ŻOMM AĠĠORNAT:

Il-Parlament għandu jiddiskuti u japprova l-abbozz ta’ liġi dwar il-korruzzjoni fl-isport mingħajr dewmien

Il-Partit Nazzjonalista jieħu l-problema tal-korruzzjoni fl-isport bis-serjetà u pparteċipa b’mod attiv biex tfassal abbozz ta’ liġi li jindirizza b’mod konkret u dirett din l-istess problema. Il-Partit Nazzjonalista ilu xhur li ddikjara d-dispożizzjoni sħiħa tal-Oppożizzjoni sabiex dan l-abbozz jiġi kkonfermat u approvat bħala liġi.

Bħalma turi ċar l-ittra mibgħuta f’isem l-Oppożizzjoni f’Lulju 2017 lill-President tal-Malta Football Association, il-Partit Nazzjonalista esprima bl-aktar mod qawwi il-ħtieġa urġenti li dan l-abbozz jitressaq għad-diskussjoni tal-Parlament.

L-aħbar kerha li sitt players tat-tim nazzjonali tal-fultbol ta’ taħt il-21 sena instabu ħatja mill-UEFA ta’ involviment f’manipulazzjoni tal-logħob, juri kemm kellha raġun l-Oppożizzjoni tinsisti għal azzjoni immedjata.

Il-Partit Nazzjonalista jkompli jħeġġeġ lil Gvern biex malajr kemm jista’ jkun jressaq fil-Parlament l-Ewwel Qari ta’ dan l-abbozz ta liġi ħalli wara, u malajr kemm jsta’ jkun, l-Parlament Malti japprova dawn il-bidliet tant neċessarji fil-liġi Maltija għall-ġid tal-isport u l-isportivi f’Malta. Il-Partit Nazzjonalista jemmen ukoll li wasal il-mument li f’pajjiżna tinħoloq pjattaforma bil-parteċipazzjoni ta’ diversi stakeholders biex bħala pajjiż nikkumbattu b’serjetà l-korruzzjoni fl-isport.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-isport għandu jitħalla nadif u fl-istess ħin tibda f’pajjiżna kampanja edukattiva biex inkomplu nsaħħu kultura sportiva f’pajjiżna.

10.01.2018

Share

Graziella Galea tirriżenja minn Sindku ta’ San Pawl il-Baħar

Ftit tal-ħin ilu Graziella Galea, li ġiet eletta b’mod demokratiku bl-akbar numru ta’ voti fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar fl-elezzjoni li tal-2015 f’isem il-Partit Nazzjonalista, irriżenjat minn Sindku tal-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar.

Filwaqt li irriżenjat minn Sindku, Graziella Galea se tibqa’ kunsiller f’isem il-Partit Nazzjonalista. Issa għandu jinħatar Sindku ġdid skont il-liġi.

Galea qiegħda tagħmel dan b'lealtaà lejn ir-residenti tal-lokalità u lejn il-Partit Nazzjonalista sabiex il-Partit Nazzjonalista jibqa' jgawdi t-tmexxija ta' dan il-Kunsill.

Kopja tal-ittra tar-riżenja ta’ Graziella Galea tinsab annessa ma’ din l-istqarrija.

10.01.2018

----------------------------------------------------------------------------------

Aqra iktar
Share

Il-Kunsilliera PN ta’ Marsaskala iressqu mozzjoni biex il-Gvern jagħti Żonqor lura

F’mozzjoni mressqa llum, il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala talbu lill-Kunsill sabiex jagħmel talba formali lill-Gvern sabiex jieħu l-art fiż-Żonqor lura mingħand Sadeen u jagħtih lura lill-Maltin. F’messaġġ qawwi favur l-interessi tar-residendi ta’ Marsaskala, John Baptist Camilleri, Sandro Gatt u Charlot Cassar, saħqu li d-deċizjoni li Żonqor jingħata għall-iżvilupp kienet waħda żbaljata mill-bidu nett u kien ikun ferm aħjar li kieku din ġiet irrifjutata sentejn u nofs ilu kif kienu talbu huma.

Issa, li qed jirriżulta bl-aktar mod ċar illi din l-hekk imsejħa American University of Malta falliet bil-kbir milli tilħaq il-miri tagħha u saħansitra ukoll naqset dawn il-miri bin-nofs, il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala għandu opportunità ġdida biex jirranġa dak li messu sar mill-ewwel fl-2015.

Fid-dawl ta’ dan, il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista talbu lill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala sabiex jagħmel talba formali lill-Gvern li fiha jitlob li l-art f’Żonqor ma tibqax aktar f’idejn il-kumpanija Sadeen Education Investment iżda għandha terġa’ ssir art pubblika li titħalla fl-istat naturali tagħha waqt li tiġi protetta u terġa’ ssir parti mill-Park Nazzjonali tal-Inwadar. Dan sabiex din l-art ta’ ġmiel naturali mill-isbaħ tkun tista’ tibqa titgawda għal dejjem min-nies ta’ Marsaskala u l-poplu Malti kollu.

John Baptist Camiller, Sandro Gatt u Charlot Cassar, żiedu jgħidu illi l-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala għandu ukoll iħeġġeġ lill-Gvern sabiex hekk kif l-art f’Żonqor terġa’ ssir art pubblika, minnufih u bla aktar telf ta’ żmien jibda xogħol estensiv ta’ rinovar fil-pixxina eżistenti li hemm f’Żonqor kif ukoll fil-partijiet esterni ta' madwar il-pixxina li tħallew f'telqa u b’hekk jiġi evitat li din ikollha terġa’ tinbena mill-ġdid fil-bajja pittoreska ta’ Marsaskala.

Huma temmew jgħidu li jawguraw illi jirrenja s-sens komun u li jirbaħ l-interess tar-residenti ħalli b’hekk igawdu mhux biss in-nies ta’ Marsaskala iżda ukoll il-poplu Malti kollu u l-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.

09.01.2018

Share

Eks Ministru Laburista jhedded Pulizija

Il-fatt li l-eks Ministru Laburista u eks konsulent għall-Ministru għal Għawdex Joe Debono Grech se jkun akkużat quddiem il-Qorti minħabba li hedded lil uffiċjali tal-Pulizija turi f’liema livell waqa’ dan il-Gvern.

Għaġir bħal tal-eks ministru Debono Grech, li xahar ilu għadu kif ingħata Ġieh ir-Repubblika jikkonferma t-tnawwir fl-istituzjonijiet tal-Ordni f’pajjiżna. Din hija l-kultura li daħħal il-Gvern t’Joseph Muscat fejn min iħossu potenti jabbuża mill-pożizzjoni tiegħu għax jaf li għandu l-protezzjoni.

Il-fatt li l-ħaddiema ma jistgħux iwettqu dmirijiethom fil-konfront ta’ mingħandu l-poter hija korruzzjoni fiha nnifisha. SĦPN tappella lill-ħaddiema Maltin sabiex ma jibżgħux jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom.

SĦPN

09.01.2018

Share

Il-Partit Nazzjonalista viċin l-għaqdiet ambjentali

Il-Partit Nazzjonalista irid jaħdem id f’id mal-għaqdiet ambjentali għall-ġid ta’ pajjiżna u għal futur aħjar għal uliedna. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt laqgħa ma’ rappreżentanti minn organiżżazzjonijiet li jaħdmu faur l-ambjent.

Adrian Delia qal li l-Mozzjoni li ppreżentat l-Oppożizzjoni il-ġimgħa li għaddiet sabiex il-Gvern jieħu lura l-art ODZ fiż-Żonqor hija eżempju konkret ta’ kif il-Partit Nazzjonalista qiegħed jaħdem flimkien mal-għaqdiet ambjentali. Huwa qal l-art hija skarsa f’pajjiżna u għalhekk huwa mportanti li l-Parlament jiddiskuti din il-Mozzjoni b’mod urġenti.

Il-Partit Nazzjonalista għandu obbligu li jżomm linja ta’ komunikazzjoni miftuħa mas-soċjetà ċivili, qal Adrian Delia, mhux biss fuq punti fejn hemm qbil iżda b’mod partikolari fejn hemm diverġenza fil-perspettivi. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lir-rappreżentanti tal-għaqdiet għax-xogħol siewi li jwettqu favur il-wirt naturali u kulturali ta’ pajjiżna.

Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Kelliem għall-Ambjent Karol Aquilina, il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar, u il-Viċi Whip Frederick Azzopardi.

09.01.2018

Share

L-Oppożizzjoni titlob lill-Awditur Ġenerali jinvestiga t-trasferiment tal-isptarijiet

L-Oppożizzjoni għamlet talba formali lill-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika sabiex jiġi nvestigat it-trasferiment tal-konċessjoni tal-isptarijiet mingħand Vitals Global Heaelthcare. Dan ħabbru l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Parlament David Agius waqt konferenza tal-aħbarijiet.

David Agius qal li l-membri tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, Beppe Fenech Adami, Kristy Debono, u Claudio Grech, ressqu t-talba lill-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika f’isem l-Oppożizzjoni. Huwa appella lill-Awditur Ġenerali sabiex jinvestiga bir-reqqa u mingħajr dewmien dak li qed jiġri fil-qasam tas-saħħa, wara li ġie żvelat li VGH se jbiegħu l-isptarijiet St Luke’s, Karin Grech, u l-Isptar Ġeneral ta’ Għawdex ftit aktar minn 20 xahar minn mindu ffirmaw il-kuntratt mal-Gvern ta’ Joseph Muscat.

Min-naħa tiegħu Beppe Fenech Adami qal li l-membri tal-Oppożizzjoni fuq il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi qed jagħmlu talba biex l-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika jinvestiga s-saga tal-isptarijiet St Lukes, Karin Grech, u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Huwa qal li fl-2016 Joseph Muscat dehrlu li għandu jiddisponi minn dawn l-isptarijiet pubbliċi b’kuntratt moħbi u mingħajr ebda mandat elettorali.

Kien evidenti sa mill-bidu li Vitals Global Healthcare ma kellhiex il-kredenzjali li tmexxi l-isptarijiet, qal Beppe Fenech Adami, u dan it-trasferiment wara biss 20 xahar jikkonferma dak li kienet qalet l-Oppożizzjoni dakinhar. Huwa qal li dan it-trasferiment mhuwa xejn ħlief negozju minn fuq dahar il-poplu Malti u Għawdxi, li huwa marbut ikompli jonfoq il-mijiet ta’ miljuni fuq perjodu twil ta’ żmien.

Beppe Fenech Adami qal li ftit ġimgħat ilu biss il-Parlament ġie mitlub japprova nefqa ta’ €17.8 miljun żieda fi ħlasijiet ulterjuri lill-VGH. Vitals ħadet il-miljuni mhux biex serviet lill-poplu iżda biex għamlet negozju minn fuqu, tenna Beppe Fenech Adami.

Huwa qal li issa spiċċa ż-żmien tal-ħabi u l-Awditur Generali għandu jara li toħroġ il-verità billi jidħol fid-dettal ta’ din il-materja li qed tiswa l-miljuni lill-poplu fuq servizz kruċjali bħalma huwa s-saħħa.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius fakkar li l-ġimgħa li għaddiet l-Oppożizzjoni sejħet biex jitlaqqa’ minnufih il-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa sabiex jiddiskuti l-impatt ta’ dan it-trasferiment fuq il-kura.  Huwa qal li l-Gvern qiegħed jibża’ jinvolvi lill-istakeholders u għalhekk qed jipprova jżomm id-diskussjoni għall-Plenarja tal-Parlament.

David Agius u Beppe Fenech Adami kienu akkumpanjati mill-membri tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi Kristy Debono u Claudio Grech, mill-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar, u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri.

08.01.2018

Share

Il-Gvern responsabbli għall-kultura ta’ xejn mhu xejn

Is-sitwazzjoni mwiegħra fil-Pulizija qiegħda tinkwieta lil kulħadd iżda dawn l-affarijiet ma jiġrux b’kumbinazzjoni u l-Gvern ta’ Joseph Muscat għandu ħafna x’jirrispondi. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista telefonika fuq Radio 101.

Adrian Delia qal li l-aħbarijiet li rajna din il-ġimgħa dwar uffiċjali tal-Pulizija huma inkwietanti għaliex kulħadd jistenna li l-Korp qiegħed hemm biex iserraħ moħħ in-nies. Huwa qali li dan huwa ta’ għajb għal pajjiżna li sa ftit illu kien meqjus wiħed mill-aktar siguri, iżda tenna li din is-sitwazzjoni diżastruża fil-Korp tal-Pulizija ma ġietx mix-xejn.

Il-Gvern ta’ Joseph Muscat ippermetta attitudni fejn ħadd m’għandu għalfejn jagħti rendikont ta’ għemilu, kompla il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Illum, qal Adrian Delia, kulħadd iħoss li issa jista’ jagħmel li jrid għax lanqas min jagħmel l-affarijiet il-kbar ma jħallas għalihom.

Adrian Delia qal li Joseph Muscat daħħal kultura ta’ xejn mhu xejn, fejn il-Kummissarju tal-Pulizija jibqa’ sieket minflok jieħu l-passi li għandu jieħu, u fejn il-Ministru responsabbli joħroġ jiddefendi lil min jagħmel il-ħażin.

Minflok jgħolli l-livell tal-Korp, il-Gvern ta’ Muscat għażel li jbaxxi l-livell għad-dħul fil- Pulizija, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tenna li għalhekk wieħed jibda jifhem għaliex illum huma l-kriminali li jħossuhom komdi.

Il-Vitals huma sensara

Is-sistema tas-saħħa hija waħda mill-aktar affarijiet importanti għal pajjiżna qal Adrian Delia, iżda l-Gvern lest li jilgħab bil-bejgħ tal-isptarijiet. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dak li suppost kien konċessjoni għall-isptarijiet ta’ St Luke’s, Karin Grech, u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex issa f’daqqa waħda qed jissejjaħ bejgħ.

Adrian Delia qal li dawn l-isptarijiet huma propretà tal-Gvern; jiġifieri tan-nies mhux ta’ Joseph Muscat jew tal-Partit Laburista. Huwa fakkar li minkejja li l-Gvern ilu sentejn li ffirma kuntratt mal-VGH biex tibda topera l-isptarijiet, il-ftehim għadu mistur sal-lum. Adrian Delia staqsa x’hemm li jimbarazza lill-Gvern f’dan il-kuntratt.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li, dak iż-żmien, il-Gvern ta’ Joseph Muscat suppost li kien ra li l-koċessjonarji kienu l-aqwa provedituri tas-servizz għas-saħħa u li setgħu imexxu l-isptarijiet bl-aħjar kwalità ta’ kura għal 30 sena sħaħ. Iżda, tenna Adrian Delia, dan kollu sfaxxa fi ftit xhur.

Adrian Delia qal li kien ċar sa mill-bidu li l-Gvern makienx qedjagħti l-isptarijiet lil min kien l-aħjar biex joperahom, iżda lil min kien l-aħjar sensar.

Adrian Delia fakkar kif din il-ġimgħa l-Oppożizzjoni ressqet talba liċ-Chairman tal-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa sabiex jiddikuti din is-sitwazzjoni b’urġenza u b’involviment tal-istakeholsders kollha. Huwa qal li lGvern qed jirreżisti iżda jekk din is-sejħa ma tintlaqax, l-Oppożizzjoni mhix se tieqaf hawnu se tieħu passi oħra.

Jekk xi ħadd jaħseb li se jagħmel il-miljuni bl-assi tal-Maltin u se jibqa’ għaddej bħal xejn mhu xejn, qiegħed jiżbalja qal Adrian Delia. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jagħti lura s-servizz tas-saħħa lil min huwa kapaċi joffri l-aqwa servizz ta’ kura għall-Maltin.

Università bi skopijiet oħra

Il-Gvern prova jbellagħha li l-poplu għandu jissagrifika l-art ODZ fiż-Żonqor biex tiġi università ġdida f’Malta, qal Adrian Delia. Huwa qal li għal darb’oħra l-unika skop tal-Gvern kien li jdaħħal lil xi ħadd barrani li m’għandu x’jaqsam xejn fil-qasam tal-edukazzjoni għal spekulazzjoni tal-art.

Adrian Delia qal li, hawn ukoll, il-kumpanija li għażel il-Gvern ta’ Joseph Muscat, falliet b’mod kbir u huwa evidenti għal kulħadd li università ma tistax topera bi 15-il student biss.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din mhix biss kwistjoni ambjentali, għalkemm dik hija ċentrali. Huwa qal li dan il-ftehim huwa serq ta’ art tal-poplu Malti għal skopijiet spkulattivi. L-Oppożizzjoni mhix se tiċċaqlaq fil-pożizzjoni tagħna, tenna Adrian Delia, u se tibqa’ tinsisti biex l-art fiż-Żonqor terġa’ lura għand in-nies.

Oppożizzjoni favur is-sigurtà, is-saħħa, l-ambjent

Is-sigurtà, is-saħħa, u l-ambjent huma kwistjonijiet ta’ mportanza kbira, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li minkejja li l-Gvern jipprova jgħid li l-Oppożizzjoni hija negattiva, il-Partit Nazzjonalista mhux se jippermetti li xi ħadd jisraq lil pajjiżna biex jistagħna minn fuq l-assi tagħna.

Adrian Delia qal li għalkemm qiegħed jiżbalja, il-Gvern ta’ Joseph Muscat ma jridx jaf, u allura huwa l-Gvern qed ikun negattiv. Huwa qal li l-Oppożizzjoni qed tipproponi mod serju u effettiv biex igawdi kulħadd.

07.01.2018

Share

Il-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja tal-ambaxxatur Alfred Zarb

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi s-sogħba tiegħu għall-mewt tal-ambaxxtur Alfred Zarb.

Il-Partit Nazzjonalista jwassal l-kondoljanzi sinċiera tiegħu lill-familja tal-ambaxxatur Zarb li serva lill-pajjiżu għal tant snin u b'tant dedikazzjoni.

06.01.2018

 

Share

Gvern li għandu x’jaħbi u li jrid jevita diskussjonijiet trasparenti

Il-Partit Nazzjonalista jinnotta b’dispjaċir li s-suppost transparenza ta’ dan il-Gvern hi biss kelma li jħobb juża mingħajr ma jattwa. Dalgħodu il-Gvern ta’ Joseph Muscat ma tax konferma li lest li issir diskussjoni mill-aktar miftuħa fil-Kumitat Permanenti  għas-Saħħa dwar il-kuntratt u l-konċessjoni dubjuża li l-Gvern ta lill-kumpanija VGH għall-privatizazzjoni ta’ tliet sptarijiet.

Il-Gvern jidher li ma jridx li d-diskussjoni issir f’dan il-Kumitat għax ma jridx li jipparteċipaw l-istakeholders kollha fejn ikunu jistgħu jsiru il-mistoqsijiet relevanti u jingħataw t-tweġibiet dak l-ħin stess kif isir f’kull Kumitat Parlamentari.

L-Oppożizzjoni mhix kontra li jsir dibattitu wkoll fil-Plenarja. Dan ifisser li filwaqt li fid-diskussjoni fil-plenarja jitkellmu biss id-deputati mingħajr l-involviment tal-istakeholders ewlenin, fil-Kumitat ikun jista’ jiġi mistieden u jitkellem kulmin hu nvolut flimkien mad-deputati kollha taż-żewġ naħat tal-Kamra.

Hi għalhekk l-insistenza tal-Gvern li jrid li d-diskussjoni issir biss fil-Plenarja u imkien aktar.

Dan il-fatt juri biss li l-Gvern għandu x’jaħbi dwar dan l-kuntratt dubjuż li jinkludi fost l-oħrajn il-bejgħ tal-apparat kollu tat-tliet sptarijiet għal Ewro wieħed biss.

Il-Partit Nazzjonalista jinnotta wkoll li l-Gvern qed itawwal biex jiddiskuti l-mozzjoni mressqa mil-Oppożizzjoni Nazzjonalista biex l-poplu Malti u Ghawdxi jieħdu lura l-art ODż fiż-Żonqor.

Waqt il-laqgħa tal-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra dalgħodu ħareġ ċar li l-Gvern għandu x’jaħbi f’dawn il-kwistjonijiet.

David Agius

Vici Kap ghall-Affarjiet tal-Parlament

Robert Cutajar

Whip tal-Opozizzjoni

06.01.2018

Share

Tkompli d-deġenerazzjoni tal-korp tal-Pulizija

L-aħbar żvelata dalgħodu li tliet uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija nqabdu bid-droga waqt raids li saru fi żmien il-festi jkompli jikkomferma l-istat ħazin li jinsab fih il-korp u min imexxieh.

F’din l-ewwel ġimgħa tas-sena, il-korp tal-Pulizija nltaqat minn tliet skandli.

L-ewwel skandlu huwa dak ta’ l-eks Assistent Kummissarju Mario Tonna li kellu jirriżenja wara l-aħbar żvelata mill-ġurnal in-Nazzjon li kien sar rapport mis-sieħba tiegħu dwar att ta' vjolenza domestika.

It tieni skandlu kien Il-ġustifikazzjoni tal-Ministru Michael Farrugia li ddefenda l-għaġir ta’ l-eks Assistant Kummissarju Mario Tonna  meta skuża il-vjolenza domestika u rabatha mal-ħin twil fuq il post tax-xogħol

Illum tfaċċa t-tielet skandlu bl-aħbar li tliet uffiċjali tal-pulizija nqabdu mid-droga.

Dan huwa l-istat disastruż li l-korp li suppost jiddefendi liċ-ċittadini jinsab fih. Il-Partit Nazzjonalista jħoss li dan l-istat disastruż tal-korp tal-Pulizija huwa sintomatiku ta' min qed imexxieh, u cioe il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u l-Ministru u l- Prim Ministru li jibqgħu jiddefenduh.

L-aħbar żvelata llum hi frott deċiżjonijiet partiġġani tal-Gvern ta’ Muscat li neħħa l-kundizzjoni li persuna li tidħol fil-korp jrid jkollha kondotta nadifa. Sal-lum il-Gvern ta’ Joseph Muscat diġà  daħħal fil-korp 47 ufficjal tal-Pulizija b’kondotta kriminali.

Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi wkoll għalfejn din l-aħbar li tliet uffiċjali tal-Pulizija inqabdu bid-droga baqgħet mistura u kellha tkun biss il-media li tiżvelaha.

Illum fil-pajjiz għandna Gvern li huwa b’saħħtu mad-dgħajjef u dgħajjef ma min huwa b’saħħtu.

Sfortunatament il-ħafna Pulizija onesti fil-korp ikollhom xogħolhom imtappan b’dan l-għaġir.

Beppe Fenech Adami

Kelliem għall-Intern

06.01.2018

Share