għaldaqstant ma jistax ma jirrimakax il-mod evidenti kif il-Gvern ma ppjanax għal din is-sena skolastika, u jidher li ma kienx ippreparat sabiex jilqa’ għall-isfidi f’dan is-settur tant importanti. Dan in-nuqqas ta’ pjan min-naħa tal-Gvern wassal biex aktar minn 800 student spiċċaw mingħajr it-trasport b’xejn għall-iskola, l-iskejjel tal-Istat m’għandhomx biżżejjed edukaturi, u kif għalliema qed iħossuhom f’morsa b’deċiżjonijiet burokratiċi u mitluqa minħabba n-nuqqas ta’ reviżjoni tal-pagi.

 

Huwa inaċċettabbli li l-Prim Ministru Joseph Muscat jgħid fuq One Radio li aktar minn 800 student spiċċaw minħajr it-trasport għaliex il-ġenituri tagħhom ħallew għall-aħħar biex jirreġistraw lil uliedhom fl-iskema. Studenti fl-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti spiċċaw jew ma ħadux it-trasport b’xejn kif imwiegħed jew spiċċaw saħansitra tilfu s-servizz li diġà kellhom minħabba n-nuqqas ta’ ippjanar tal-Gvern, meta dan kellu sena sħiħa biex jippjana bl-aħjar mod iżda minflok spiċċa biex tnikker, u mhux minħabba l-ġenituri li jridu l-aħjar għal uliedhom. Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo spiċċa biex għal darb’oħra kellu jammetti li ma laħaqx il-miri tiegħu.

 

Huwa inaċċettabbli wkoll li reġa’ m’hawnx biżżejjed edukaturi. Dan meta l-Ministru Evarist Bartolo kien ftaħar mal-midja li din f’din is-sena skolastika ma kienx se jkun hawn nuqqas ta’ edukaturi, bħalma ġara fis-sena li għaddiet. Il-Unjin tal-Għalliema (MUT) iżda kkonfermat li hawn nuqqas ta’ edukaturi fl-iskejjel tal-Istat, għaliex il-Gvern ma ppjanax lanqas fl-ammont tal-edukaturi li kien hemm bżonn fl-iskejjel sabiex jipprovdu l-edukazzjoni lill-istudenti.

 

Minflok isib is-soluzzjonijiet għall-problemi li ħoloq hu stess, il-Gvern qed idaħħal fis-seħħ proċeduri burokratiċi li qed jispiċċaw ixekklu x-xogħol tal-edukaturi. Dan meta ddeċieda li jimponi li kull xogħol ta’ photocopying għandu jsir fl-istamperija tal-Gvern. Din id-deċiżjoni burokratika se tirriżulta bl-edukaturi jkollhom jordnaw il-photocopies ferm bil-quddiem b’tali mod li mhux se jkollhom flessibilità fil-lezzjonijiet. Din is-sitwazzjoni wasslet biex il-Unjin tal-Edukaturi Professjonisti (UPE) tordna sensiela ta’ direttivi lill-membri tagħha, għaliex il-Gvern baqa’ ma ndirizzax il-problemi li qed jaffaċċjaw l-għalliema tal-Malti u l-Matematika, li spiċċaw b’workload kbir. Dan meta l-Ministeru għall-Edukazzjoni baqa’ ma offrilhom l-ebda soluzzjoni jew kumpens għaż-żieda fix-xogħol.

 

Dan huwa Gvern li ma jimpurtahx mis-settur tal-edukazzjoni tant li ħalla l-għalliema mingħajr reviżjoni tal-paga, għalkemm kien ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid. L-istess sitwazzjoni kellhom jaffaċċjawha l-edukaturi waqt Skolasajf, li sabu ma wiċċhom bosta diffikultajiet fosthom fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom minħabba wkoll nuqqas fl-ammont ta’ edukaturi.

 

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Gvern għandu jindirizza minnufih dawn in-nuqqasijiet filwaqt li jagħti lill-edukaturi l-mertu li jixirqilhom għax-xogħol siewi li jagħmlu fl-edukazzjoni tal-istudenti. Il-Gvern għandu minnufih jindirizza l-problemi li ħoloq hu stess f’dan is-settur ferm importanti. Il-Partit Nazzjonalista jrid soċjetà li jimpurtaha mill-istudenti u mill-edukazzjoni tagħhom u għalhekk se jibqa’ jisħaq lill-Gvern isib soluzzjoni għal dawn in-nuqqasijiet.

 

Clyde Puli

Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni, Żvilupp Uman u Ħiliet għas-Seklu 21

 

26.09.2018