ŻOMM AĠĠORNAT:

Tirbaħ il-vuċi tar-raġuni: Il-Gvern jaqbel mal-emendi proposti mill-Oppożizzjoni

L-Oppożizzjoni tinnotta b’sodisfazzjoni li l-Gvern qed jaqbel mal-emendi proposti mill-Oppożizzjoni. Dan hekk kif Illejla ser tkompli d-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi li permezz tiegħu persuni nominati f’karigi għolja f’pajjiżna ser jibda jsir skrutinju parlamentari taghhom qabel dawn jiġi maħtura mill-Gvern.

Dwar dan l-abbozz ta’ liġi l-Oppożizzjoni ressqet numru ta’ emendi fi stadju ta’ kumitat fil-Parlament. Permezz ta’ dawn l-emendi l-Oppożizzjoni trid li jkun hemm l-obbligu li jsir smigħ waqt laqgħa ta’ Kumitat tal-Parlament dwar kull persuna li tiġi nnominata mill-Gvern. Fl-abbozz ta’ liġi li oriġinarjament ressaq il-Gvern dan ma kienx obbigatorju u l-Gvern ried li minflok isiru biss mistoqsijiet bil-miktub lill-persuna nominata li mbagħad twieġeb biss bil-miktub lill-Kumitat. 

Bl-emenda li pproponiet l-Oppożizzjoni u li l-Gvern issa qed jaqbel magħhom, kull persuna nominata ser ikollha l-obbligu li tidher għal smigħ quddiem Kumitat tal-Parlament maħtur għal dan il-għan biex ikun jista’ jsir skrutinju tagħha.

L-Oppożizzjoni ressqet ukoll għadd ta’ emendi oħra fosthom dwar in-numru ta’ membri tal-Kumitat (biex jiżdied minn 5 għal 7), dwar il-mod kif jistgħu jiżdiedu l-karigi li tagħhom isiru skrutinju, dwar il-mod kif isir tnaqqis fil-karigi li tagħhom isir skrutinju (b’riżoluzzjoni tal-Parlament) u dwar kif għandu jingħata l-parir mill-Kumitat lill-Ministru li jkun innomina l-persuna kkonċernata. Il-Gvern qiegħed jaċċetta dawn l-emendi mressqa mill-Oppożizzjoni.

Minkejja dan kollu l-Gvern qed ikompli jinsisti li ma jdaħħalx fost l-ogħla karigi f’pajjiżna biex il-persuni nominati biex iservu fihom isir skrutinju tagħhom. Dawn il-karigi jinkludu lill-Kummissarju tal-Pulizija, il-Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, l-Avukat Ġenerali u ċ- Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar. Għalhekk l-Oppożizzjoni filwaqt li ser tkun qed tivvota favur din il-liġi, ser tkun qed tressaq emenda biex il-lista ta’ karigi tkun tinkludi fost l-ogħla karigi f’pajjiżna.

 

Hermann Schiavone                                                                                       Karol Aquilina

Kelliem għall-Amministrazzjoni Pubblika u s-Settur Pubbliku                       Kelliem għall-Ambjent

 

15.01.2018

Share

Il-morda jbatu l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ qbil mal-Gvern

Il-morda reġgħu huma vittma tal-kwistjoni li ilha għaddeja bejn il-Gvern u l-ispiżjara tal-POYC fl-Isptar St Luke’s. Il-Gvern għadu ma sabx soluzzjoni konkreta mal-ispiżjara bil-konsegwenza li għexieren ta’ pazjenti u qraba ta’ persuni morda sabu l-bieb magħluq meta marru biex iġeddu l-permessi għall-mediċi li għandhom bżonn.

Is-servizz tas-saħħa f’pajjiżna ma jistax jibqa’ f’sitwazzjoni ta’ inċertezza li qed toħloq diffikultajiet kbar lil dawk l-aktar vulnerabbli. Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Gvern jirrisolvi il-kwistjoni mal-ispiżjara tal-POYC f’St Luke’s b’mod prattiku u mill-aktar fis possibli.

Stephen Spiteri

Kelliem għas-Saħħa

15.01.2018

Share

Aġir anti-demokratiku: Il-Partit Laburista jipprova jaħtaf il-poter li ma tahx il-poplu f’San Pawl il-Baħar

Il-Partit Nazzjonalista jressaq mandat ta’ inibizzjoni biex jwaqqaf dak li hu kontra r-rieda tal-poplu

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli preżenta mandat ta’ inibizzjoni fil-Qrati tagħna biex jipproteġi r-rieda tal-poplu kif espressa fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsilli Lokali fl-2015, meta l-Partit Nazzjonalista ġab il-maġġoranza tal-voti u l-Kunsilliera fil-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar.

Il-Partit Nazzjonalista ressaq dan il-mandat ta’ inibizzjoni ibbazzat fuq dak li tistipula il-liġi tal-Kunsilli Lokali dwar x’għandu jsir f’każ li jkun hemm riżenja ta’ Sindku. Liema liġi tistipola li, il-post ta’ Sindku għandu jimtela’ minn dik il-persuna tal-istess partit li fl-aħħar elezzjoni tkun ġabet l-akbar ammont ta’ voti fl-ewwel għadd wara s-Sindku li jkun qed jispiċċa mill-kariga.

Il-liġi titkellem ċar dwar x’għandu jseħħ u min għandu jinħatar Sindku f’każ ta’ riżenja. Bl-istess mod il-poplu ta’ San Pawl il-Baħar tkellem ċar fl-aħħar elezzjoni. Il-Kunsilliera tal-Partit Laburista u żewġ kunsilliera hekk msejjħin indipendenti, tul din il-legislatura għamlu minn kollox biex ifixklu, ressqu mozzjoni ta’ sfiduċja fis-Sindku biex ikun hemm Sindku Laburista u qed jinterpretaw il-ligi kif jaqbel lilhom biex jisirqu l-poter f’dan il-kunsill.

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed iressaq dan mandat ta’ inibizzjoni biex jaċċerta ruħu li r-rieda tal-poplu ta’ San Pawl Baħar tibqa’ tiġi rispettata.

Il-mandat ta’ inibizzjoni ġie iffirmat mil-Avukati Carm Mifsud Bonnici u Errol Cutajar. Clyde Puli kien akkumpanjat mill-Kelliem għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar, u mid-Direttur tal-Kunsilli Lokali Charles Bonello.

15.01.2018

Aqra iktar
Share

Joseph Muscat jitkellem dwar is-suċċessi meta il-Gvern tiegħu mifni bi skandli kbar.

Waqt attivita' politika dalgħodu Joseph Muscat ftaħar bis-suċċessi, iżda naqas li jagħti spjega dwar l-aħħar dettalji li ħarġu fil-beraħ dwar l-iskandlu Vitals. Joseph Muscat jrid jaljena l-poplu minn dawn l-iskandli kbar, iżda l-Partit Nazzjonalista se jkun qed ikompli jagħmel dak kollu possibbli biex toħroġ il-verita’ u biex flus il-poplu jintefqu b'mod ġust.

Joseph Muscat qed jinjora kollox u l-kulħadd biex jipproteġi lil dawk viċin tiegħu. Joseph Muscat naqas li jieħu azzjoni minkejja konferma minn delegazzjoni tal-Parlament Ewropew, ta’ dak li ilhu jghid il-Partit Nazzjonalista li Konrad Mizzi u Keith Schembri għandhom jiġu investigati u jitilqu mill-politika.

 

14.01.2017

Share

Inġustizzja mal-industrija tas-Servizzi Finanzjarji

Il-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista (FPPN) jinstab mħasseb bin-nuqqas ta’ reazzjoni minn naħa tal-Prim Ministru Joseph Muscat wara r-rapport tal-kumitat PANA u LIBE tal-Parlament Ewropew.

L-FPPN jinstab mħasseb dwar kif il-Prim Ministru bħal donnu qiegħed isibha diffiċli sabiex jagħżel l-interess nazzjonali fuq l-interessi tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff Keith Schembri.

Huwa diffiċli temmen li Joseph Muscat lest jesponi lill-industrija tas-Servizzi Finanzjarji għal riskji bla bżonn minflok jieħu l-passi meħtieġa kontra Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Pajjiżna għandu industrija kbira ta’ servizzi finanzjarji. Industrija li kibret grazzi għal ħidma ta’ tant nies li dejjem ħadmu, u għadhom jaħdmu, b’għaqal kbir, b’osservanza ta’ l-aqwa standards internazzjonali u bl-aktar mod legalment korrett. Ħidma li l-FPPN japprezza u jinstab determinat li jaħdem sabiex jara li tali ħidma tkun mħarsa.

Tkun ħasra li tali xogħol jintilef għaliex Joseph Muscat jagħżel li jħalli l-attitudni xejn dekoruża ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri ttappan isem Malta.

Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista

 

12.01.2018

Share

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jżur Dar Bjorn

Il-persuni b’kundizzjonijiet neuroloġiċi jistħoqqilhom l-aħjar ambjent ta’ kura u l-għola kwalità ta’ servizz. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt żjala lil  Dar Bjorn f’Ħal Qormi.

Adrian Delia faħħar lil Bjorn Formosa u rringrazzjah tal-impenn tiegħu sabiex da nil-proġett ikun jista’ jitwieled u jibqa’ għaddej. Huwa qal li l-atmosfera f’Dar Bjorn mhix ta’ klinika jew sptar iżda waħda sabiħa u akkoljenti bħalma jixraq lill- pazjenti li sservi.

Il-fundatur Bjorn Formosa qal li minn mindu d-dar fetħet il-bibien tagħha ftit ġimgħat ilu, diġa għandha lista twila ta’ nies jistennew biex jingħataw il-kura. Huwa rringrazzja lil Adrian Delia taż-żjara tiegħu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-mara tiegħu Nickie Vella de Fremeaux, li hija l-avukat tal-Fondazzjoni Djar ALS.

12.01.2018

Share

Il-Prim Ministru għandu jagħmel dak li huwa sewwa

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista b’reazzjoni għar-rapport tal-Parlament Ewropew

L-ikbar preokkupazzjoni dwar ir-rapport tal-Parlament Ewropew fuq Malta hija li l-Gvern qiegħed jinduna li qed issir ħsara lil pajjiżna u xorta jibqa’ jippersisti fil-modi tiegħu. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’kummenti lill-ġurnalisti dwar ir-rapport tal-Kumitat PANA u l-Kumitat LIBE.

Adrian Delia stieden lill-Prim Ministru biex jieħu l-passi li għandu jieħu sabiex, bil-fatti, jiddefendi r-reputazzjoni ta’ Malta.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li saħansitra qabel l-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet Joseph Muscat kien wasal għall-istess konklużjoni ta’ dan ir-rapport dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi, iżda dakinhar kien skużahom billi qal li għandu bżonnhom għal xi proġetti partikolari.

Adrian Delia qal li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna hija responsabbiltà ta’ kulħadd u tenna r-rieda tal-Oppożizzjoni li tingħaqad mal-Gvern u l-istituzzjonijiet kompetenti sabiex pajjiżna juri lid-dinja li lest u jrid jagħmel dak li huwa korrett.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista staqsa għaliex il-Prim Ministru qiegħed jagħżel li jipproteġi lill-Minstru u ċ-Chief of Staff tiegħu minflok lil Malta. Huwa qal li dan ir-rapport jikkonferma dak li l-Partit Nazzjonalista ilu jistieden lill-Gvern biex jagħmel dak li jixraq lil pajjiżna u li l-Oppożizzjoni trid taħdem b’rieda tajba għall-ġid ta’ isem pajjiżna.

12.01.2018

Share

Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-isport hija resposabbiltà ta’ kulħadd

Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-isport għandha tgħaqqadna flimkien sabiex nipproteġu d-dixxiplini sportivi għaż-żgħażagħ u t-tfal tagħna. Il-kriminalità b’mod aprtikolari fil-football qed teqred il-logħba u lill-isportivi li jintmissu minnha.

Dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-isport, u li jifhmu l-benefiċċju tiegħu għas-soċjetà m’għandhom juru l-ebda tolleranza lejn il-korruzzjoni u l-manipulazzjoni tal-logħob. Dan huwa kankru li jeħtieġ jiġi eliminat minnufih inkella se jkun tard wisq.

Id-dixxiplini sportivi huma ċentrali għall-kwalità tal-ħajja u huma ta’ formazzjoni għall-ġenerazzjonijiet żgħar. Għalhekk, irridu nuru maturità u rieda politika qawwija sabiex flimkien insaħħu l-isport u nopponu l-kriminalità organizzata li qed tifnieh.

12.01.2018

Share

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jindirizza l-komunità diplomatika fil-bidu tas-sena l-ġdida

button_read-in-english.png

 

L-2017 kienet sena impenjattiva għall-komunità diplomatika f’Malta, li ġabet magħha sensiela ta’ tibdiliet. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt indirizz tal-bidu tas-sena lill-Ambaxxaturi għal Malta.

Il-Partit Nazzjonalista huwa kburi bil-mod tajjeb li pajjiżna mexxa l-Presidenza tal-Kunsill Ewropew fl-ewwel nofs tas-sena li għaddiet, u dan jagħti raġun lill-Gvern Nazzjonalista li tħabat sabiex Malta tikseb u tipprepara ruħha għal din il-Presidenza.

Adrian Delia fakkar kif f’nofs il-ħidma tal-Presidenza il-Gvern sejjaħ Elezzjoni Ġenerali bikrija li kompliet iżżid pressjoni fuq il-Korpi Diplomatiċi u l-iskrutinju fuq pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li t-tieni nofs tas-sena, mbagħad, kien iddominat mill-aħbar xokkanti  tal-qtil ta’Daphen Caruana Galizia li biddlet ir-reputazzjoni ta’ Malta minn lejl għal nhar. Adrian Delia qal li huwa l-obbligu ta’ kull Gvern li jiżgura s-sigurtà taċ-ċittadini u li jħares lin-nies minn kull forma ta’ vjolenza.

Is-sena li għada kif bdiet se ġġib l-isfidi tagħha, tenna Adrian Delia, kemm għal Malta u kemm għall-Unjoni Ewropea. Huwa qal li l-għażla tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni għandha tiġi rispettata iżda pajjiżna se jħoss in-nuqqas ta’ pajjiż alleat u ħabib tiegħu. Huwa qal li din ir-relazzjoni speċali tagħti lil Malta l-inkarigu li tnaqqas kemm tista’ l-effetti negattivi ta’ Brexit kemm għaċ-ċittadini Ewropej kif ukoll għal dawk Britanniċ.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista esprima lfiduċja tiegħu li l-Unjoni Ewrope tkompli tissaħħaħ matul dan ix-xhur u qal li il-bloc għalaq is-sena li għaddiet aħjar min nta’  qabilha. Huwa qal li ż-żona Ewro kompliet turi sinjali pożittivi tant li t-tkabbir ekonomiku tagħha qed ikun mutur għall-ekonomija dinjija.

Adrian Delia qal li l-Unjoni Ewropea mhijiex sempliċment suq, iżda żona ta’ paċi u ugwaljanza. Huwa qal li l-esperiment Ewropew introduċa stil ġdid ta’ dajlogu u kollaborazzjoni u huwa ta’ eżempju għal kulmin qiegħed ifittex tassew id-demokrazija, il-prosperità, u l-ġustizzja.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li minkejja l-progress f’ċerti oqsma ma rridux ninsew id-diffikultajiet li għaddejin minnhom diversi pajjiżi ġirien ta’ Malta. Huwa semma’ l-isfidi li qed jaffaċċja l-poplu Libjan u tenna l-impenn tal-Partit Nazzjonalista favur l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini għal stat stabbli bi Gvern magħqud.

Adrian Delia qal li l-Mediterran b’mod sħiħ għandu l-karatteristiċi neċessarji kollha biex ikun reġjun ta’ prosperità, djalogu, u paċi. Huwa esprima t-tama tiegħu li l-Unjoni Ewropea tkun sieħeb tajjeb għall-pajjiżi tal-kosta tan-nofsinhar tal-Mediterran.

Dwar it-theddida tal-immigrazzjoni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit Nazzjonailsta jikkommetti ruħu għar-riżoluzzjoni ta’ New York li titlob il-protezzjoni u l-promttzjoni tad-drittijiet tal-immigrati. Huwa qal li ma nistgħux nibqgħu ninjoraw ir-realtà tal-immigrazzjoni u nonqsu milli nittrattaw lill-immigranti b’mod uman.

Sfida gloabli oħra hija l-bidla fil-klima, qal Adrian Delia, u tenna li l-Partit Nazzjonalista jappoġġja b’mod sħiħ il-Ftehim ta’ Pariġi. Huwa qal li l-kwistjoni tal-bidla klimatika mhix biss waħda ambjentali, iżda wkoll waħda ta’ sigurtà globali.

Fl-aħharnett, Adrian Delia qal li huwa ta’ unur li fi ftit òhra pajjiżna se jingħata t-titlu tal-Kapitali tal-Kultura Ewropea. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista kien protagonist fl-għoti ta’ dan il-privileġġ, speċjalment hekk kif l-Unjoni Ewropea ddikjarat l-2018 bħala s-sena tal-patrimoju kulturali. Huwa qal li din hija opportunità li tgħiinu niskopru u naqsmu il-valuri umani komuni għan-nazzjonijiet kollha.

11.01.2018

 

Share

Appoġġ lill-Assoċjazzjoni Medika Maltija

Il-Partit Nazzjonalista jagħti l-appoġġ sħiħ lill-Assoċjazzjoni Medika Maltija li qegħda titlob li jitwaqqfu n-negozzjati għall-bejgħ tal-isptarijiet sakemm titlesta l-investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali.

Bħall-MAM, il-Partit Nazzjonalista huwa mħasseb dwar il-bejgħ bil-moħbi tal-isptarijiet ewlenin ta’ pajjiżna u l-konsegwenzi gravi li dan id-deal qiegħed jistieden.

Il-membri f’isem l-Oppożizzjoni fuq il-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi din il-ġimgħa ressqu talba formali biex l-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika jinvestiga t-trasferiment tal-konċessjoni għat-tmexxija tal-isptar St Luke’s, Karin Grech, u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Il-Gvern wera li għandu x’jaħbi dwar dan id-deal meta ma laqax it-talba tal-Oppożizzjoni biex il-ftehim jiġi diskuss fil-Kumitat Parlamentari għas-Saħħa fejn tista’ issir diskussjoni mil-istakeholders kollha nvoluti. Minflok l-Gvern jrid diskussjoni biss fil-Plenarja fejn jistgħu jgħidu tagħhom biss id-Deputati.

Dan id-deal b’valur tal-fuq minn 2 biljun ewro qiegħed, fl-aħħar mill-aħħar, jiffinanzjah il-poplu Malti bit-taxxi tiegħu. Għalhekk il-Gvern għandu l-obbligu li jiżgura li din in-nefqa qed issir tassew fl-interess pubbliku; sabiex is-sistema tal-kura taqdi l-bżonnijiet tal-familji tagħna, u mhux tan-negozjanti.

Stephen Spiteri

Kelliem għas-Saħħa

11.01.2018

Share