ŻOMM AĠĠORNAT:

Joseph Muscat ikejjel b’xibru, jibża’ jkeċċi lil Konrad Mizzi u Keith Schembri li huma mdaħħla fi skandli kbar u jrid lil ħaddiehor ikeċċi lil min mexa b’mod korrett

Reazzjoni għall-istqarrija tal-Partit Laburista

Il-Partit Laburista kompla bit-tattika tiegħu biex jiddevja l-attenzjoni minn fuq il-kriżi li hawn fl-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. L-unika persuna li qed jibża’ jkeċċi lil min abbuża huwa Joseph Muscat stess li, minkejja l-iskandlu kbir tal-Panama Papers, żamm miegħu lil Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Jgħatti kemm jipprova jgħatti, l-inkwiet intern bejn il-fazzjonijiet fi ħdan il-Partit Laburista qed joħroġu dejjem aktar ċari. Dan hekk kif Joseph Muscat kellu jidħol medjatur bejn Robert Abela u Ian Borg li qed jissieltu bejniethom dwar min se jeħodlu postu.

Filwaqt li dawk qrib Ian Borg qed jxerrdu il-kelma li Robert Abela ħa aktar minn nofs miljun f’konsulenzi taħt dan il-Gvern, dawk qirb Robert Abela qed isemmu l-każ tal-art li Ian Borg ħa mingħand anzjan bi prezz baxx, fejn hemm allegazzjoni li approfitta ruħu.

Dwar l-istorja tal-Partit Laburista fuq il-proprjetà fi Spinola Albert Mamo, li kien Kummissarju tal-Artijiet meta sar l-ftehim, xehed quddiem il-Public Accounts Committee li ma rċieva qatt direzzjoni, indħil jew ordnijiet l-Ministru responsabbli dwar il-każ. Is-sur Mamo tenna li l-proċess sħiħ kien immexxi mid-Direttur Ġenerali u l-Ministru mexa eżatt skont il-parir miktub tal-uffiċjali taċ-ċivil.

29.11.2017

Share

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jiltaqa’ mal-Ambaxxatur Iżraeljan

Malta u Iżrael huma eżempju ċar li l-importanza ta’ pajjiż ma tiddependix mid-daqs tiegħu. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt laqgħa mal-Ambaxxatur ta’ Iżrael f’Malta Eyal Sela.

Adrian Delia qal li ż-żewġ pajjiżi għandhom ħafna x’jgħaqqadhom fil-valuri bażiċi u fil-kultura tagħhom. Huwa qal li r-relazzjoni bejn Malta u Iżrael mhijiex biss diplomatika iżda waħda ta’ ħbiberija.

L-Ambaxxatur Sela irringrazzja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista tal-laqgħa u semma’ li f’Malta huwa jara xebh ma’ Iżrael. Huwa esprima x-xewqa tiegħu li, bl-għajnuna tal-Partit Nazzjonalista, iż-żewġ pajjiżi jkunu jistgħu ikomplu jtejjbu r-relazzjoni ta’ bejniethom.

Il-Kap tl-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Kelliem għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici.

28.11.2017

Share

Il-Gvern għandu jiftaħ inkjesta indipendenti biex jiġu ssiġillati d-dokumenti ġodda b’rabta mal-Panama Papers

B’rabta mal-aħbar fil-gazzetta ‘Sueddeutsche Zeitung’ li se jaslu aktar dokumenti f'pajjiżna tad-ditta Mossack Fonsecab’rabta mal-Panama Papers, il-Partit Nazzjonalista jsejjaħ biex minnufih il-Gvern jaħtar inkjesta indipendenti biex jiġu ssiġillati u investigati bir-reqqa dawn id-dokumenti ġodda.

Bħalma tenna bosta drabi, il-Partit Nazzjonalista ma għandux fiduċja fil-Kummissarju tal-Pulizija u għalhekk isostni li l-inkjesta għandha titmexxa minn persuni li jgawdu l-fiduċja ta’ kulħadd, tliet eks-Imħallfin, bil-ħatra ssir bi qbil mal-Oppożizzjoni taħt l-att dwar l-inkjesti.

Jekk il-Gvern ma jilqax din it-talba minnufih, illejla stess, ikun ifisser li ma jridx investigazzjoni serja u tkun turija ċara li ma jridx il-verità toħroġ fi skandlu li jinvolvi ċ-Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri, u l-Ministru Konrad Mizzi. 

26.11.2017

 

Share

Gvern ta’ illużjonijonijiet minflok pjanijiet

Il-purtiera ta’ llużjoni li tella’ l-Gvern Laburista f’dawn l-aħħar snin issa bdiet taqa’ quddiem għajnejn kulħadd. Fl-aktar sena li pajjiżna rreġistra surplus, kellna l-akbar numru ta’ nies fuq il-preċpizju tal-faqar, bl-aħħar statistiċi juru li 100,000 persuna issa qiegħdin f’riskju tal-povertà. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività politika f’Ħal Qormi bit-tema ‘Ġustizzja, Sigurtà, Libertà’.

Adrian Delia qal li jekk gvern korrott jista jikkrea l-ġid, gvern nadif Nazzjonalista jista’ joħloq aktar ġid; jekk gvern li ma jimpurtahx minn isem pajjiżu jirnexxielu joħloq ix-xogħol, gvern Nazzjonalista li jħobb lil pajjiżu se jirnexxielu joħloq aktar.

L-ebda pjan għas-saħħa

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li kellna l-illużjoni li l-qasam tas-saħħa f’pajjiża kien miexi b’mod perfett iżda r-realtà hija li ta’ kuljum jaslu rapporti li s-sistema sejra lura u mhux ‘il quddiem. Malta baqgħet l-ewwel fil-marda tad-dijabete, qal Adrian Delia, u minkejja li l-Gvern sena wara l-oħra wiegħed li se jagħti l-isticks tal-kura tad-dijabete b’xejn, baqa’ qatt ma għamel hekk.  

Lanqas is-saħħa metali ma jieħu bis-serjetà il-Gvern, tenna Adrian Delia. Huwa semma kif is-sitwazzjoni fi Sptar Monte Karmeli issa hija gravi. Adrian Delia qal li huwa preokkupanti kif, wara li bi traskuraġni pazjent spiċċa miet bil-Leġjonella, il-Gvern naqas milli jirraporta dan il-każ ta’ nfezzjoni bħalma huwa obbligat bil-liġi.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li fl-għoxrin sena li ġejjin se tiżdied id-domanda għad-djar tal-anzjani iżda l-Gvern mhu qed jagħmel l-ebda pjan, la fejn hija l-art, fejn se jsiru l-investimenti, jew minn fejn se jinstab il-kapital. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li minkejja li l-Gvern jiftaħar bil-ġid ekonomiku, mhuwiex kapaċi jaħseb għall-futur qrib.

L-ebda pjan għat-trasport

Adrian Delia qal li fi żmien Gvern Nazzjonalista kienu jċemplu mijiet ta’ persuni  b’mod organiżżat biex jilmentaw fuq is-sistema tat-trasport. Huwa qal li minkejja li minn mindu tela’ Gvern Laburista dawn waqfu, din il-ġimgħa stess numru ta’ esperti stqarrew it-tħassib tagħhom miegħu li n-nuqqas ta’ pjanifikazzjoni fl-infrastruttura ta’ pajjiżna, b’mod partikolari f’żoni ta’ densità għolja, se twaasal f’sitwazzjoni f’pajjiżna ta’ total gridlock fi żmien tliet snin. Il-Gvern mhuwiex jippjana lanqas għall-ftit snin li ġejjn, qal Adrian Delia.

L-ebda pjan għas-settur finanzjarju

II-settur tal-servizzi finanzjarji inħoloq u kiber grazzi għall-Gvern Nazzjonalista, qal Adrian Delia, Huwa tenna  li waqt konferenza li saret ftit jiem ilu, il-Prim Ministru naqas milli jagħti l-viżjoni li dan is-settur u pajjiżna tant għandhom bżonn. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jekk wieħed jifhem dak li qed jgħid Joseph Muscat, huwa ta’ tħassib kbir għax jidher li l-Gvern mhux qed jgħaraf il-problema. 

L-isfida ewlenija fis-servizzi finanzjarji ta’ pajjiżna llum, qal Adrian Delia, hija r-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Huwa qal li Malta kienet ħadmet bla qatiegħ sabiex tibni ċentru ta’ servizzi finanzjari ta’ eċċellenza u li matul is-snin din ġabet investiment li pajjiżna għadu jgawdi minnu sal-lum. Fl-aħħar erba’ snin taħt Gvern Laburista, din ir-reputazzjoni marret il-baħar, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, u issa minflok niftaħru b’pajjiżna rridu mmorru niddefendu isem pajjiżna.

Il-problema fundamentali ta’ dan kollu huwa n-nuqqas ta’ pjan tal-Gvern, qal Adrian Delia. Huwa fakkar kif meta sar Kap tal-Partit Laburista, Joseph Muscat kien qal li huwa qed jaħseb biex jagħmel għaxar snin Prim Ministru u mhux qed jaħseb x’se jiġri minn pajjiżna wara li huwa jitlaq. Adrian Delia qal li Joseph Muscat tant ma jinteressahx minn Malta li ħsiebu biex ibiegħha, u jagħtieha lill-barranin mhux magħrufa.

Politika tas-sewwa mhux tal-konvenjenza

Il-Partit Nazzjoanlista fil-Gvern kien għamel liġi li tipproteġi il-ħajja tal-embrijun permezz tal-Embryo Protection Act, qal Adrian Delia. Huwa fakkar li f’dik il-liġi il-Gvern flimkien mal-Oppożizzjoni kienu għamlu definizzjoni ta’ ġenitur bħala mara u raġel. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hija ħaġa tajba issa li l-ġenituri jkunu jistgħu jingħataw l-assistenza medika sabiex isiru ġenituri, inkluż billi jingħataw siegħat ta’ leave bħalma tipproponi l-legal notice li ppreżenta l-ministru.

Adrian Delia qal li, iżda, l-Oppożizzjoni stiednet lill-Gvern sabiex qabel jgħaddi dan l-avviż legali, tinbidel il-liġi ħalli d-definizzjoni ta’ ġenitur tiġi konsistenti. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li, minflok fetaħ il-bieb għad-diskusjoni fuq materja delikata, il-Gvern għażel li jipprova jgħaddi mit-tieqa mingħajr ma jsib qbil bejn il-partijiet kollha.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li kien ikun eħfef li kieku l-Oppożizzjoni għamlet bħall-Gvern biex tingħoġob, u njorat il-prinċipji delikati. Iżda, huwa qal li l-Partit Nazzjonalista huwa differenti mill-Partit Laburista għax ifittex dejjem dak li huwa korrett flok dak li huwa faċli.

Id-diversità tgħaqqad il-Partit Nazzjonalista

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista għandu fi ħdanu persuni li għandhom ideat differenti minn xulxin, u qal li huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista biss jista’ jagħmel id-differenza. Il-Kap tl-Partit Nazzjonalista qal li d-diversità tal-ideat għandha tkun l-akbar sors ta’ għaqda speċjalemt quddiem Gvern li jrid jgħaddi bħal romblu minn fuq kulħadd.

Il-Partit Nazzjonalista huwa l-forza li biddel il-ħajja tal-pajjiż u tal-familji għall-aħħar sena, qal Adrian Delia. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jieħu  l-politika bis-serjetà għax jemmen tassew li pajjiża għandu bżonn ta’ Gvern li jħobb lil pajjiżu. Huwa qal li, f’dan il-mument iktar minn qabel, Malta għandha bżonn ta’ Gvern li jaħseb fit-tfal u mhux fil-but ta’ dawk ta’ madwaru.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-mod ġdid tal-politika qiegħed joffri tama ġdida għall-istudenti, negozjanti, familji, u anke Laburisti li issa xebgħu minn kif jimxi l-Gvern ta’ Joseph Muscat. Huwa qal li anke l-barranin li ilhom jgħixu Malta issa qed jibdew jinkwietaw ukoll dwar dak li qed jiġri f’Malta. Il-kritika ma tfissirx li inti negattiv, qal Adrian Delia, iżda li tħobb lil pajjiżek.

26.11.2017

Share

Joseph Muscat sieket dwar l-inkwiet bejn Robert Abela u Ian Borg

Hekk kif qed tisħon il-qiegħa bejn id-Deputat Laburista Robert Abela u l-Ministru Ian Borg dwar min minnhom se jieħu post Joseph Muscat, l-istess Muscat ma lissen ebda kelma dwar il-fatt li kellu jagħmilha ta' medjatur bejn dawk li qed jaħdmu biex jeħdulu postu. 

MinflokJoseph Muscat għażel li jitkellem dwar is-surplus u l-ekonomija, l-istess surplus li l-ekwivalenti ta' 15% minnu marru għand persuna waħda, id-deputat tiegħu Robert Abela.

Mhux ta' b'xejn li dawk qrib Ian Borg qed ixerrdu kemm jista’ jkun il-kelma li Robert Abela ħa 600,000 f'konsulenzi mill-Gvern ta' Joseph Muscat. 

Fl-istess nifs li ta 600,000 lil Robert Abela, Joseph Muscat ftaħar li l-faqar fost it-tfal naqas bi ftit aktar minn 2%, dan meta fadal kwart tat-tfal Maltin li għadhom jgħixu f'riskju ta' faqar. 

Għal darboħra Joseph Muscat wera li s-sigurtà f'pajjiżna mhux qiegħda fuq l-aġenda tiegħu, anke jekk għal ġimgħa oħra rajna bosta atti kriminali jseħħu mal-pajjiż kollu, inkluż illum stess 

26.11.2017

Share

Il-Partit Nazzjonalista jappoġġja bi sħiħ l-inizjattiva tal-MEP David Casa

Il-Partit Nazzjonalista jappoġġja bi sħiħ l-inizjattiva meħuda mil-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, l-MEP David Casa li talab lill-Bord ta’ Superviżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew biex jintervjeni fil-każ tal-Bank Pilatus.

Huwa ta' għajb li David Casa ma kellux triq oħra għajr li jirrikorri għall-intervent tal-Bank Ċentrali Ewropew wara li t-talbiet tiegħu lill-MFSA waqgħu fuq widnejn torox.

Il-Bank Pilatus jinsab fiċ-ċentru tal-iskandlu tal-Panama Papers fost l-oħrajn.

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jagħti l-appoġġ kollu tiegħu f’kull żvillupp li jista’ jseħħ f'dan ir-rigward.

25.11.17​

Share

Eletti l-uffiċjali l-ġodda tal-Partit Nazzjonalista

Fil-laqgħa tal-eżekuttiv li saret illejla nħatru l-uffiċjali l-ġodda tal-Amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista. Il-lista ta’ persuni eletti hi s-segwenti:

Clyde Puli – Segretarju Ġenerali tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista

Mark Anthony Sammut – President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista

David Stellini – President tal-Kumitat Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista

Roselyn Borg Knight – Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista

David Camilleri – Teżorier tal-Partit Nazzjonalista

23.11.2017

Share

Joseph Muscat mhux se jkun qed jagħti free vote fuq il-liġi tal-protezzjoni tal-embrijuni

Il-vot tal-bieraħ fil-Parlment, wera bl-aktar mod ċar li Joseph Muscat mhux se jkun qed jagħti free vote lid-deputati tiegħu meta jiġi biex jemenda l-liġi tal-protezzjoni tal-embrijuni.  Min-naħa l-oħra l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia diġa’ ddikjara li se jkun qed jagħti free vote lid-deputati tal-Partit Nazzjonalista.

Dak li għamel Joseph Muscat bl-avviz legali dwar l-IVF, kien li rabat idejn id-deputati Laburisti biex ma jkunux fil-libertà li jivvuttaw skont il-kuxjenza tagħhom meta jemenda l-liġi tal-protezzjoni tal-Embrijuni. Dan għaliex Jospeh Muscat għażel li jressaq l-Avviż Legali minflok ma emenda l-liġi.

Kien għalhekk  li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ressqet il-mozzjoni li ġiet diskussa il-bieraħ, sabiex id-deputati Nazzjonalisti jibqgħu fil-libertà li jivvuttaw skont il-kuxjenza tagħhom meta tiġi emendata l-liġi għall-protezzjoni tal-embrijuni.  Jekk Joseph Muscat irid jbiddel il-liġi tal-protezzjoni tal-embrijuni għandu jagħmel dan billi jressaq emenda fil-liġi tal-protezzjoni tal-embrijuni u mhux jipprova jgħaddi romblu minn fuq kulħadd.

23.11.2017

Share

Kwart tat-tfal Maltin mhux jħossu s-surplus

Jinsabu f’riskju ta’ faqar.

Hekk kif aktar kmieni din il-ġimgħa ġie mfakkar il-jum dinji għat-tfal, statistika ppublikata uriet biċ-ċar kif is-surplus li l-Gvern tant jiftaħar bih zgur mhux qed jasal għand kwart tat-tfal Maltin. 

Minflok jirrikonoxxi li r-riskju ta’ faqar fost t-tfal hija problema f’pajjiżna, il-Partit Laburista dalgħodu ftaħar li din iċ-ċifra naqset bi ftit aktar minn 2% minn kemm ilhu fil-Gvern l-istess Partit Laburista. 

Kieku l-Gvern minflok uża mijiet ta’ eluf ta’ ewro fi propoganda fuq il-mezzi soċjali, nefaqhom biex jonqos ir-riskju tal-faqar fost t-tfal, din ċ-ċifra kienet tkun ferm inqas 

Li kieku l-Gvern minflok ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ewro f’konsulenzi lil tal-qalba, fosthom deputati tiegħu stess, nefaqhom biex jindirizza din il-problema, illum hawn inqas tfal f’riskju ta’ faqar. 

Huwa ċar li t-tnaqqis tar-riskju tal-faqar fost it-tfal mhux prijorita għal dan il-Gvern.

 

23.11.2017

 

Share

Robert Cutajar jinħatar Whip tal-Oppożizzjoni

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ħatar lid-deputat Robert Cutajar bħala Whip tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista. Il-Kap Nazzjonalista ikkomunika d-deċiżjoni tiegħu f’laqgħa tal-Grupp Parlamentari li saret il-lejla. 

Robert Cutajar ġie elett bħala deputat l-ewwel darba fis-sena fl-2013. Cutajar se jkun qed jieħu post id-deputat David Agius li s-Sibt li għadda ġie elett bħala Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-affarjiet tal-Parlament. 

Il-Partit Nazzjonalista jawgura lil Robert Cutajar fil-kariga l-ġdida tiegħu.

22.11.2017

Share