ŻOMM AĠĠORNAT:

Skambju tal-awguri mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia se jkun qed jaqsam l-awguri tiegħu b’mod personali mal-pubbliku nhar is-Sibt 23 ta’ Diċembru fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, il-Pietà, bejn l-10:00am u 12:00pm.

Adrian Delia se jkun akkumpanjat mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista sabiex ikunu jistgħu jaqsmu x-xewqat għal dan iż-żmien tal-festi u għalhekk dakinhar qiegħed jistieden lill-pubbliku fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

20.12.2017

Share

In-nies mhux jemmnu li l-awtoritajiet qed jieħdu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni bis-serjetà

Nofs il-poplu Malti m’għandhux is-serħan tal-moħħ li l-awtoritajiet u l-pulizija qegħdin jiġġieldu l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus. Il-Partit Nazzjonalista huwa ippreokuppat bir-riżultat fqir li ġabet Malta fl-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea illi juri dan b’mod ċar.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’dispjaċir li Malta hija waħda mill-uniċi 5 pajjiżi li kellhom tnaqqis f’dawn iż-żewģ oqsma. Fl-aħħar sentejn biss, il-fiduċja fl-awtoritajiet biex jiġġieldu l-korruzzjoni waqgħet b’6% filwaqt li l-fiduċja biex dawn jikkumbattu l-ħasil tal-flus niżlet b’5%. Fiż-żewġ każi pajjiżna kien it-tieni l-aktar li mar lura minn fost il-pajjiżi kollha. Dan filwaqt li l-medja tat-28 membru tal-Unjoni Ewropea irreģistraw titjib.

Il-Partit Nazzjonalista jinsab imħasseb li l-poplu qed jitlef l-fiducja fl-istituzzjonijiet tal-pajjiz li jridu jipproteġuh. Il-Partit Nazzjonalista  jappella lill-Gvern biex ma jħallix lill-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jkomplu jitnawwru.

 

Beppe Fenech Adami                                                                                        Jason Azzopardi

Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-intern                                                  Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-ġustizzja

19.12.2017

 

Share

Il-Parlament sab konsensus wara emenda mressqa mill-PN

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tilqa' b'sodisfazzjon l-aħbar li l-Gvern se jkun qed jivvotta favur emenda mressqa minnu rigward l-mozzjoni tal-park tal-Majjistral. Dan ifisser li hemm konsensus fil-Parlament dwar l-emenda mressqa mill-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li f'din l-kwistjoni rebaħ is-sens komun u coie’ li issir konsultazzjoni wiesa’ mal-partijiet kollha nvoluti dwar t-triq ‘il quddiem f'dan il-park tal-Majjistral.

Dan huwa il-mod ġdid kif il-Partit Nazzjonalista se jibda jwettaq il-politika, taħt it-tmexxija ta' Adrian Delia. Politika li ssib kunsens fejn meħtieġ u tikritika, anke' b'mod qawwi fejn jkun hemm il-bżonn.

18.12.2017

Share

Il-Partit Laburista jeħtieġ jibda jikkonvinċi lil sħabu

Li kieku ma kinitx għall-ħidma tal-Ewroparlamentari tal-Partit Nazzjonalista, din il-ġimgħa Malta kienet tingħata tikketta ta' 'tax haven'. Filwaqt li dalgħodu ftaħar bl-ekonomija, Joseph Muscat naqas milli jsemmi l-impatt li dan il-vot seta' kellu fuq l-ekonomija kieku għaddiet tas-Soċjalisti.

Huwa ċar, mid-diskors ta' Joseph Msucat fil-laqgħa politika ta' dalgħodu, li jrid li l-aġenda tal-Partit Nazzjonalista ssir minn ħaddieħor. Dan iżda mhux se jkun il-każ għax il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li l-aġenda tal-Partit Nazzjonalista se jibda jagħmilha l-istess Partit Nazzjonalista.

Joseph Muscat huwa inkwetat għax minn issa 'il quddiem, il-Partit Nazzjonalista se jkun Partit pożittiv u Oppożizzjoni b'saħħitha.

17.12.2017

 

Share

Malta jixirqilha Partit Nazzjonalista pożittiv u Oppożizzjoni b’saħħitha

Il-Partit Nazzjonalista għandu d-dmir li jerġa’ jwelled lil pajjiżna mill-ġdid u jara li Malta tkun tassew ta’ kulħadd. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività politika f’Ħal Balzan bit-tema ‘Partit Pożittiv, Oppożizzjoni b’Saħħitha’.

Adrian Delia qal li kien dejjem il-Partit Nazzjonalista  li mexxa lil Malta ‘l quddiem u ħadem għal dak kollu li l-Gvern jiftaħar bih illum. Huwa qal li Malta reġa’ għandha bżonn lill-Partit Nazzjonalista mhux biss biex traġġa’ lura n-normalità fl-istituzzjonijiet iżda biex ġġib il-bidla li pajjiżna qed jistenna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li llum il-politika trid terġa’ tmur lura għal dak li huwa bażiku. Huwa qal li minkejja ċ-ċifri li l-Gvern iħobb jiftaħar bihom, hemm aktar minn 100,000 persuna li qiegħdin jgħixu fil-faqar jew jinsabu fir-riskju tal-faqar. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jitkellem għal dawn ukoll aktar u aktar għax il-Gvern qed jinjorahom.

Il-Partit Nazzjonalista għandu l-obbligu li joħloq pjan biex itejjeb il-ħajja tan-nies, qal Adrian Delia. Huwa qal li l-Partit  Nazzjonalista dejjem kellu l-kuraġġ li jemmen fil-poplu Malti u Għawdxi u qal li llum wasal żmien ta’ bidla oħra għall-aħjar. Adrian Delia qal Malta jixirqilha li jkollha Partit Nazzjonalista li jemmen tassew f’pajjiżu, fin-negozjanti tiegħu, fil-familji u ż-żgħażagħ.

Partit Pożittiv

Adrian Delia qal li n-nies qed jifhmu li hemm bżonn tal-Partit Nazzjonalista sabiex id-demokrazija f’pajjiżna tibqa’ ħajja. Huwa qal li issa l-Partit Nazzjonalista wkoll qiegħed jersaq lejn in-nies bħala individwi biex jifhem x’inhuma il-preokkupazzjonijiet u l-bżonnijiet tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista huwa partit tassew miftuħ li jaċċetta u jinkoraġġixxi vuċijiet differenti, qal Adrian Delia. Huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jista’ jitkellem li b’leħen wieħed, għaliex veduti differenti jiġu diskussi b’mod apert. Huwa qal li s-siġġijiet fil-Parlament mhumiex tad-deputati iżda tal-eluf ta’ nies li taw il-fiduċja tagħhom permezz tal-vot. Għalhekk, qal Adrian Delia, in-nies għandhom l-obbligu li jikkontribwixxu u jsemmgħu leħinhom sabiex jagħtu direzzjoni lid-deputati tagħhom.

Adrian Delia qal li f’dawn l-aħħar erba’ il-Parit Nazzjonalista kien għaddej minn ristritturar organiżżattiv u finanzjarju li qassam id-dejn fuq medda ta’ snin permezz ta’ pjan li ra lil ċerti każin ijitqiegħdu f’fond speċjali. Adrian Delia qal li s-sitwazzjoni issa hija stabbli iżda l-Partit Nazzjonalista xorta waħda jrid u qed jibqa’ jagħmel sforz biex ikompli jissaħħaħ.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-ġabra kbira tal-Maratona tal-Ħadd li għadda, filwaqt li kienet l-akbar waħda li qatt saret, xorta ma laħqitx ir-riżorsi kollha possibbli. Adrian Delia qal li jemmen li hemm aktar u aktar nies li jistgħu jikkontibwixxu u il-Partit Nazzjonalista se jaħdem sabiex dawn ukoll jagħmlu l-biċċa tagħhom biex jiggarantixxu partit pożittiv għall-ġid ta’ pajjiżna.

 

 

Oppożizzjoni b’Saħħitha

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din qed tkun Oppożizzjoni kostruttiva u proattiva li tipproponi hija l-liġijiet u d-direzzjoni lill-pajjiż ladarba l-Gvern qed jonqos milli jagħmel dan. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista huwa l-mod kif issir din il-bidla, u l-Parlament huwa l-post fejn din il-bidla ssir.

Il-Partit Nazzjonalista diġà qed juri, qal Adrian Delia, kif l-Oppożizzjoni mhux se tkun qed tikkritika lil Gvern biss, iżda se turi wkoll kif pajjiżna jista’ jitmexxa aħjar għall-ġid tan-nies. Adrian Delia qal li l-poplu Malti u Għawdxi qed jibda jara kif, anke mill-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista qed ikun strumentali biex l-affarijiet jitjiebu.

Adrian Delia qal li hawn faxxa f’pajjiżna li qed tgawdi mill-ekonomija, iżda żied li jekk Gvern korrott kapaċi jħalli l-ekonomija tikber, aħseb u ara kemm Gvern nadif kapaċi jġib aktar tkabbir u jqassmu b’mod aktar ġust. 

Adrian Delia qal li l-aġenda tal-Partit Nazzjonalista jfassalha biss il-partit, u qal li jemmen li l-Partit Nazzjonalista m’għandux jiddejjaq minn dak li huwa u dak li jirrapreżenta. Huwa qal li filwaqt li l-Partit Nazzjonalista għandu jkollu l-umiltà li jirrikonoxxi l-iżbalji li għamel, għandu jkollu wkoll il-kuraġġ li jitkellem fuq dak il wettaq għall-pajjiż matul is-snin li kien fil-Gvern.

17.12.2017

Share

Il-Partit Nazzjonalista se jressaq emenda għall-mozzjoni dwar il-Park Majjistral

F’laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista illejla, ġie maqbul li fid-diskussjoni  Parlamentari ta’ nhar it-Tnejn li ġej dwar il-mozzjoni tal-Park tal-Majistral titressaq is-segwenti emenda.

 

L-Onor.  David Agius MP, l-Onor Robert Arrigo u l-Onor Robert Cutajar jipproponu li:

 

Jitneħħa l-kliem minn – “Nosservaw li Artiklu 55(1)...” sal-kliem  “...  taċ-ċittadini ta’ kull eta”. 

 

U minflok daħħal dan li ġej....

 

“Għaldaqstant qed jiġi mitlub li din il-kamra taqbel li peress li ma kienx hemm qbil min-naħa tal-bord maħtur mill-istess Gvern li kien jinkludi n-Nature Trust, Gaia Foundation u Din l-Art Ħelwa u li dawn unanimament taw il-parir tagħhom kontra l-estensjoni taż-żieda fil-ħinijiet, din il-Kamra qed taqbel li tinfetaħ konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet kollha nteressati ħalli tinstab soluzzjoni mal-partijiet kollha kkonċernati.”

 

Il-Partit Nazzjonalista jistieden lill-Gvern biex jaqbel ma din l-emenda biex tkun tista’ tintlaħaq soluzzjoni aċċettabbli.

 

16.12.2017

Share

Mozzjoni mressqa quddiem l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista llum il-15 ta’ Dicembru 2017

Dwar ix-xoljiment uffiċjali tal-ftehim li ħoloq il-Forza Nazzjonali

 

Peress li l-Partit Nazzjonalista (PN) u l-Partit Demokratiku (PD) kienu ffirmaw ftehim fejn qablu li jifformaw Forza Nazzjonali, li permezz tagħha jkunu jistgħu jippreżentaw lista ta’ kandidati komuni għall-elezzjoni ġenerali bil-għan li sussegwentament jiġi ffurmat Gvern li jieħu deċiżjonijiet fl-interess nazzjonali; u

Peress li fl-elezzjoni ġenerali ta’ Ġunju 2017, il-Forza Nazzjonali ma rebħitx il-maġġoranza neċessarja biex tifforma Gvern kif intenzjonat;

Niddikjaraw li din l-allejanza issa hija xolta u li kull forma ta’ koperazzjoni mar-rappreżentanti tal-Partit Demokratiku issir biss skont il-każ u b’każ każ.

 

Proponent

Clyde Puli MP, Segretarju Ġenerali PN

 

Sekondanti

L-Uffiċjali u l-Membri kollha tal-Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista

 

15/12/2017

Share

Appoġġ sħiħ għal Malta mill-Partit Popolari Ewropew

Il-Partit Nazzjonalista jgawdi minn rispett qalb il-membri tal-Partit Popolari Ewropew u dawn qed jappoġġjaw lil Malta fis-sitwazzjoni li tinsab fiha. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista fi tmiem is-Summit tal-PPE li sar fi Brussell. 

Adrian Delia qal li sab appoġġ mill-kapijiet l-oħra tal-PPE u qal li ħa l-okkażjoni biex Malta jibqa’ jkollha s-sostenn li teħtieġ fl-Ewropea. Huwa qal li kien grazzi għal din ir-relazzjoni li rnexxielna nissalvagwardjaw il-pożizzjoni ta’ pajjiżna fis-settur tas-servizzi finanzjarji kontra l-mozzjoni tal-Partit Soċjalista Ewropew fil-Parlament Ewropew il-bieraħ.

Adrian Delia qal li dan kien Summit kostruttiv u l-Partit Nazzjonalista ta l-kontribut tiegħu b’mod partikolari fuq it-temi tal-Brexit u tal-immigrazzjoni, żewġ oqsma li jolqtu lil Malta b’mod dirett.

F’laqgħa mal-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar dak li qed jiġri f’Malta bħalissa u l-konsegwenzi li dan kollu jista’ jħalli. Huwa ddeskriva l-laqgħa bħala waħda tajba ħafna fejn flimkien iddiskutew il-mod kif pajjiża qed jidher mill-perspettiva tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu wkoll laqgħa mal-President tal-PPE Joseph Daul fejn flimkien iddiskutew program ta’ koperazzjoni aktar mill-qrib sabiex il-Partit Nazzjonaslita jkun iżjed attiv fi ħdan il-familja tal-Partiti Popolari u biex dawn ikunu jistgħu jappoġġjaw lill-Partit Nazzjonalista bi tħejjija għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li ġejjin.

14.12.2017

Share

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jipparteċipa fis-Summit tal-PPE

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qed jieħu sehem fis-Summit tal-Partit Popolari Ewropew li qed jitlaqqa’ llum fi Brussell. Dan huwa l-ewwel Summit tal-PPE li għalih qed jieħu sehem Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Is-Summit qed jitlaqqa’ fl-isfond tal-vot li ttieħed il-bieraħ fil-Parlament Ewropew fuq t-talba li ressaq il-Partit Soċjalista Ewropew fejn sejħet biex Malta tiġi dikjarata bħala Tax Haven. It-talba tas-Soċjalisti ingħelbet bl-aktar marġinu żgħir possibbli grazzi għall-ħidma tal-MEPs tal-Partit Nazzjonalista David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech li rnexxielhom jikonvinċu wkoll lil MEPs ta’ partiti oħra.

Adrian Delia se jieħu l-opportunità biex jispjega s-sitwazzjoni ta’ Malta jiddefendi lil isem pajjiżna mal-Kapijiet u l-mexxejja l-oħra tal-PPE. Huwa se jkompli jisħaq li Malta mhix Tax Haven.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista huwa akkumpanjat mil-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-affarjiet Ewropej David Stellini u s-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Roselyn Borg Knight.

14.12.2017

Share

Partit pożittiv. Oppożizzjoni b saħħitha.

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed iħares ‘il barra u aktar nies qed jerġgħu iħossu li dan dan huwa l-partit tagħhom. F’dawn l-aħħar xahrejn sar kuntatt ma’ aktar minn 6,000 persuna li kienu qatgħu kuntatt minn mal-Partit Nazzjonalista. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista telefonika fuq Radio 101.

Adrian Delia qal li din hija ġurnata mportanti għaliex matulha qed jinġabru fondi sabiex il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jkompli bil-ħidma tiegħu. Iżda aktar minn għotja finanzjarja, il-kontribut tan-nies qiegħed ikun dikjarazzjoni b’saħħitha favur il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li n-nies qiegħdin qiegħdin iħossu posthom f’din il-ħidma politika għall-ġid tal-pajjiż.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-ġbir tal-fondi matul il-Maratona ‘Jien Lest li Ngħin’ huwa messaġġ qawwi, li minkejja li l-Partit Nazzjonalista għadda minn erba’ snin diffiċli, in-nies għandhom jemmnu fih. Huwa qal li, fl-istess ħin, dan huwa wkoll messaġġ ta’ tama u ta’ unità b’risposta għas-sitwazzjoni li jinsab fiha pajjiżna.

Adrian Delia qal li kull soċjetà f’Malta timxi grazzi għall-ġenerożità tal-volontarjat u tenna li l-Partit Nazzjonalista wkoll, kuljum għandu wara l-ħidma tiegħu mijiet ta’ persuni li jagħtu s-sehem tagħhom bil-kwiet u mingħajr ma jistennew xejn lura. Huwa rringrazzja lil dawn il-persuni u qal li l-Maratona ‘Jien Lest li Ngħin’ hija wkoll meżż kif il-Partit Nazzjonalista jirrikonoxxi u jirringrazzja lil dawn il-voluntiera.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li ħafna minn dawk li ġew avviċnati f’dawn l-aħħar xahrejn fittxew immedjatament li jerġgħu jttesseraw, li jagħmlu appuntament, jew li jifhmu aħjar il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li dan l-eżeċizzju se jkompli għaddej fix-xhur li ġejjin mhux biss biex il-familja tal-Partit Nazzjonalista tkompli tikber, iżda sabiex firxa aktar wiesa’ ta’ persuni jkunu jistgħu ikollhom sehem mid-direzzjoni u l-ħidma politika.

Adrian Delia qal li l-entużjasmu li hemm illum huwa u jdur il-Każini tal-Partit Nazzjonalista f’diversi lokalitajiet, juri li n-nies qed iħossuhom parti minn partit li jagħti vuċi għal dak li jemmnu fih.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li l-Maratona Ġbir ta’ Fondi ‘Jien Lest li Ngħin’ tiftaħ illum il-Ħadd 10 ta’ Diċembru f’nofsinhar, fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalsta, fil-Pietà.

10.12.2017

Share