ŻOMM AĠĠORNAT:

Il-Gvern ikompli jeħodha mal-ħaddiema: issa jmiss lis-social workers fl-iskejjel

Il-Gvern qed ikompli jiġġieled mal-unions tal-ħaddiema Maltin u issa jmiss lis-social workers impjegati mal-Ministeru tal-Edukazzjoni. Dawn il-ħaddiema joffru servizz importanti u sensittiv ħafna u meta l-Gvern jonqos lil dawn il-professjonisti jkun qed jonqos ukoll lill-uliedna.

Il-professjonjiet tal-kura huma oqsma li jinbidlu kontinwament u għalhekk l-investiment fl-iżvilupp professjonali tagħhom għandu jkun prijorità għal Gvern li jemmen tassew f’edukazzjoni inklussiva u ta’ kwalità.

Bħalma issa ndunaw ħaddiema oħra bħall-għalliema fl-iskejjel pubbliċi u fl-MCAST, l-ispiżjara tal-POYC, l-esperti tal-kura fil-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS), u il-professjonisti mediċi, il-Gvern ta’ Joseph Muscat iwiegħed ħafna u jghaddi n-nies biz-zmien.

Il-Gvern għandu jieqaf iwebbes rasu mal-Unions u l-ħaddiema li dawn jirrapreżentaw u jibda jittrattahom bir-rispett li jixirqilhom. L-attenzjoni tal-professjonisti għandha tkun fuq dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà u mhux fuq gvern li jrid jissielet magħhom.

Clyde Puli

Kelliem għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali

25.01.2018

Share

Jesmar Baldacchino jinħatar Direttur Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista

Jesmar Baldacchino huwa d-Direttur Informazzjoni l-ġdid tal-Partit Nazzjonalista. Is-sur Baldacchino għandu 39 sena, diplomat fil-marketing diġitali u l-fotografija u għandu 20 sena esperjenza fis-settur tal-ġurnaliżmu, l-komunikazzjoni u r-relazzjonijiet pubbliċi. Huwa ħadem f’diversi kmamar tal-aħbarijiet fosthom Net News, RTK u Newsbook, bl-aħħar kariga tiegħu tkun dik ta’ deputat editur tal-gazzetta ta’ nhar ta’ Ħadd ILLUM.

Jesmar Baldacchino kiseb esperjenza fil-komunikazzjoni politika meta ħadem fl-uffiċċju tar-relazzjonijiet pubbliċi tal-eks Ministru għall-Ġustizzja, d-Djalogu Soċjali u l-Familja Chris Said kif ukoll fl-uffiċċju tal-komunikazzjoni tal-Membri Parlamentari Ewropej Therese Comodini Cachia u Francis Zammit Dimech.

Il-Partit Nazzjonalista jawgura lil Jesmar Baldacchino għall-kariga ġdida tiegħu u jsellem lil David Bonello li rriżenja minn din il-kariga għal raġunijiet personali.

Il-kariga tas-Sur Baldacchino tidħol fis-seħħ mill-5 ta’ Frar li ġej.

23.01.2018

Share

Il-Gvern abbanduna l-professjonisti tal-kura fl-FSWS u qed ibatu il-ħaddiema u l-vulnerabbli

Wara ġimgħatejn ta’ azzjonijiet industrijali ordnati mill-union tal-ħaddiema, il-Gvern ma jistax jibqa jinjora t-talbiet tal-professjonisti tal-kura fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) għaliex qed ibatu l-ħaddiema u fl-aħħar se jbatu wkoll dawk l-aktar vulnerabbli. L-inċertezza li qed joħloq il-Gvern fi ħdan l-FSWS qiegħdha biss tiggrava s-sitwazzjoni.

Il-professjonisti fil-qasam tal-kura u assistenza bħalma huma social workers, psikologi, psikoterapisti, counsellors. community workers, youth workers, support worker, terapisti tal-familja kif ukoll uffiċjali tal-amministrazzjoni tal-FSWS,  jixirqilhom l-appoġġ u l-impenn sħiħ tal-Gvern, mhux biss b’rikonoxximent lejn il-professjoni tagħhom iżda fuq kollox b’rispett lejn dawk li huma jaqdu b’tant dedikazzjoni.

Il-Gvern għandu jieqaf jissara mal-ħaddiema tal-FSWS u jpoġġi qabel kollox l-interess ta’ dawk li jfittxu s-servizzi tal-fondazzjoni. Dan huwa qasam delikat li jaffettwa firxa sħiħa ta’ familji fis-soċjetà tagħna, u għalhekk il-Gvern għandu jitratta n-negozjati dwar il-ftehim kollettiv ġdid b’dinjità u mingħajr tkaxkir tas-saqajn.

Clyde Puli

Kelliem għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali

23.01.2018

Share

L-MCAST: Il-Gvern ikompli jwebbes rasu fil-qasam tal-edukazzjoni

Il-Gvern qiegħed jitratta l-istaff akkademiku tal-MCAST bħala ħaddiema tat-tieni klassi meta jirrifjuta li joffrilhom il-kundizzjonijiet li jixirqulhom. MInkejja li jieħu kull okkażżoni biex jiftaħar bl-andament ekonomiku ta’ pajjiżna, il-Gvern qed ikompli jixxaħħah mal-edukaturi.

L-istudenti wkoll qed iħossu l-effett ta’ dan id-diżgwid b’mod dirett, u filwaqt li huma jridu jippreparaw rwieħhom għall-eżamijiet, l-għalliema tagħhom qed ikunu kostretti mill-Gvern biex jirrikorru għal azzjonijiet industrijali..

Minħabba l-ebusija ta’ rasu, il-Gvern qed iġib qsim fis-settur tal-edukazzjoni li minħabba fih qed ibatu kemm l-għalliema kif ukoll l-istudenti.  Wara li fi żmien il-Milied il-Gvern ħabbar li kien se joffri l-aħjar kundizzjonijiet li qatt kellhom l-għalliema, meta għaddew il-festi dawn irrealiżżaw li dan kien biss kliem fieragħ.

Id-dettalji li ġew żvelati minn dan il-ftehim huma daqqa ta’ ħarta għall-għalliema li żgur m’għandhomx bżonn aktar demotivazzjoni u skoraġġiment. Wieħed jifhem għalhekk għaliex il-Gvern ried jasal għal qbil kollettiv minn wara dahar l-għalliema.

Is-sitwazzjoni fl-edukazzjoni ilha snin għaddeja minn kwistjoni għal oħra mingħajr sens ta’ direzzjoni ċara jew responsabbiltà politika. Issa l-Gvern ħaseb li se jsikket lil kulħadd billi joffri lill-għalliema pakkett finanzjarju li kien jidher ikbar milli fil-fatt huwa. Il-Gvern fittex ukoll li jpoġġi l-għalliema kontra l-Union tagħhom stess meta rabat lill-MUT milli tiżvela d-dettalji tal-ftehim li sar f’isimhom.

Minflok jinvesti bis-serjetà fl-edukaturi, il-Gvern qed jipprova jidħaq bihom. Donnu il-Gvern Laburista ma jifhimx li l-għalliema jiffurmaw is-soċjetà ta’ għada u li għalhekk id-disprezz lejn xogħlhom ma jwassal għal xejn ħlief nuqqas ta’ preparazzjoni u opportunitajiet għal uliedna.

Therese Comodini Cachia

Kelliem għall-Edukazzjoni

23.01.2018

Share

Il-Partit Nazzjonalista jiddefendi l-interessi tar-residenti f’San Pawl il-Baħar

Il-Partit Laburista qed jipprova jgħawweġ il-liġi biex jisraq lir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar mill-Kunsill Lokali li għażlu huma. Wara manuvrar minn kunsilliera Laburisti u oħrajn li qed isejħu lilhom infushom indipendenti, il-kandidat li ġabet l-akbar numru ta’ voti fl-elezzjoni tal-Kunsill Lokali Graziella Galea irriżenjat minn Sindku bl-ewwel interess lejn il-lokalità.

Għall-kuntrarju, l-interess tal-Kunsilliera Laburisti huwa biss wieħed partiġġjan u ilhom għal din l-aħħar sena u nofs jippruvaw jostakolaw il-ħidma tal-kunsill fuq toroq, fuq spazji pubbliċi, u fuq proġetti għall-ġid tal-komunità.

Taħt it-tmexxija bil-għaqal tal-Partit Nazzjonalista, il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar dawwar is-sitwazzjoni minn dejn ta’ nofs miljun Ewro, li wiret minn Kunsill Laburista, għal bilanċ pożittiv ta’ mijiet ta’ eluf ta’ Ewro.

Kunsill Lokali mexxi mill-Partit Nazzjonalista għamel xogħol li jixraq lir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar fuq toroq u servizzi ta’ ilma fi Triq il-Mosta, Trq il-Qalb ta’ Ġesù, u Triq is-Sajjied fost l-oħrajn. Ix-xogħol għadu għaddej u din il-ġimgħa stess tlestiet Triq il-Pijunieri. L-istess Kunsill b’maġġoranza tal-Partit Nazzjonalista għamel pjanijiet serji u kiseb fondi għal xogħol ieħor bħar-restawr tal-Kappella ta’ San Pawl tal-Ħgejjeġ, u pjan holistiku sabex jinbidlu l-playing fields kollha tal-lokalità. Waħda minn dawn se tiġi inawgurata proprju fil-jiem li ġejjin.

Minkejja dan, kien hemm Kunsilliera li għażlu li jittradixxu l-fiduċja tar-residenti li vvutawlhom sabiex javvanzawl-ambizzjonijiet personali tagħhom billi kienu jfixklu l-laqgħat u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Lokali.

Il-Kunsilliera li ressqet il-mozjoni għar-riżenja attendiet biss għal żewġ laqgħat sħaħ minn erbgħin, u issa l-Kunsilliera Laburist qed jipproponu li s-Sindku l-ġdid ikun magħżul minn fosthom, minflok skont dak li vvutaw ir-residenti.

Il-liġi hija ċara meta tgħid li s-Sindku l-ġdid għandu jkun ġej mill-istess partit politiku li jkun ġab l-aktar kunsilliera fl-elezzjoni. Iżda l-Partit Laburista prova jisraq dan ill-kunsill billi jgħawweġ il-liġijiet u jinjora x-xewqat espressi mill-komunità ta’ San Pawl il-Baħar.

Il-Partit Nazzjonalista jassigura liċ-ċittadini ta’ San Pawl il-Baħar li se jkun wara dawk il-kunsilliera li huma leali lejn ir-residenti u mhux lejhom infushom. Fil-fatt, din il-ġimgħa stess Carm Mifsud Bonnici u Errol Cutajar ressqu mandat ta’ inibizzjoni fil-Qorti f’isem il-Partit Nazzjonalista sabiex tiġi protetta u rispettata l-għażla demokratika ta’ San Pawl il-Baħar.

Graziella Galea

Kunsilliera San Pawl il-Baħar

Errol Cutajar

Kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista

21.01.2018

Share

Gvern bla pjan ħlief għalih innifsu

Il-viżjoni ta’ Gvern Nazzjonalista għadha tħalli l-frott sal-lum, iżda l-Gvern ta’ Joseph Muscat m’għandu l-ebda pjan għal pajjiżna. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività politika f’San Pawl il-Baħar bit-tema ‘Partit Pożittiv, Oppożizzjoni b’Saħħitha’.

Adrian Delia qal li l-inawgurazzjoni ta’ V18 uriet kemm il-pajnijiet tal-Partit Nazzjonalista kienu bil-għaqal u għall-ġid tal-poplu kollu. Huwa qal li l-proġetti kollha li qed jiftahar bihom huma kollha frott il-ħidma ta’ gvernijiet Nazzjonalisti. Iżda, l-Gvern ta’ Joseph Muscat mhux biss ma jippjanax fit-tul għall-pajjiż imma l-uniċi pjanijiet li jagħmel huma għal interessi ulterjuri, tenna l-Kap tal-Parrtit Nazzjonalista. Huwa qal li proġett wara l-ieħor li suppost kellu jwettaq il-Gvern ta’ Joseph Muscat irriżultaw f’falliment.

L-Għalliema ingannati

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-fjask tal-American University of Malta juri li l-prijoritajiet tal-Gvern mhumiex l-interess tal-familji Maltin u Għawdxin. Huwa qal li huwa tajjeb li jiġi nvestiment fl-edukazzjoni, speċjalment fin-nofsinhar ta’ Malta iżda huwa staqsa għaliex investiment bħal dan il-Gvern fdah f’idejn kuntrattur Ġordaniż, li gie Malta fl-intenzjoni biss li jieħu l-aħjar art tagħna u jagħmel il-flus minnha. Adrian Delia qal li dan huwa serq sfaċċat u l-obbligu tal-Oppożizzjoni huwa li jġib din l-art lura lill-poplu.

Il-Gvern m’għandux pjan għall-edukazzjoni u lanqas għall-għalliema, qal Arian Delia. Huwa qal li l-Gvern ħareġ jiftaħar li ta l-aqwa pakkett li qatt kellhom l-edukaturi iżda wara ftit jiem dawn stess indunaw li kien ingannahom u qed jipprova jidħaq bihom. Adrian Delia qal li l-edukazzjoni huwa settur li jixraq l-akbar importanza iżda l-Gvern ta’ Joseph m’għandu rispett ta’ xejn lejh.

Il-Gvern ibaxxi s-servizz tas-saħħa

In-nuqqas ta’ pjan jidher ukoll b’mod ċar fis-settur tas-saħħa, tenna il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li l-morda jeħtieġu l-aqwa u l-aħjar iżda l-Gvern Labursita issa qiegħed jumiljahom, u magħhom lill-eluf ta’ ħaddiema u professjonisti li jiddedikawhom rwieħhom għall-kura tal-pazjenti. Adrian Delia semma’ kif il-Gvern iddeċieda li jaqbad tliet sptarijiet pubbliċi u jagħtihom lil xi ħadd li m’għandu l-ebda esperjenza f’dan is-settur kritiku.

Mhux talli hekk, qal Adrian Delia, talli ħadd ma jaf min hemm wara din il-kumpanija u issa għandhom il-poter li jbigħu is-servizz tas-saħħa tagħna biex huma jagħmlu l-flus minn fuqna. Huwa qal li dan il-proġett kien maħsub mill-bidu biex ifalli għaliex jew il-Gvern ikollu jieħu lura l-isptar u jħallas penali fuq ksur ta’ kuntratt, inkella jbigħu kollox bi qliegħ lil kumpanija terza.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li l-Ministru tas-Saħħa stess ammetta  li d-deal mal-kumpanija l-ġdida huwa l-ftehim ta’ vera u staqsa għaliex, allura, kien hemm il-bżonn tal-Vitals. Adrian Delia qal li din il-ġimgħa fil-Parlament huwa stieden lil Chris Fearne sabiex jagħmel dak li huwa sew u jieħu l-isptarijiet lura f’idejn il-poplu.

Adrian Delia qal li kuljum il-poplu qiegħdin iħallsu €190,000 mingħajr ma jieħu lura xejn u l-Gvern obbliga lill-pajjiż jibqa’ jħallas dan l-ammont għallinqas għal 30 sena sħaħ.

Il-Gvern issa qed jirriskja mal-ekonomija

Il-Gvern jaf li fis-sitwazzjoni li ġab fuq Malta issa qiegħdin nilgħabu mar-reputazjoni ta’ pajjiżna, qal Adrian Delia. Huwa fakkar li żewġ oqsma ekonomiċ importanti għal pajjiżna – il-Gaming u s-servizzi finanzjarji – jiddependu fuq l-isem ta’ Malta, iżda l-Gvern għażel li jirriskja ma’ dan. Ir-rapport tal-Kumitati speċjali tal-Parlament Ewropew jikkonferma dak li ilu jwissi l-Partit Nazzjonalista: li Malta għandha numru ta’ difetti li qed inawwru il-pedamenti tas-saltna tad-dritt, qal Adrian Delia.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li t-tmexxija rresponsabbli tal-Gvern għall-iskopijiet tiegħu qed tipperikola l-impjieg ta’ eluf ta’ nies b’mod dirett u għexieren ta’ eluf oħra b’mod indirett.

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed iqum għal darb’oħra għal okkażjoni storika sabiex nieqfu lill-Gvern milli jkompli jnawwar il-pedamenti ta’ pajjiżna, qal Adrian Delia. Huwa qal li l-messaġġ ta’ kuraġġ u favur is-sewwa mhuwiex messaġġ għall-Partit Nazzjonalista iżda għal pajjiżna. 

21.01.2018

Share

Il-Partit Laburista f’Marsakala ma jridx li l-art taż-Żonqor tibqa’ titgawda mill-poplu

Il-Maġġoranza tal-Kunsilliera tal-Partit Laburista f’Marsakala ivvutaw kontra mozzjoni mressqa mill-Kunssilliera tal-Partit Nazzjonalista li titlob lil Gvern jirritorna l-art taż-Żonqor lura lin-nies. Waqt laqgħa tal-Kunsill Lokali ta’ din il-ġimgħa il-Kunsilliera f’isem il-Partit Nazzjonalista John Baptist Camilleri. Charlot Cassar u Sandro Gatt ressqu mozzjoni li ssejjaħ lill-Gvern biex jieħu l-art mogħtija lil Sadeen Group biex fuqha jibni l-Università Amerikana ta’ Malta.

Il-Mozzjoni tressqet wara li sar magħruf li din l-AUM irnexxielha tattira biss 14-il student u qed tkeċċi l-istaff akkademiku. Minkejja dawn il-fatti kollha l-Kunsilliera kollha tal-Partit Laburista għajr għal-viċi Sindku Desiree Attard ivvuttaw kontra il-mozzjoni mressqa mill-Kunsilliera Nazzjonalisti biex il-Gvern jintervjeni u jieħu lura l-art fiż-Żonqor qabel ikun tard wisq.

Hija ħasra li l-Gvern ta’ Joseph Muscat u l-maġġoranza Laburista f’Marsakala qed ikomplu jwebbsu rashom kontra l-interess tar-residenti ta’ Marsaskala meta jidher ċar li l-università ta’ Sadeen ma teħtieġx l-art fiż-Żonqor.

19.01.2018

Share

Il-Ministru tas-Saħħa għandu quddiemu għażla biex jagħmel dak li huwa sewwa

Il-Ministru  Chris Fearne għandu s-saħħa u r-responsabbiltà li jagħti is-servizz tal-kura lura lill-familji Maltin u l-Għawdxin. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fil-Parlament il-bieraħ filgħaxija waqt id-dibattitu dwar il-qagħda fil-qasam tas-Saħħa.

Adrian Delia qal li l-Ministru tas-Saħħa kien ammetta pubblikament li dawk li sar il-kuntratt tal-isptarijiet magħhom kienu gidba, iżda issa l-awtorità qiegħda f’idejh stess u huwa għandu l-għażla li jreġġa’ l-kuntratt lura.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li n-nies qegħdin jistennew li l-Ministru Fearne jagħmel l-għażla t-tajba. Huwa qal li l-Oppożizzjoni temmen fit-tobba Maltin u fil-kapaċtà tagħhom u għalhekk tħoss li Malta għandha jkollha l-isptarijiet f’idejha.

Il-proġett tal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet kien maħsub biex ifalli, qal Adrian Delia, filwaqt li staqsa min kien se jagħmel il-flus b’dan il-falliment. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li bil-kuntratt li ffirma l-Gvern ta’ Joseph Muscat ma’ Vitals Global Healthcare, jekk dawn ifallu u l-Gvern jieħu kollox lura, il-poplu jrid jippremjahom bi €80 miljun.

Adrian Delia qal li, bid-deal mal-Vitals, minn qasam ta’ kura u servizz għal min huwa l-aktar batut, is-saħħa saret qasam ta negozju u spekulazzjoni għal min huwa b’saħħtu. Meta jistgħana il-kbir se jinsteraq iż-żgħir, tenna il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-bejgħ ta’ St Luke’s, Karin Grech, u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex mhuwiex fl-interess tal-morda, qal Adrian Delia, u is-settur tas-saħħa f’pajjiżna qed ibati minħabba din il-konċessjoni. Huwa ta rendikont kronoliġiku ta’ kif seħħew l-affarijiet fil-qasam tal-kura, b’mod partikolari ta’ kif sar il-ftehim mal-VGH – kumpanija li ħadd ma jaf min hija.

Marzu 2013: l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ittieħed mid-dekasteru tal-Ministru għal Għawdex, dak iż-żmien Anton Refalo, u għadda għand il-Ministru Konrad Mizzi;

Lulju 2015: Konrad Mizzi jħabbar investiment minn Barts bi skola medika f’Għawdex li suppost kellha tilqa’ 5000 student;

Ġunju 2016: VGH jieħdu f’idejhom tliet sptarijiet meta l-Unions kienu għandhom ma ffirmawx il-ftehim kollettiv għall-ħaddiema, bil-konsegwenza li dawn għadhom sal-lum ma jafux ma min huma mpjegati u ma’ min sejrin;

Awwissu 2016: Chris Fearne jinawgura servizz ta’ air ambulance li se jiswa lill-poplu €1 miljun fis-sena għal 30 sena, waqt li sa dak iż-żmien il-Gvern kien iħallas biss għal dak li juża bi spiża ta’ madwar €200,000 fis-sena;

Ottubru 2016 – il-Gvern iressaq fil-Kamra tad-Deputati verżjoni iċċensurata tal-kuntratt li ffirma ma’ VGH wara pressjoni mill-Oppożizzjoni;

Lulju 2017: jiġi żvelat li VGH se jitħallsu €70 miljun fis-sena għal 30 sena sħaħ, bi spiża ta’ €190,000 kull ġurnata anke jekk il-pazjenti mhuma qed jieħdu xejn lura;

Diċembru 2017: għaxart ijiem qabel daħlet id-direttiva tal-Unjoni Ewropea kontra l-ħasil tal-flus li kienet tikxef il-benefiċarji ta’ Vitals, dawn trasferixxew il-konċessjoni lil kumpanija oħra.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li Chris Fearne kellu raġun meta stqarr li d-deal ma’ Vitals kien wieħed falz, kien biss daħqa fil-wiċċ. Huwa qal li l-Gvern ta tliet sptarijiet u minnhom daħħal biss €1. Mhux talli hekk, qal Adrian Delia, iżda talli VGH naqsu milli jonoraw il-kundizzjoni li jagħmlu investimenti ġodda. Meta ħadu f’idejhom l-isptarijiet, Vitals kienu ħabbru li se jżidu 130 sodda f’St Luke’s u Karin Grech; li jibnu sptar state-of-the-art f’Għawdex; u li jibnu skola medika, iżda minn dan kollu ma sar xejjn, qal il-Kap tal-Oppożizzjoni.

18.01.2018

Share

L-Awditur Ġenerali jilqa’ t-talba tal-Partit Nazzjonalista biex jiġi nvestigat id-deal mal-Vitals

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon l-investigazzjoni mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika dwar il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet lil Vitals Global Healthcare. Il-Gvern ta’ Joseph Muscat għadda l-isptar St Luke’s, Karin Grech, u L-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex lil VGH mingħajr ebda mandat elettorali, u bi ftehim li nżamm mistur mill-pubbliku.

Permezz tal-membri tagħha fuq il-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi, l-Oppożizzjoni ressqet talba formali lill-Awditur Ġenerali sabiex jinvestiga dan it-trasferiment u jġib ċarezza dwar kif saru l-affarijiet.

It-termini ta’ referenza imfassla mill-Uffiċju ta’ Verifika juru kemm għandu raġun il-Partit Nazzjonalista li jesprimi tħassib serju dwar il-mod kif sar id-deal bejn il-Gvern u Vitals; dwar jekk dan jirrapreżentax valur għal flus in-nies; u dwar it-trasferiment tal-konċessjoni lil kumpanija terza għoxrin xahar minn mindu ġie ffirmat il-kuntratt oriġinali.

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li t-tmexxija tal-isptariijiet għandha tirrifletti l-interessi tal-pazjenti u tal-qasam tas-saħħa, u mhux l-interessi ta’ negozjanti moħbija.

17.01.2018

Share

Private Member’s Bill kontra ċ-ċensura permezz ta’ SLAPP

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja ippreżenta Private Member’s Bill lill-Uffiċju tal-Ispeaker tal-Kamra sabiex jiġu protetti l-mezzi tax-xandir f’Malta kontra azzjonijiet ta’ SLAPP. Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet Parlamentari David Agius waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Parlament.

David Agius qal li f’dawn l-aħħar xhur f’pajjiżna rajna kumpaniji bħal Henley & Partners u Pilatus Bank jheddu lil ġurnalisti u portals tal-aħbarijiet Maltin b’passi legali li jinvolvu spejjeż esaġerati. Huwa qal li l-intenzjoni wara dawn il-kawżi mhi xejn ħlief intimidazzjoni tal-ġurnalisti u ripressjoni tal-istampa libera.

Il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni qed tappoġġja din il-Private Member’s Bill ippreżentata mill-Kelliem għall-Ġustizzja Jason Azzopardi. Huwa qal li l-Parlament għandu jipproteġi l-libertà tal-espressjoni mhux bil-kliem sabiħ imma bil-fatti konkreti, filwaqt li  stieden lin-naħa tal-Gvern biex tingħaqad ukoll wara din l-emenda fil-liġi.

Il-Kelliem għall-Ġustizzja Jason Azzopardi qal li l-hekk imsejħa SLAPP – Strategic Lawsuit Against Public Participation – hija maħsuba purament biex issikket lil min xogħlu huwa li jinvestiga u jippubblika. Jason Azzopardi qal li dan il-fenomenu issa qiegħed imiss lill-mezzi tax-xandir Maltin ukoll, b’kamra tal-aħbarijiet wara l-oħra jkollhom iħassru dak li jkunu ppubblikaw meta kumpaniji kbar jhedduhom b’rovina finanzjarja permezz ta’ kawżi miġjuba apposta fi Qrati barranin bi spejjeż legali eżorbitanti.

Jason Azzopardi qal li kemm Henley & Partners kif ukoll Pilatus Bank abbużaw b’dan il-mod u qed jippruvaw jagħmlu sarima ma’ ħalq il-ġurnalisti li qed isegwu l-passi moħbija tagħhom. Dawn iż-żewġ kumpaniji, tenna Jason Azzopardi, huma qrib ħafna tal-Gvern ta’ Joseph Muscat u għalhekk appella lill-Prim Ministru biex jagħti sinjal ċar u jgħid fuq liema naħa qiegħed – fuq in-naħa tal-libertà tal-espressjoni jew in-naħa tas-soppressjoni tal-informazzjoni.

Il-Kelliem għall-Ġustizzja qal li l-miżuri SLAPP fl-aħħar mill-aħħar mhumiex kontra l-organizzazzjonijiet tax-xandir, iżda kontra ċ-ċttadini u d-dritt tagħhom li jinfurmaw rwieħhom. Hija ħaġa inaċċettabbli li n-nies jibqgħu fid-dlam dwar dak li jkun qed isir għax il-kumpaniji l-kbar jintimidaw lill-ġurnalisti, tenna Jason Azzopardi, u qal li l-Oppożizzjoni qed tkun proattiva biex tieqaf lil din il-forma ta’ bullying.

Jason Azzopardi spjega kif il-Private Member’s Bill li ressaq għad-diskussjoni tal-Parlament tipproponi Abbozz ta’ Liġi li ġġib emenda f’Artiklu 827 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili. L-għan ta’ dan l-Abbozz, qal Jason Azzopardi, huwa biex il-Qrati Maltin ma jippermettux kawżi miġjuba minn Qrati barra minn Malta meta dawn ikunu maħsuba biex jiċċensuraw, jintimidaw, jew iwaqqfu xi forma ta’ kritika milli ssir f’Malta billi jġiegħelu lill-organizzazzjonijiet ta’ pubblikazzjoni jħallsu spejjeż legali projbittivi.

Preżenti kien hemm ukoll il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar.

Share