ŻOMM AĠĠORNAT:

L-iskandlu tad-deal maħmuġ tal-Café Premier jbqa’ tebgħa li ma' titħassarx fuq il-Gvern ta' Muscat

Il-Partit Nazzjonalista kien, għadu u jibqa’ kontra l-bail out tal-Café Premier bi flus il-poplu u permezz ta’ email mill-indirizz privat ta’ Joseph Muscat. Dak li kien ħażin qabel l-elezzjoni ma' sarx tajjeb wara u ma' jithassar bl-ebda azzjoni oħra.

Imma issa li l-proprjetà ġiet f’idejn il-Gvern, il-Partit Nazzjonalista m'huwiex kontra li dan is-sit jiġi użat mill-Kunsill Lokali tal-Belt. Il-Beltin kif ukoll il-mijiet ta’ persuni oħra li jfittxu s-servizzi tal-Kunsill Lokali tal-Belt jixirqilhom post adekwat.

Madankollu, dan ma’ jiskużax l-għaġir tal-Prim Ministru li, b’ordni diretta u minn wara dahar kulħadd, għadda €4.2 miljun lill-proprjetarji tal-Café Premier fl-2013.

David Agius

Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament

Robert Cutajar

Kelliem għall-Kunsilli Lokali

Ryan Callus

Kelliem għall-Artijiet u Pjanar

05.01.2018

Share

It-tkeċċija ta’ aktar ħaddiema ta’ AUM tikkonferma li l-qerda ta’ art verġni fiż-Żonqor hi biss kapriċċ tal-Gvern ta' Muscat

Waqt li l-Gvern ta’ Joseph Muscat qed ikompli jinsisti li l-art fiż-Żonqor hija meħtieġa għall-proġett tal-American University of Malta, il-kumpanija Ġordaniza qed tkompli tkeċċi l-ħaddiema tagħha. It-tkeċċija ħabta u sabta ta’ tnax-il ħaddiem ieħor tkompli tagħti raġun lit-talba tal-Oppożizzjoni u lil numru ta’ għaqdiet ambjentali biex l-art ODŻ fiż-Żonqor  tingħata lura lill-pubbliku.

Università bi 15-il student żgur m’għandhiex bżonn 18000 metru kwadru t’art ODZ, apparti l-binja sotrika f’Baċir numru wieħed f’Bormla, sakemm il-Gvern mhux se jippermetti li dan jsir proġett spekulattiv. Il-mod ta’ kif tkeċċew l-aħħar numru ta’ ħaddiema – permezz ta’ email – juri wkoll in-nuqqas ta’ professjonalità fit-tmexxija tal-università.

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jisħaq li dan huwa deal ħażin għal pajjiżna u li se jisraq lill-komunità tan-naħa t’isfel ta’ Malta mill-ispazju t'ambjent naturali.  Għalhekk, ladarba Sadeen Group qed jonqos milli jonora il-ftehim li ffirma, il-Gvern għandu jieħu kontroll tas-sitwazzjoni u jerġa’ jagħti l-art lura lill-pubbliku, kif talab il-Partit Nazzjonalista fil-Mozzjoni mressqa aktar kmieni din il-ġimgħa.

05.01.2018

Share

l-Gvern jibża’ jinvolvi l-istakeholders kollha fid-diskussjoni dwar il-VGH

Il-Gvern qed jibża’ jmur quddiem il-Kumitat Parlamentari għas-Saħħa għax għandu x' jaħbi. Il-Gvern qed jibża’ jwieġeb u qed jibża’ jinvolvi l-istakeholders kollha fid- diskussjoni, inkluż l-Awditur Ġenerali biex jinvestiga it-transazzjonijiet kollha.

L-Oppożizzjoni mhix kontra diskussjoni fil-Plenarja imma trid diskussjoni fil-Kumitat permanenti tas-Saħħa fejn jista’ jipparteċipa kulħadd.

Fuq kollox l-Oppożizzjoni trid diskussjoni serja u trasparenti u mhux se tikkuntenta b'diskussjoni li ma' tiswiex ħaqq l-Ewro li biħ l-Gvern biegħ l-apparat tal-isptarijiet.

04.01.2018

Share

Il-Ministru Michael Farrugia għandu jerfa’ responsabbillità politika

Il-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-Partit Nazzjonalista (FOIPN) jemmen li huma għallkollox inaċċettabbli l-kummenti ta’ ġustfikazzjoni li għadda il-Ministru Michael Farrugia dwar każ ċar ta’ vjolenza domestika. Jekk għall-Ministru huwa aċċettabbli li persuna li tahdem siegħat twal tista’ twettaq vjolenza domestika, mela allura l-Ministru mhux il-persuna idoneja li tkun responsabbli mill-Korp tal-Pulizija li suppost jipproteġi lill-vittmi ta’ vjolenza domestika.

L-FOIPN iqis dawn il-kummenti bħala inaċċettabli u li l-Ministru Farrugia għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika ta’ dawn il-kummenti.

FOIPN

04.01.2018

Share

L-Oppożizzjoni titlob diskussjoni b’urġenza dwar id-deal tal-Vitals

L-Oppożizzjoni qiegħda titlob li jitlaqqa’ b’mod urġenti il-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa sabiex jiddiskuti l-qagħda tal-kura fid-dawl tat-trasferiment tal-konċessjoni mingħand Vitals Group Global Healthcare għal Steward Health Care System. Dan kien imħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet Parlamentari David Agius u mill-Kelliem għas-Saħħa Stephen Spiteri.

David Agius qal li, bħala membru tal-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa, Stephen Spiteri bagħat ittra biex jitlob liċ-chairman tal-istess Kumitat Silvio Grixti isejjaħ laqgħa b’mod urġenti. Il-Viċ-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-poplu għandu dritt ikun jaf x’se jkun l-impatt fuq is-sistema tal-kura issa li l-isptarijiet ta’ St Luke’s, Karin Grech, u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għaddew għand sidien ġodda.

Is-settur tas-saħħa huwa ta’ nteress nazzjonali, qal David Agius, u għalhekk it-trasferiment ta’ tliet sptarijiet ewlenin ma’ jistax jiġi ridott għal tranżazzjoni kummerċjali. Huwa qal li l-Oppożizzjoni se tagħmel ukoll talba permezz tal-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi biex dan il-bejgħ jiġi nvestigat mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika.

David Agius qal li l-Oppożizzjoni qed tressaq numru ta’ domandi lill-Gvern dwar it-trasferiment li tal-isptarijiet:

1.             Għaliex Vitals telqet minn Malta?

2.             It-trasferiment għandu xi rabta mal-bidla fil-Liġijiet Ewropej li se jidħlu fis-seħħ minn hawn u ftit ieħor?

3.             Il-Gvern assigura li ġew osservati regolamenti ta’ public procurement meta sar dan it-trasferiment?

4.             Huwa minnu li Vitals ilhom li telqu minn Malta minn Marzu li għadda u ħadd ma qal xejn?

5.             Kemm ħadu flus VGH fiż-żmien li ilhom responabbli mill-isptarijiet?

6.             Issa li Vitals telqu minn Malta, il-Gvern lest li jippubblika l-kuntratt li kien iffirma magħhom?

Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Stephen Spiteri qal li l-kuntratt bejn il-Gvern u VGH dejjem kien ta’ tħassib, mhux biss għall-Oppożizzjoni iżda wkoll għaċ-ċittadini u għal professjonisti. Huwa qal li l-Assoċjazzjoni tat-Tobba, l-Assoċjazzjoni tan-Nurses u l-Qwiebel, l-Assoċjazzjoni tal-Istudenti tal-Mediċina kollha esprimew tħassib serju meta l-Gvern iffirma l-kuntratt mal-VGH fl-2016.

Stephen Spiteri qal li l-Oppożizzjoni kienet dejjem saħqet li l-kwalità tal-kura u s-servizzi kienet l-aktar ħaġa mportanti, u kienet imħassba minħabba li VGH m’għandha l-ebda track record fil-qasam tas-saħħa. Huwa qal li kien biss wara pressjoni mill-Oppożizzjoni li l-Gvern poġġa il-kuntratt ma’ Vitals fuq il-mejda tal-Kamra tad-Deputati, iżda il-verżjoni li ħareġ ġiet b’paġni nieqsa u oħrajn mħassrin.

Il-Kelliem għas-Saħħa qal li minkejja l-ħabi tal-Gvern, ġew żvelati dettalji inkwietanti tal-kuntratt; fosthom li l-Gvern qed joħroġ €70 miljun fis-sena meta n-nefqa għad-Dipartiment tas-Saħħa kienet ta’ €55 miljun meta l-isptarijiet kienu pubbliċi.

Apparti dan, tenna Stephen Spiteri, il-Gvern intrabat li jħallas għal sodod vojta u jħallas rati għolja fuq sodod addizzjonali; aċċetta li jħallas €30 miljun għal servizz ta’ Air Ambulance; u se jkollu jagħmel tajjeb biex il-proġett ta’ Barts Medical School iseħħ. Jekk dan mhux biżżejjed, qal Stephen Spiteri, issa inkixef ukoll li l-Gvern kien bieġh l-appart mediku kollu tat-tliet sptarijiet għal €1 biss.

Il-Kuntratt ma’ Vitals kien idea ħażina, qal Stephen Spiteri, tant li dawn spiċċaw fallew ripetutament milli jonoraw deadlines u target dates għal xogħlijiet fuq l-isptarijiet li kellhom isiru f’Jannar u Settembru 2017.

Filwaqt li l-konċessjonarji l-ġodda, Stewards Heal Care System, għandhom track record fil-qasam tas-saħħa, Stephen Spiteri jekk is-sistema Amerikana hijiex adattata għal pajjiżna u għalhekk il-Kumitat tal-Parlament tas-Saħħa għandu jara dan. Huwa qal li, finalment, ir-risposta li trid tingħatahija jekk il-pazjenti humiex se jgawdu minn dan it-trasferiment.

Stephen Spiteri qal li l-Oppożizzjoni jidhrilha li hemm bażi legali soda sabiex il-kuntratt jitwaqqaf u l-isptarijiet ta’ St Luke’s, Karin Grech, u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jerġgħu lura għand il-pubbliku.

04.01.2018

Share

Il-Ministru Michael Farrugia jiġġustifika l-vjolenza domestika

Il-Partit Nazzjonalista jikkundana l-kummenti tal-Ministru Michael Farrugia li jiġġustifikaw il-vjolenza domestika.

Il-kummenti tal-Ministru Michael Farrugia li jekk taħdem siegħat twal jiskużak minn abbuż ta’ vjolenza domestika huwa nsult u ta' hsara kbira għall-vittmi kollha tal-vjolenza domestika.

Il-Ministru Farrugia qiegħed jiddefendi lill ex-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Mario Tonna li rriżenja wara li sar rapport mis-sieħba tiegħu jakkużah bi vjolenza domestika – liema rapport ġie żvelat mil-ġurnal In-Nazzjon.

Huwa inaċċettabbli li uffiċjal tal-Korp tal-Pulizija jwettaq reati ta’ vjolenza domestika, iżda huwa aktar gravi li l-Ministru Farrugia, responsabbli mill-Korp, jipprova jitfa’ kollox taħt it-tapit u jiġġustifika dan għax l-persuna imsemmija tkun għamlet ħin twil ta’ xogħol.

Il-kummenti tal-Ministru Farrugia huma insult u daqqa ta’ ħarta għall-vittmi kollha ta’ vjolenza domestika.

L-isforz nazzjonali li qed isir minn ħafna organizzazzjonijiet, professjonisti u anke’ l-Oppożizzjoni biex tingħeleb il-problema tal-vjolenza domestika, qed jiġi sistematikament mminat mill-Ministru tal-Gvern li suppost huwa responsabbli mill-protezzjoni u s-sigurtà taċ-ċittadini.

Mhux talli l-Ministru ma’ ħax passi u keċċa l-Assistant Kummissarju Mario Tonna, iżda agħar min hekk il-Gvern tiegħu tah żewġ promozzjonijiet u issa, qiegħed jipprova minn kliemu jiskuża lil minn wettaq dan l-allegat reat.

David Agius

Kelliem għad-Drittijiet Ċivili u Viċi-Kap għall-Affarijiet tal-Parlament

 

Beppe Fenech Adami

Kelliem għall-Intern

01.03.2018

Share

L-Oppożizzjoni tippreżenta mozzjoni biex iż-Żonqor jingħata lura lin-nies

L-Oppożizzjoni ippreżentat mozzjoni lill-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia sabiex l-art verġni fiż-Żonqor terġa’ tingħata lura lin-nies. Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius, akkumpanjat mill-Assistant Whip Frederick Azzopardi u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Karol Aquilina, qal li l-Oppożizzjoni sa mill-bidu nett tas-sena qed tagħti sinjal qawwi li se tkun serja u tiffoka fuq dak li jridu n-nies.

David Agius qal li l-Oppożizzjoni trid li tiddiskuti mal-Gvern sabiex l-art ODŻ li ingħatat lill-kumpanija Sadeen Education Investment Limited fl-2015 terġa’ tmur lura għand il-pubbliku hekk kif l-American University of Malta mhix qed tattira n-numru ta’ student li kienet bassret. Mhux talli tnaqqsu l-miri tal-istudenti b’mod drastiku iżda tkeċċew ukoll il-ħaddiema qal David Agius.

Il-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament qal li diġà hemm ħames għaqdiet ambjentali li qiegħdin isejħu bex l-art tingħata lura lill-pubbliku u sostna li l-Membri Parlamentari għandhom obbligu li jagħtu widen lil dak li jridu n-nies.

Karol Aquilina qal li l-pajjiż kellu jagħmel investiment enormi biex il-proġett tal-università jkun jista’ jseħħ iżda l-miri tal-kumpanji qed ikomplu dejjem jonqsu tant li preżentament hemm biss 15-il student. Il-Kelliem għall-Ambjent qal li minħabba li l-art hija ODŻ, suppost li l-bini għandu jsir biss jekk dan jilħaq bżonn nazzjoni. Huwa qal li filwaqt li l-Oppożizzjoni hija favur li jkun hawn investimenti ġodda f’universitajiet f’pajjiżna, hija kontra li art pubblika tintuża għal skopijiet ta’ spekulazzjoni.

L-Iskpeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia irringrazzja lid-delegazzjoni f’isem l-Oppożizzjoni u qal li hija ħaġa tajba li l-Oppożizzjoni qed tippreżenta mozzjoni mportanti fl-ewwel jum ta’ ħidma tas-sena l-ġdida.

Annessa ma’ din l-istqarrija qed tintbagħat il-mozzjoni ppreżentata mill-Oppożizzjoni.

02.01.2018

Share

Deal skandaluż ma’ kumpanija misterjuża li missu qatt ma sar u li kellu jiġi revokat meta kien ċar li hemm nuqqasijiet kbar

Dak li ġie żvelat illum dwar il-kuntratt bejn il-Gvern Malti u l-Vitals Global Health Care jikkonferma d-dubji li ilu jitkellem dwarhom il-Partit Nazzjonalista. Il-Gvern għandu jieqaf jaħbi u jwieġeb għall-mistoqisjiet li qed isiru.

Sal-lum konna nafu li l-Gvern ta koncessjoni ta’ 3 sptarjiet tal-poplu: Karin Grech, Saint Luke’s, u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex,  lill-kumpanija barranija u misterjuża, li l-benefiċarji tagħha ma nafux min huma. 

Illum ġie żvelat li l-kontenut ta’ dawn it-3 sptarijiet inkluż l-apparat mediku ġie mibjugħ lil din il-kumpanija misterjuża għas somma skandaluża ta’ Ewro wieħed biss. Fatt li kien moħbi mill-poplu Malti billi ġie ingassat bl-iswed meta l-Gvern ippublika l-kuntratt.

Illum sirna nafu wkoll li VGH naqset milli tonora l-obbligi kuntrattwali tagħha wara anqas minn sentejn topera dawn l-isptarijiet. Dawn l-obbligi wkoll kienu ingassati bl-iswed meta l-gvern ippublika l-kuntratt. 

Minkejja dan il-Gvern kompla għaddej b'dan il-kuntratt u saħansitra ħalla lil VGH tinnegozja u tbiegħ lil kumpanija privata oħra il-konċessjoni li ħadet fuq l-isptarijiet tal-polu Malti, daqs li kieku l-propjetà tal-poplu hi propjetà tagħha.

Huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed jisħaq li l-kuntratt ma’ VGH kien deal skandaluż ma’ kumpanija misterjuża li missu qatt ma sar u li kellu jiġi revokat meta kien ċar li hemm nuqqasijiet kbar.

Il-Partit Nazzjonalista bħan-nies hemm barra għadu qed jistaqsi:

1.     X’se jagħmel il-Gvern issa li nkixef li d-deal skandaluż li daħal għalih ma’ kumpanija li ħadd ma’ jaf min huma s-sidien tagħha falla?

2.     X’penali impona l-Gvern fuq Vitals Global Healthcare wara li dawn naqsu milli jilħqu milestones importanti kif stipulati fil-kuntratt?

3.     Il-Gvern kif jispjega l-bejgħ tal-apparat kollu ta’ tlett sptarijiet għal Ewro wieħed biss? U għaliex ħass li għandu jingassa bl-iswed din il-parti meta ippublika il-kuntratt?

4.      Kemm laħqu ħadu flus il-Vitals f’dawn is-sentejn li għamlu suppost imexxu l-isptarijiet? Kemm se jirkupra minnhom il-Gvern?

6.    La darba il-ftehim m’għadhux fis-seħħ, il-Gvern lest jippublika il-kuntratt kollu ma’ VGH mingħajr ħabi u ċ-ċensuri bil-linji suwed?

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jistqarr li jinsab imħasseb b'dan il-każ xempju ta' nuqqas ta' trasparenza u nuqqas ta' governanza tajba. F'isem il-poplu Malti jeżiġi tweġibiet ċari u mingħajr ħabi.

31.12.2017

Share

Id-deal misterjuż tal-Vitals ikompli jqajjem id-dubju u l-mistoqsijiet

L-aħbar li l-Vitals Health Care mhux se jibqa’ jopera l-isptarijiet Karin Grech, Saint Luke’s, u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, wara li biss sentejn ilu rebah koncessjoni dubjuza mingħand il-Gvern Malti u wara kuntratt iffirmat ghal 30 sena, qed tqajjem aktar dubji u mistoqsijiet. Il-Gvern għandu jieqaf jaħbi u jwieġeb għall-mistoqisjiet li qed isiru.

Il-Partit Nazzjonalista bħan-nies hemm barra qed jistaqsi:

1.        Għaliex il-Vitals telqet minn Malta meta suppost kellha kuntratt għal 30 sena?

2.        Jekk il-liġijiet Ewropej, li deħlin ftit ġranet oħra, u li jesiġu li s-sidien ta’ kumpaniji jkun magħruf min huma, biex jiġi evitat ħasil ta' flus kienetx ir-raġuni veru li Vitals biegħu malajr il-konċessjoni lil Steward Healthcare System? Issa aktar minn qatt qabel jista’ l-Gvern jghid min huma s-sidien veri ta' Vitals?

3.        Jekk fl-għaġġla biex tiġi mibjugħa u trasferita l-konċessjoni minn Vitals Health Care għal Steward Healthcare System ġewx osservati l-proċeduri u r-regolamenti kollha ta' public procurement?

4.        Huwa minnu li l-Vitals ilhom li telqu minn Malta minn Marzu li għadda? Jekk iva ghaliex ma' kien infurmat ħadd?

5.        Kemm laħqu ħadu flus il-Vitals f’dawn is-sentejn li għamlu suppost imexxu l-isptarijiet?

6.        La darba il-ftehim ma għadux fis-seħħ, il-Gvern lest jippublika il-kuntratt kollhu ma VGH mingħajr ħabi u ċ-ċensuri bil-linji suwed?

Il-Partit Nazzjonalista jinsab mħasseb b' dan il-każ xempju ta' nuqqas ta' trasparenza u nuqqas ta' governanza tajba. F'isem il-poplu Malti jeżiġi tweġibiet ċari u mingħajr ħabi. Fuq kollox qed tintalab assigurazzjoni li dan it-trasferiment mhux se jaffettwa ħażin lill-pazjenti u lilll-istaff.

22.12.2017

Share

Il-Partit Nazzjonalista jaqbel mal-ħatra tal-Professur John Mamo fl-MFSA

Il-Partit Nazzjonalista jaqbel mal-ħatra tal-Professir John Mamo bħala Chairman tal-MFSA. Il-Partit Nazzjonalista għandu fiduċja fl-abbilitajiet tal-Profs Mamo u jawguralu suċċess f'dan l-irwol ġdid li se jokkuppa.

Il-Partit Nazzjonalista diġà esprima s-sentiment tiegħu ta' qbil dwar il-ħatra tal-Professur John Mamo mal-Gvern. Bħal ma dejjem għamel il-Partit Nazzjonalista jikkonferma li fis-settur finanzjarju se jkun qed jaħdem mal-Gvern biex dan jisaħħaħ.

 

Kristy Debono

Kelliema għas-Servizzi Finanzjarji, Gaming, u IT

Partit Nazzjonalista

 

Mario de Marco

Kelliem għall-Finanzi

Partit Nazzjonalista

 

20.12.2017

Share