ŻOMM AĠĠORNAT:

Attard_Team.png

Ħ’Attard

Introduzzjoni

Ħ’Attard għandu popolazzjoni ta’ madwar 11,000 persuna: villaġġ li llum m’għadux jitqies żgħir, u li bħall-bqija tal-lokalitajiet għandu bosta ħtiġijiet lokali partikolari. Dawn il-ħtiġijiet joħolqu sfida ta’ kuljum lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex Ħ’Attard jingħata l-attenzjoni li jeħtieġ.

Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta wkoll proposti siewja, imfassla skont il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ’il quddiem matul il-leġiżlatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali.

Barra minn hekk, dan il-Kunsill jeħtieġ iżomm relazzjoni tajba mal-Kunsilli Lokali tal-madwar, fosthom ta’ Ħal Lija u Ħal Balzan, ta’ Birkirkara, tal-Mosta u tar-Rabat biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn

 

L-infrastruttura

Bankini

Il-Kunsill ta’ Ħ’Attard jissokta bil-programm ta’ tiswijiet tal-bankini, fosthom fi Triq Mario Cortis. Se nkomplu naħdmu biex ir-residenti jkollhom bankini ta’ kwalità li jagħtuhom is-sigurtà li jixtiequ u li jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa.

Niżguraw li nneħħu l-perikli li wħud mill-bankini qed joħolqu biex nevitaw l-inċidenti u li nibnu oħrajn ġodda skont il-bżonn. 

Nieħdu ħsieb il-manutenzjoni taż-żebgħa mad-dawriet tar-roundabouts u matul is-centre strips fit-toroq tal-lokalità biex ikunu ta’ għajnuna għas-sewwieqa.

Toroq

Il-Kunsill jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-gvern ċentrali biex iwettaq dak li wiegħed, jiġifieri li snin li ġejjin jagħmel it-toroq kollha ta’ Ħ’Attard.

Fl-istess waqt, il-Kunsill se jkompli għaddej bit-tiswija tat-toroq tal-lokalità fosthom fi Triq il-Ġamar, Triq l-Isptar, Triq l-Inħasa, u Trejqet ir-Reġin, u fiż-żoni mhux urbani biex ikunu evitati l-inċidenti u l-ħsarat fil-vetturi li jużawhom.

Naħdmu biex inżommu manutenzjoni kontinwa tas-sinjali tat-traffiku u tat-tabelli fit-toroq, filwaqt li nkomplu l-ħidma fuq il-bini tal-ħitan f’ ċertu nħawi.

Playing fields, ġonna, pjazez u żoni miftuħa

Il-Kunsill Lokali jiżgura li tibqa’ ssir il-manutenzjoni tal-playing fields, tal-ġonna u tal-ispazji miftuħa biex jinżammu dejjem fi stat tajjeb għar-residenti. Nagħtu importanza lit-tħaddir urban u lill-infrastruttura soċjali u ċivika li qiegħda fir-responsabbiltà tal-Kunsill.

Inwettqu tisbiħ fil-ġardina ta’ Fgieni, u manutenzjoni fi Ġnien il-Palma, fi Ġnien il-Kunsill, u fi Ġnien Karm Debono li jiswew eluf ta’ ewro.

Niżguraw li ssir art ġdida tal-lastiku fi Ġnien il-Kunsill u jinbnew ċnut ta’ lqugħ għas-sigurtà tat-tfal fl-istess ġnien biex jibqa’ jkun żona rikreattiva għalihom.

Proġetti ewlenin oħrajn

Nissoktaw bil-ħidma fuq seba’ proġetti ewlenin oħra, fosthom il-ftuħ ta’ uffiċini ġodda għall-Kunsill Lokali, ir-restawr tal-embankment tal-ferrovija, u l-bini ta’ ċentru informattiv għat-turisti u librerija pubblika.

 

It-traffiku u l-parkeġġ

Nagħrfu li l-problema tal-parkeġġ qed kulma jmur tiżdied u għalhekk il-Kunsill jeħtieġ isib mezz biex jinħolqu spazji għal aktar parkeġġ, b’mod partikolari fiż-żoni ta’ Ħ’Attard li qed ibatu l-iżjed minn din il-problema.

 

It-trasport pubbliku

Il-Kunsill Lokali għaddej b’ħidma biex jinbnew madwar 44 stejġ ġdid ta’ tal-linja madwar il-lokalità, li bħalissa jinsabu fl-istadju tal-permess.

 

L-ambjent u l-indafa

Il-Kunsill jibda jaħdem fuq proġetti ta’ enerġija alternattiva u rinnovabbli, speċjalment fit-toroq tal-lokalità. Ifassal programm ċar għat-toroq li jkun jimplimenta sistemi tad-dawl iġġenerat minn sorsi alternattivi tal-enerġija.

Inwettqu proġetti oħrajn tal-enerġija rinnovabbli fiż-żoni pubbliċi, fosthom billi nesploraw il-possibbiltà ta’ ħidma bi sħab mal-entitajiet lokali ħalli jitwaħħlu panelli solari fuq postijiet pubbliċi, u mezzi oħrajn għal enerġija alternattiva.

Il-Kunsill jeħtieġ juża l-ispazji tat-tħawwil bl-aħjar mod, u jara li jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Infasslu pjan biex jinstabu żoni oħrajn li jistgħu jissebbħu bix-xtieli u bis-siġar.

Flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, nagħtu prijorità lill-indafa tal-lokalità. Barra minn hekk, niżguraw li l-iskart jinġabar fil-ħin u kif suppost, u li l-kuntratt tal-knis tal-lokalità jitħaddem kif mistenni.

Nissoktaw b’għadd ta’ inizjattivi siewja relatati mal-immaniġġjar tal-iskart fosthom:

- il-ġbir tal-ħwejjeġ bieb bieb biex nibqgħu viċin ir-residenti u nippromwovu l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ;

- l-attività Swap Shop li tiġi organizzata kull sena f’Novembru fl-okkażjoni tal-Waste Reduction Week;

- il-ħruġ tal-kalendarju tal-iskart;

- il-ġbir tal-iskart mill-ġonna kull nhar ta’ Sibt;

- l-hekk imsejħa “Eko Festa” biex nisseparaw ukoll l-iskart fil-festa wkoll.

 

L-edukazzjoni u l-kultura

Il-Kunsill iżomm relazzjoni tajba mal-iskola primarja tal-lokalità u jibqa’ f’kuntatt mal-istudenti li jattendu f’xi skola oħra ’l barra mil-lokalità.

Nipprovdu għadd ġmielu ta’ korsijiet, fosthom fl-informatika u r-robotika, kemm għal min irid jibda jitgħallem il-kompjuter, għal min irid jikseb ċertifikat fl-ECDL, min irid jitgħallem juża l-internet, is-servizz e-Citizen, u Learn IT, biex b’hekk ir-residenti ta’ Ħ’Attard ikollhom l-opportunità li jtejbu l-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom.

Minn żmien għal żmien, inqassmu materjal edukattiv biex ir-residenti ta’ Ħ’Attard jibqgħu infurmati dwar l-inizjattivi u l-attivitajiet li jkunu qed iseħħu fil-lokalità. Fil-binja tal-Kunsill norganizzaw ukoll bosta wirjiet kulturali li juru talenti lokali u nazzjonali.

 

L-isport

Tissokta l-organizzazzjoni tat-tournaments ma’ Attard Subbuteo Club u ma’ Attard Football Club taħt l-awspiċju tal-Kunsill Lokali.

Nibqgħu nappoġġaw ukoll l-organizzazzjoni tat-tlielaq tal-ħames u l-għaxar kilometri li ilhom jiġu organizzati għoxrin sena minn Attard Athletics Club u aktar riċenti mill-Malta Marathon.

Nibqgħu nkunu pjattaforma tajba għall-inizjattivi sportivi fil-lokalità biex nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra l-vizzji u l-obeżità, u biex aktar tfal, adolexxenti u żgħażagħ jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-isports.

 

L-għaqdiet fil-lokalità

Il-Kunsill jimpenja ruħu li jtejjeb u jkattar il-kuntatt mal-għaqdiet tal-lokalità u mal-parroċċa għall-benefiċċju ta’ dawk kollha involuti.

Niżguraw li l-għaqdiet lokali jingħataw aktar involviment attiv fil-komunità ta’ Ħ’Attard, mhux biss biex jiżdied l-għarfien dwarhom iżda anki biex ir-residenti jitħajru jagħtu sehemhom fl-għaqdiet u fil-volontarjat.

 

Il-lat soċjali

Il-Kunsill jeħtieġ jagħti importanza xierqa lil-lat soċjali tal-komunità. Għaldaqstant tul il-leġiżlatura li jmiss inkomplu nikkollaboraw ma’ entitajiet pubbliċi bħal Heritage Malta biex norganizzaw għadd ta’ żjarat kulturali għall-istudenti, għaż-żgħażagħ u għall-anzjani tal-lokalità.

 

Attivitajiet lokali u Jum Ħ’Attard

Il-Kunsill jistabbilixxi data fissa biex jibqa’ jorganizza Jum Ħ’Attard u Ġieħ Ħ’Attard, filwaqt li jżid l-involviment tar-residenti.

Niżguraw li jiġu organizzati aktar attivitajiet li jseddqu l-għaqda fil-komunità fi żminijiet partikolari, fosthom fil-Milied, fil-Karnival, fi żmien l-Għid u fil-ġimgħa tal-festa.

Nissoktaw nipprovdu żewġ servizzi għar-residenti: l-inizjattiva tal-Bank tad-Demm u tal-Mobile Dental Unit.

Inkomplu bl-inizjattivi tal-ġemellaġġ bejn il-Kunsill ta’ Ħ’Attard u dak ta’ Elancourt fi Franza fosthom l-iskambji tal-istudenti, tas-soċjetajiet tal-banda u tal-organizzazzjonijiet sportivi u kulturali miż-żewġ lokalitajiet.