ŻOMM AĠĠORNAT:

Il-Partit Nazzjonalista b’viżjoni mġedda għall-Kunsilli Lokali

Sal-aħħar ta’ Jannar li ġej, Il-Partit Nazzjonalista se jkun ħejja proposti konkreti u fattibbli biex iwasslu għar-riforma fil-qasam tal-Kunsilli Lokali. Dan qalu l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Robert Cutajar qal li l-proposti tal-Partit Nazzjonalista se jkunu qed jittrattaw diversi temi mportanti, fosthom: l-irwol tal-Kuunsilli Lokali fil-qasam soċjali fi ħdan il-komunitajiet; prattiċi aktar effiċjenti u inqas burokratiċi fl-operat ta' kuljum tal-Kunsilli Lokali; l-iżvilupp tar-responsabilitajiet tal-Kumitati tar- Reġjuni; l-infurzar tal-liġijiet fil-lokalitajiet b'aċċenn fuq l-ambjent; il-mod ta' kif tinħadem l-allokazzjoni finanzjarja għall-Kunsilli Lokali; u il-Vot 16.

Robert Curtajar qal li l-Partit Nazzjonalista għadu innovattiv fejn jidħlu il-Kunssilli Lokali, bħalma kien 25 sena ilu meta introduċiehom f’pajjiżna. Huwa qal li t-timeframe għall-preżentazzjoni ta’ proposti ġodda sar bi qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.

Il-Kelliem għall-Kunsilli Lokali qal li d-dokument finali se jkun mibni fuq l-esperjenza u s-sehem tal-Kunsilliera Lokali. Għal dan il-għan, qal Robert Cutajar, il-Partit Nazzjonalista se jorganizza konferenza fejn il-Kunsilliera Lokali kollha huma mistiedna jiddiskutu ideat dwar diversi temi relatati. Huwa qal li l-Konferenza se tkun nhar is-Sibt 2 ta’ Diċembru fil-Lukanda The Palace, f'Tas- Sliema. 

Is-segretarju tal-Kulleġġ tal-Kunsilliera Lokali tal-Partit Nazzjonalista, Pierre Portelli spjega li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jippjana wkoll inizjattivi intiżi li jappoġġjaw ix-xogħol tal-Kunsilliera Lokali.

Il-Partit Nazzjonalista se jibda joffri taħriġ għall-Kunsilliera Lokali flimkien ma’ kandidati prospettivi sabiex dawn ikunu preparati aħjar għal dak li ġġib magħha responsabilità fi ħdan il-Kunsilli Lokali, qal Pierre Portelli. Huwa qal li dan il-proċess ser ikun qed jigi kkordinat mill-istess fergħa tal-Partit Nazzjonalista li tirraprezenta l-Kunsilliera Lokali kollha ta' Malta u Għawdex.

17.11.2017

Share

L-ewwel interess tal-Partit Nazzjonalista huma r-residenti

Reazzjoni għar-riżenja ta’ Kunsillier Lokali f’San Pawl il-Baħar

Wara li fil-laqgħa tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar il-bieraħ żewġ Kunsilliera f’isem il-Partit Nazzjonalista – Robert Piscopo u Joseph Vella – għażlu li jivvutaw kontra l-interess tar-residenti billi xekklu l-ħatra ta’ tliet impjegati ġodda fi ħdan il-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar, il-Partit Nazzjonalista jaċċetta r-riżenja ta’ Robert Piscopo li għażel li jibqa’ fil-Kunsill bħala Kunsillier indipendenti.

Qabel ma vvota kontra l-interess tar-residenti, is-sur Piscopo kien ilu snin jhedded li se jirriżenja jekk il-Partit Nazzjonalista ma jneħħiex lis-Sindku Graziella Galea, minkejja li din ġiet eletta b’mod demokratiku billi rċiviet l-akbar numru ta’ voti mill-elezzjoni tal-Kunsill Lokali.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għamilha ċara li ħadd m’huwa akbar mill-partit u ħadd ma jista’ jhedded lill-Partit Nazzjonalista biex imur kontra r-rieda demokratika tan-nies. B’hekk wara li Robert Piscopo ingħata ċans biex jirregola ruħu, u wara l-avveniment fil-laqgħa tal-Kunsill Lokali l-bieraħ, il-Partit Nazzjonalista jaċċetta r-riżenja tiegħu.

Fir-rigward tal-Kunsillier Joseph Vella, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qed jibgħat il-każ quddiem il-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista sabex jibda proċess biex jittieħdu passi dixxiplinarji fil-konfront tas-sur Vella.

Matul l-istess laqgħa tal-bieraħ, irriżenja minn Kunsillier Lokali David Thake wara li vvota mal-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista favur l-interessi tar-residenti ta’ San Pawl il-Baħar. Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja lil David Thake tas-servizz li ta fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar.

11.17.2017

Share

Jgħalqu n-nominazzjonijiet għall-Karigi fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista

Wara li matul din il-ġimgħa kienu qed jintlaqgħu n-nomini għall-Karigi fi ħdan il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake rċiviet dawn in-nomini:

·         Clyde Puli għal Segretarju Ġenerali;

·         Mark Anthony Sammut għal President tal-Kumitat Eżekuttiv;

·         David Stellini għal President tal-Kunsill Amministrattiv;

·         David Camilleri għal Teżorier:

·         Roselyn Borg għal Segretarju Internazzjonali.

Il-ħatriet għall-Karigi se ssir waqt il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv nhar il-Ħamis 23 ta’ Novembru.

17.11.2017

Share

Chairman Eżekuttiv għal Media.Link Communications

F’laqgħa li kellu dalgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia talab lil Pierre Portelli sabiex jaċċetta l-ħatra ta’ Chairman Eżekuttiv ta’ Media.Link, il-kumpannija tal-Partit Nazzjonalista li tiġbor fiha l-mezzi ta’ kommunikazzjoni kollha tal-partit.

Pierre Portelli aċċetta u se jkun qed jiformalizza din il-ħatra fi ħdan l-istrutturi tal-partit fil-jiem li ġejjin hekk kif jiġi fformat Bord ġdid.

Adrian Delia qal li Media.Link għandha quddiemha sfidi kbar u kien għalhekk li talab lil Pierre Portelli sabiex jiffokadwar kif se jtejjeb il-mezzi kollha ta’ kommunikazzjoni tal-partit Nazzjonalista sabiex jitwassal il-messaġġ tal-PartitNazzjonalista mhux man-Nazzjonalisti biss iżda mal-Maltin kollha. 

Pierre Portelli huwa gradwat fil-kommunikazzjoni u għandu ħamsa u għoxrin sena esperjenza fil-ġurnaliżmu u fil-media. Kien ġurnalist ma In-Nazzjon u Il-Mument, preżentatur fuq Radio 101 u Kap tal-Aħbarijiet ta’ Net TV. 

Fl-2004 ħoloq il-kumpanija ta’ produzzjoni Watermelon Media li kellha diversi suċċessi fil-qasam tat-televiżjoni Maltija. Kien President tal-Amministrattiv u membru tal-Eżekuttiv tal-PN bejn l-2009 u l-2012. Fl-2013 ingħaqad ma’ The Malta Independent bħala Direttur responsabbli mill-kontenut u business. Pierre Portelli irriżenja mill-kumpanniji kollha sabiex jibda l-ħidma tiegħu fil-Partit Nazzjonalista. Riċentament hu reġa' ġie elett fil-Kunsill Eżekuttiv tal-partit.

Pierre Portelli huwa miżżewweġ lil Diane u flimkien għandhom tlett itfal.

Il-Partit Nazzjonalista jawgura lil Pierre Portelli fil-ħidma l-ġdida li aċċetta li jidħol għaliha sabiex jissaħħu l-mezzi tal-kommunikazzjoni tal-Partit.

17.11.2017

Share

Minflok jipproteġu l-whistleblower jridu jarrestawha

Minflok jipproteġu l-whistleblower jridu jarrestawha

Il-Partit Nazzjonalista jiddeplora l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest ghall-whistleblower fil-kaz Egrant

 

Huwa ta’ għajb li minflok protezzjoni mill-awtoritajiet, il-whistleblower li kixfet dettalji mportanti fil-każ ta’ Egrant, qed tiġi ffaċjata b’mandat ta’ arrest.

 

Il-Partit Nazzjonalista ma jittollerax li l-whistleblower u l-familja tagħha jiġu intimidati minn Pilatus Bank, bank li anke l-Parlament Ewropew u l-Kumitat PANA esprimew it-tħassib tagħhom dwar il-mod kif jopera.

Dak li gara fil-Parlament Ewropew il-bieraħ ma kienx biżżejjed. Issa l-Gvern irid jarresta lil xhud li għandha dritt fil-Ligi għal protezzjoni kollha bħala whistleblower. Ma fadal ebda dubju li bi Gvern imexxi minn Joseph Muscat il-ligi mhux l-istess għal kulhadd.

 

Dan jikkuntrasta ferm mal-mod kif mexa l-Gvern ta’ Joseph Muscat mal-hekk imsejjaħ whistleblower fil-każ ta’ Giovanna Debono, meta kien pront joffrilu mhux biss il-protezzjoni kollha, iżda wkoll mijiet ta’ eluf ta’ Ewro f’kuntratti pubbliċi.

 

Il-Partit Nazzjonalista jsejjaħ lill-Gvern biex b’mod immedjat jagħti l-protezzjoni kollha meħtieġa lill-whistleblower li kixfet informazzjoni dwar Egrant.

 

Jason Azzopardi

Kelliem għall-Ġustizzja

Partit Nazzjonalista

 

16.11.2017

Share